Showing posts with label drittijiet fundamentali. Show all posts
Showing posts with label drittijiet fundamentali. Show all posts

5.8.25

KATINA TA' GARANZIJI

1. F’din il-ġimgħa, dawk li jirrispettaw il-lezzjonijiet tal-istorja, jafu. Anzi aħjar, jiftakru li tmenin sena ilu żewġt’ibliet mimlija bnedmin tħassru minn fuq wiċċ l-art. Hiroshima l-ewwel, fis-6 t’Awissu 1945, u ftit jiem wara Nagasaki, fid-9 t’Awissu, inxeħtu fuqhom bombi nukleari. Dan qatt ma kien seħħ qabel u l-effett kien wieħed devastanti aktar milli setgħu jbassru. Mietu diversi fil-jiem ta’ meta ntefgħu l-bombi u diversi oħra fis-snin ta’ wara, kawża tal-feriti li sofrew. Hemm kotba sħaħ li ddeskrivew dak li sar, kif u għala, u wara tant snin jibqa’ dejjem id-dibattitu dwar jekk dan kienx ġustifikat jew le. Jekk kienx hemm alternattiva li biha l-Ġappun seta’ fehem u ċeda. Il-fatti jibqgħu li dan ma ġarax.

Kommemorazzjoni

2. Kull gwerra għandha l-istorja tagħha. Minn kull waħda, il-bniedem ma marx ’il quddiem, kif uħud ipprospettaw. Dan fil-ħsieb li biex tibni l-ġdid trid teqred kull ma kien hemm qabel. Anzi, għal dawk li żbaljatament isostnu l-kontra, li jekk triq tibni trid teqred. Il-politiċi li ħadu dik id-deċiżjoni, flimkien mad-diversi persuni fil-forzi armati alleati u Ġappuniżi, illum m’għadhomx magħna. Nafu biss mid-dokumentazzjoni li sa issa hija pubblika x’wassal u x’kunsiderazzjonijiet ittieħdu. Għala, u x’biżgħat quddiem poplu daqshekk b’saħħtu u determinat bħal ma kien u huwa dak Ġappuniż. Nafu li l-fatti jitkellmu waħedhom. L-użu ta’ bombi nukleari jfarrku d-dinjiet u jeliminaw b’effetti li bihom tmiem id-dinja ma jkunx wisq ’il bgħid.

Infakkru

3. Diversi politiċi, akkademiċi, bnedmin varji, tul dawn is-snin ħadu ħsieb jieqfu u jfakkru. Biex fl-istess ħin isir dejjem iktar l-appell sabiex il-bniedem jiftakar kemm il-gwerra hija strument inutili. Ftit ’il bgħid minn fejn ngħix jien hemm ċimiterju, ’l hekk imsejjaħ ‘Kalkara Naval Cemetery’, li huwa kkurat u ffrekwentat. Fih hemm midfuna bnedmin li kienu ġejjin minn stati varji, inklużi dawk Ġappuniżi. Waqt li timxi minn bejn l-oqbra tagħraf kemm persuni tilfu ħajjithom. Tmiss ma’ dawk li ta’ età bikrija ġew nieqsa, u mingħajr ma trid jaqa’ fuqek id-dell ta’ dieqa kbira. Tilfu ħajjithom fl-aħjar tagħhom. Passi li tulhom niftakar f’kitbet Giulio Andreotti, meta qal: “Ai politici, rispetto ai loro predecessori, si addice – e non dovrebbe mai dimenticarlo – quel saggio richiamo che si legge nelle tombe comuni di tanti cimiteri: ‘Quel che voi siete noi fummo, quel che voi sarete noi siamo.’” (Lill-politiċi, fil-konfront ta’ dawk li ġew qabilhom għandu jingħadilhom – u ma għandu qatt jintesa – dak l-għerf li jfakkarna miktub fuq l-oqbra ta’ tant ċimiterji: ‘Dak li intom illum konna aħna, dak li se ssiru, aħna diġà.’)

Mument partikolari

4. Dan aktar f’dan il-perjodu fl-eżistenza tagħna meta għaddejjin gwerer kiefra. Dawk li qed iħallu diversi mejta, fi proċess li m’għandux xi forma ta’ ġustifikazzjoni. Li telimina bnedmin oħra huwa inaċċettabbli, iktar u iktar meta l-partijiet jistgħu jersqu madwar mejda u jsolvu. Meta huwa possibbli li flok tibqa’ għaddej bl-operazzjonijiet militari, li jitolbu aktar minnhom infushom stess, li wieħed jieqaf. F’dawn il-jiem spiċċajt il-ktieb ta’ Norberto Bobbio (1904-2004) bit-titlu De Senectute (1996). Filosfu, ġurista, akkademiku, politiku li kiteb u għallem fis-snin. Bniedem li kitbietu fihom x’taħseb u tirrifletti, u li ġejt influwenzat nirrispetta. Avolja nammetti li mpressjonajt ruħi aktar tul il-ktieb bil-pessimiżmu li kellu, fejn it-tama għalih ma tidħolx. Minkejja dan, wieħed irid jagħraf li ħajtu kienet iddedikata lejn tlett passi: it-tisħiħ tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-paċi. Dan fl-għarfien sħiħ rikonoxxut tiegħu li waħda timxi mal-oħra. Katina ta’ garanziji għall-eżistenza umana.

Dak li ninsabu

5. Illum, messaġġ ta’ ħsieb u djalogu huwa neċessarju. Iktar u iktar quddiem il-fatt li t-tentazzjonijiet umani li jużaw arma nukleari sabiex, skont huma, jsolvu kunflitt jew jeliminaw avversarju, hemm jibqgħu. Iktar u iktar meta dawn ikunu ilhom għaddejjin jieklu lil xulxin u l-abbiltà li jiffurmaw opinjoni ċara tintilef. Is-sitwazzjoni diġà hija eskalata sew. Biss, kif naraw, jibqa’ jonqos livelli oħra ogħla. Dawk li għandhom ir-responsabbiltà politika fid-dinja tal-lum u li ġew eletti, b’xi mod, miċ-ċittadini tagħhom iridu jagħrfu iktar dak li seħħ tmenin sena ilu. Jagħrfu li aħjar pass lura. Aħjar forsi wkoll bil-preżenza tagħhom f’Hiroshima u Nagasaki, fejn jagħrfu l-inġustizzja li qed iwettqu llum u dak li jistgħu jwettqu aktar għada pitgħada. Dik li anki l-ideat differenti ta’ Bobbio jsejħu għalih.

Introduzzjoni

6. Il-ktieb jiftaħ b’kitbiet ġurista ieħor daqstant magħruf: Gustavo Zagrebelsky (1943). F’mument jikteb hekk, huwa u jirrifletti fuq il-mewt: “Lo scandalo non è la morte, ma la morte prima del tempo, quella che chiamiamo prematura e contro natura; la morte che tronca, non quella che conclude; lo scandalo massimo è quando essa deve ascriversi all’opera o alla negligenza di esseri umani rispetto ad altri umani, deboli, poveri, sfruttati, derelitti; quando la morte da simbolo di fratellanza diventa simbolo di ingiustizia.” (L-iskandlu mhuwiex il-mewt infisha, imma l-mewt qabel żmienha, dik li nsejħu ‘prematura’ u kontra n-natura nfisha; il-mewt li taħsad, mhux dik li tikkonkludi; l-ikbar skandlu hu meta din isseħħ minħabba l-ħidma jew in-negliġenza ta’ bnedmin fil-konfront ta’ bnedmin oħra, dgħajfa, fqar, sfruttati, abbandunati; meta l-mewt, minn simbolu ta’ fratellanza ssir simbolu ta’ inġustizzja.) Tal-arroganza ta’ dawk li fil-poter tagħhom jiddikjaraw: “... tu non hai diritto di vivere ma, per qualche ragione che interessa me, devi morire.” (... m’għandekx dritt li tgħix, imma għal xi raġuni li tinteressa lili, inti għandek tmut.)

M’aħniex kapaċi?

7. Kliem u kuntest rilevanti ħafna llum. Id-dinja trid titkellem aktar u trid teżerċita aktar pressjoni politika bl-użu ta’ mezzi leġittimi sabiex tinqabad it-triq tal-paċi. Iktar u iktar fil-kuntest ċar ta’ ħidmet Papa Ljun XIV, li tul l-aħħar jiem rajnih u smajnih. Ġabar miljun żagħżugħ u żagħżugħa u l-messaġġ dirett kien favur il-paċi li għandna t-tama sħiħa li tista’ sseħħ. Meta wieħed jitlef triqtu lejn direzzjonijiet il-pessimiżmu, ikun ferm iktar diffiċli biex jibqa’ jinsisti li l-paċi hija possibbli. Huwa faċli li tneħħi minn fuq il-kuxjenza ta’ dawn il-bnedmin dan l-obbligu uman. Huwa faċli li tippermetti politika mingħajr morali, ’il-bgħid minn dik tal-kultura, fil-pessimiżmu li ma jsirux l-isforzi umani sabiex insalvaw dak li għandna.

Demokrazija

8. Għalkemm naċċetta u nibqa’ mpressjonat b’kemm bniedem bħal Bobbio, li kiteb tant favur il-paċi, kien tant nieqes mit-tama. Imma nifhem aktar dik il-pożizzjoni proprju fil-fatt li t-tama hija valur veru u proprju għax hija Nisranija. Imma xorta f’dan kollu nifhem aktar l-imħabba tiegħu għad-demokrazija. Huwa jgħid: “Io sono un democratico convinto, tanto da continuare a diferendere la democrazia, anche quando è inefficiente, corrotta, e rischia di precipitare nei due estremi della guerra di tutti contro tutti o dell’ordine imposto dall’alto.” (Jien demokratiku konvint, tant li nkompli niddefendi d-demokrazija, anki jekk hija ineffiċjenti, korrotta, u tirriskja li tinżel bejn żewġ estremi tal-gwerra ta’ kulħadd kontra kulħadd jew tal-ordni imposta minn fuq.) Il-gwerra li għaddejja, jekk ma tieqafx, lejn dan qed tipprova twassal. Tkun id-distruzzjoni umana u tad-demokrazija fil-katina ta’ garanziji għall-eżistenza umana. Proprju għalhekk li għandna niftakru f’dak li seħħ fil-Ġappun tmenin sena ilu u nieħdu lezzjoni.

10.1.25

IL-KAPAĊITÀ TAGĦNA FL-2025

1. Jacques Pirenne (1891-1972), f’waħda mill-kitbiet interessanti tiegħu jiddikjara hekk: “History is essentially a continuity and a unity; a continuity that goes on, without men being able to escape it, from generation to generation, and which links our own times to the most distant epochs; a unity, since in any society the life of each man is bound up with the lives of all others, even as in the community of nations, the history of each nation develops, without even being aware of it, as a part of the history of all the nations of the universe.” (L-istorja hija essenzjalment kontinwità u unità; kontinwità li tkompli, mingħajr ma l-bnedmin jistgħu jaħarbuha, minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni, li torbot żminijietna ma’ epoki antiki; unità, għax f’kull soċjetà tal-bnedmin kull persuna hija marbuta mal-ħajjiet tal-oħrajn, anki jekk, fil-komunità tan-nazzjonijiet, l-istorja ta’ kull nazzjon tiżviluppa, mingħajr ma tkun konxja, bħala parti mill-istorja tan-nazzjonijiet kollha tal-univers.)

Is-Sena 2024

2. F’din il-kontinwità u unità, wieħed irid jipprova jirrifletti fuq dak li għaddejna minnu. Fl-aħħar ħarġa ta’ The Economist, fl-editorjal tagħha għal dik is-sena tiddikjara, fost oħrajn, numru ta’ punti ta’ riflessjoni. Fil-qosor, tgħid hekk: (a) “2024 holds a more hopeful message” (L-2024 għandha messaġġ mimli b’aktar ottimiżmu); (b) “... it affirmed the resilience of capitalist democracies” (... affermat is-saħħa tad-demokraziji); (ċ) “... it laid bare some of the weakness of autocracies” (kixfet id-dgħjufijiet tal-awtokrati); (d) “There is no easy road back to the old order.” (Ma hemmx triq faċli lura lejn l-ordni tal-passat.) F’dan hemm affermazzjoni ċara favur id-demokrazija fis-sena fejn il-maġġoranza tad-dinja marret tivvota. Hija dik li kapaċi tibdel u tieħu vantaġġ miċ-ċirkostanzi sabiex tibni aħjar. Skont l-istess, jingħad hekk li hija abbli f’dan: “In 2024 democracies showed that they are built to take advantage of these opportunities – by sacking bad leaders, jettisoning obsolete ideas and choosing new priorities. That process is often messy, but it is a source of enduring strength.” (Fl-2024 id-demokraziji wrew li huma mibnija biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet – billi jneħħu mexxejja mhux tajba, jarmu ideat li huma antikwati u jagħżlu prijoritajiet ġodda. Dak il-proċess jista’ jkun ikkumplikat, imma huwa fonti ta’ saħħa li tibqa’.)

Is-Sena 2025

3. Hemm diversi kitbiet dwar dan kollu, fejn jispikka b’mod ċar li diversi qed jippretendu bidliet sodi. Qed iħarsu li fid-dinja jkun hemm lura l-paċi, l-ordni u l-istabilità. Li jieqfu l-kunflitti koroh li wasslu biss għal iktar telf ta’ riżorsi skarsi umani u mondjali. Diġà parti sew mill-elettorat fl-2024 ivvutat għal min wiegħed il-paċi. Min issa ser ikun strument jew li attwalment ser iġib dan huwa bank ta’ prova. Tmiem ta’ gwerer, dawk li qed naraw fl-Ukrajna, f’Gaża, fil-Libanu, fil-Jemen u fis-Sudan. Ħarsa ’l quddiem lejn dak li jista’ jikber fis-sewwa fis-Sirja. L-ottimiżmu li ġie ssudat iktar bid-dikjarazzjonijiet u diskorsi li smajna fl-aħħar tas-sena mill-“protagonisti”. Id-dinja llum qegħda tistaqsi jekk dan huwiex biss kliem fl-arja jew jekk hemmx passi konkreti sabiex dak li hu għaddej jingħalaq. Jiġi wkoll iddikjarat bħala l-agħar fażi f’seklu li kien qiegħed, fil-proċess globalizzat tiegħu, jimxi ’l quddiem lejn il-progress. Jekk dan verament iseħħ, bil-kumplikazzjonijiet antiki u ġodda, ser jinfetaħ staġun ta’ rikostruzzjoni għas-snin li ġejjin.

Inħarsu lura lejn il-Progress b’wiċċna ’l quddiem

4. F’dan irridu nifhmu li f’din l-esperjenza qarsa li għaddejjin minnha, hemm iktar apprezzament għal dak li gawdejna qabel. Tul din is-sena jkunu għaddew tmenin sena minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Bil-vantaġġi u l-iżvantaġġi li dan iż-żmien ġieb hemm sejħa sabiex l-ordni fil-paċi xejn faċli jidħol lura. Tmiem il-kunflitt tal-1945 telaq b’affermazzjoni ta’ żewġ pilastri: l-ewwel, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem; u t-tieni, il-vantaġġi tad-demokraziji. Dawn l-ankri ser ikunu mill-ġdid determinanti sabiex tinqabad dik it-triq. Però nimxu fiha mhux billi ndawru wiċċna lura u naħsbu li qed nimxu, imma aktar fl-għarfien tal-programmi li l-partiti taċ-ċentru, il-forzi moderati u li jiggarantixxu stabilità jridu jibnu mill-ġdid f’soċjetà li tilfet ħafna mir-ritmi tagħha. Dak li seħħ u għadu barra minn xtutna jaffettwana ċertament. Għalhekk tul l-2025, fil-proċess ta’ kontinwità u għaqda tagħna bħala nazzjon ma’ dawk ta’ madwarna, irridu nifhmu b’attenzjoni dawk l-opportunitajiet li ser jinfetħu. Il-pajjiż immexxi minn dak il-partit li ser ikun kapaċi jifhem dan kollu ser ikun jista’ jwettaq il-ġid.

9.1.24

PARTI MILL-UNJONI EWROPEA

1. Fi ftit xhur ser inkunu qed nersqu sabiex nivvutaw mill-ġdid biex minn fostna naħtru lil dawk li għandhom ikunu d-deputati fil-Parlament Ewropew. Mhux faċli biex wieħed jiġi elett. Daqshekk ieħor li wieħed jirnexxilu jkun f’żewġ partijiet f’daqqa. Jisma’ dak li jkun għaddej fuq dawn il-gżejjer u fl-istess ħin ikun kapaċi jsarraf dan fl-istituzzjonijiet Ewropej. Biss, huwa ċar li dan huwa eżerċizzju elettorali importanti u li jitlob mingħandna l-attenzjoni. Jitlob, l-ewwel, għax għandna bżonn iktar dożi ta’ Unjoni Ewropea fid-dibattiti nazzjonali; u t-tieni, għax aħna parti minn dan il-kontinent fid-dimensjonijiet sħaħ tiegħu.

Ta’ diversi pajjiżi

2. Aħna parti mill-Ewropa, u fil-ġenerazzjonijiet missirijietna kienu jħossuhom Ewropej. Forsi għax ġejna dominati għal ħafna żmien mill-Imperu Ruman, ukoll minħabba l-fatt li sibna ruħna parti minn min kien jaħkem Sqallija, kif ukoll għax l-istess Kavallieri ta’ San Ġwann kienu ċentru Ewropew. Barra minn dan, meta ġew l-Ingliżi bqajna nħarsu lejn dan il-kontinent nikkunsidraw ruħna Latini. Il-fatt jibqa’ li aħna parti mill-istorja Ewropea, parti minn din il-benniena ta’ ċiviltà, tal-għerf, tal-ħsieb ta’ ħidmet il-bniedem. Storja kumplessa u ħafna drabi, kif qed nerġgħu naraw illum, doloruża. Storja li għaddiet minn triq li rat ġlied, distruzzjoni, għeluq, imma wkoll rikostruzzjoni u bini ta’ strutturi li jibnu Stat u l-ideal tiegħu.

Demokrazija


3. F’dan, il-proċess sħiħ huwa mertu ta’ ideat varji u bnedmin ta’ intelliġenza li minnhom għandna Ewropa miftuħa. Waħda li bniet lilha nfisha mhux f’kunċetti dittatorjali, tiranniċi, imma fi ħdan id-demokrazija. Fi ħdan sistema li tippermetti li l-poter ikun iktar f’idejn il-poplu, li għandu d-dritt li jagħżel, li jneħħi, li jipprotesta u li jippretendi tmexxija tajba. Dik li minnha, fiċ-ċaħda ta’ tmexxiji awtoritarji, kull persuna f’territorju Ewropew huwa garantit fi drittijietu. Huwa protett f’dawk li maż-żmien inbnew bħala drittijiet u libertajiet fundamentali. Hemm bżonn nagħrfu li, qegħdin fejn qegħdin illum, dan hu proprju minħabba proċess twil li l-istorja Ewropea serviet f’demokrazija unika.

Iktar miftuħa

4. Wasalna b’għaqal, b’intelliġenza, b’għerf sabiex għandna bliet aktar miftuħa. Bliet li jikkomunikaw ma’ xulxin u li huma parti minn programmi ta’ koperazzjoni u informazzjoni. F’kull stat membru qed jitwieldu u jikbru ċittadini ġodda u f’ambjent differenti minn dak ta’ qabilhom. Fejn il-kunċett ta’ ċittadinanza Ewropea, flimkien ma’ dik nazzjonali, huwa realtà qawwija. Dik li tippermetti li wieħed jaħdem f’pajjiżi oħra, jitgħallem hemm fis-sistemi edukattivi, speċjalment fl-universitajiet, u li b’hekk tgħaqqad iktar dak li kien qabel iktar mifrud. Hemm Ewropa ġdida li tiġi ffurmata jum wara jum mertu ta’ dak li seħħ fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Hemm iktar bnedmin ġejjin minn realtajiet varji li qed jiġu f’daqqa.

Riflessjoni

5. F’dan il-mument jixraq li nagħmlu riflessjoni fuq il-viżjoni li għandna fil-preżent u dik li sejrin għaliha fil-futur. Dik li minnha ġie estiż iktar il-kunċett ta’ patria, li jżid fil-valur minn dak ta’ wieħed strettament nazzjonali. Dik li tagħti dimensjoni aqwa lis-solidarjetà u lill-ġustizzja soċjali. Dik li ppermettiet żvilupp fejn qabel ma setax iseħħ. Dik li, anzi, ġiebet il-preservazzjoni aqwa tal-wirt storiku u kulturali tal-poplu. Proċess speċjali, u f’ħafna llum wasalna f’dak li ma jistax jiġi mneħħi. Ma nistgħux immorru lura lejn dak li konna qabel, kif dawk li telqu minn ħdan l-Unjoni Ewropea qegħdin, biċċa biċċa jirrealizzaw, fil-kumplikazzjonijiet li daħlu fihom. Kif kien qal tajjeb politiku Taljan xi snin ilu: “Dopo i successi e i traguardi raggiunti in termini di prosperità, solidarietà sociale, abolizione delle frontiere e moneta unica, si tratta di andare avanti lungo la via dell’unità politica, della costruzione di una politica rivolta al mondo intero, per la quale occorre il contributo di tutti, cittadini, politiċi, intellettuali.

Postna

6. Waqt li f’dan infakkru t-tmienja u disgħin sena minn meta, fis-16 ta’ Jannar 1926, kien hemm l-għaqda bejn iż-żewġ partiti li ffurmaw il-Partit Nazzjonalista. Filwaqt li f’dan niftakru wkoll li wieħed mill-għanijiet prinċipali tiegħu kien dak li jġib: “The moral, intellectual and economic uplifting of the social classes on the principles and criteria laid down by Leo XIII in his Encyclical Rerum Novarum.”, nagħrfu aħjar kemm kien pass loġiku u naturali għalina li nħarsu lejn dak li wettqu b’tant kuraġġ, determinazzjoni u viżjoni tlett politiċi Demokratiċi-Kristjani wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Kemm, għalhekk, kien pass fi triqitna li nsiru parti mill-Partit Popolari Ewropew. Kemm kien pass daqshekk ieħor ta’ fiduċja li naħdmu sabiex pajjiżna jsir membru tal-Unjoni Ewropea. Postna huwa fi ħdan l-Unjoni għax aħna partit Demokratiku-Kristjan. Min jiċħad dan il-proċess storiku jkun qiegħed jipprova jibdel dak li verament seħħ u dak li huwa l-iskop politiku tal-eżistenza tagħna.

Ma nżarmawx dak li m’għandux jiġi żarmat

7. F’dan ċertament, l-isfida għalina li bħala partit batejna sabiex pajjiżna jsir indipendenti u wara membru tal-Unjoni, huwa li nipproteġu dawk il-kisbiet. Imma hemm qegħdin, u kif editorjal ta’ The Economist tat-30 ta’ Settembru 2023 bit-titlu ‘Bigger and Better’ kien qal b’tifħir u fil-bżonn ta’ tkabbir: “Joining the world’s most successful club of peaceful, prosperous democracies”, it-theddida għal dawn l-avvanzi rridu nagħrfu li ġejja minn politika li trid tmur il-kontra ta’ dan il-proċess. Il-partiti tal-lemin u dawk tal-lemin lemin jadvokaw, f’xi mument jew ieħor, in-nuqqas ta’ mħabba tagħhom għall-Unjoni. Jarawha bħala dik li ma welldux. Jarawha li flok hija strument ta’ progress soċjali u ekonomiku, għalihom hija xkiel politiku. F’dan, għalhekk, huwa daqshekk ieħor ċar li s-saħħa Ewropea tiddependi minn kemm l-Unjoni Ewropea hija soda.

Sehem attiv

8. Għalhekk f’dan m’hemmx dubju li għandna nagħtu sehem attiv sabiex dan il-pass politiku jkollu aktar suċċess. Sabiex il-pajjiż tagħna jikber u javvanza soċjalment, ekonomikament u kulturalment għandu bżonn ikun hemm bl-aġenda tiegħu. Mhux biss dik nazzjonali, imma wkoll dik Ewropea. Dik li aħna rridu li l-Unjoni Ewropea ssir aktar aħjar u li jkollha tħaddim aħjar tal-valuri etiċi Nsara tagħna. Pajjiżna għandu jifhem li m’għandu xejn inqas minn ħaddieħor. Jifhem li jista’ jibdel id-deċiżjonijiet f’direzzjonijiet aqwa. Proprju għalhekk li għandna nifhmu li għandna bżonn iktar Ewropa fil-politika nazzjonali tagħna, fil-Parlament ta’ pajjiżna. Proprju għax aħna verament parti mill-Unjoni Ewropea.

19.6.23

JIXRAQLU FERM AĦJAR

1.   Bnedmin, fil-ħajja u fl-istorja, b’mod partikolari, isibu ħidmiethom imwarrba fil-ġenb. Isibu ruħhom fid-dell ta’ opinjonijiet inġusti dwarhom. Isibu li la kredtu, u wisq inqas gratitudni ma jingħataw dwar dak li jkunu, b’tant determinazzjoni, ħadmu għalih. Bnedmin li jridu biss li jibqa’ dak li huma jifhmu li fil-ħajja hemm ukoll il-mumenti meta jkun hemm min jiġbor lura dak li wettqu. Ħafna drabi, xejn ma jkun jiddependi minnhom. Fis-sens li, jgħidu x’jgħidu huma biex jispjegaw jew jiddefendu ħidmiethom, ma jiġbdux l-attenzjoni li ħaddieħor jikteb dwarhom. Bħal ma tkerrħu minn oħrajn, isibu lilhom infushom apprezzati minn oħra. Dawk il-bnedmin li, wara t-trapass taż-żmien, ikollhom l-opportunità li jħarsu iktar oġġettivament.

Iż-żmien


2.   Ħafna drabi, f’dan jgħin li l-bniedem jibqa’ ħaj. Jibqa’ għaddej jgħin u jibqa’ rilevanti billi jiltaqa’ mal-komunità. Jista’ jitkellem u jista’ jinfluwenza. Jista’ jidher u jfakkar li stabbilixxa linji ta’ ħajja pubblik attiva differenti. Mhux kull persuna tista’ f’dan. Hemm min, ħafna drabi, jrid bilfors jistenna li jgħaddi ż-żmien fuq iż-żmien. Jekk qabel, kull ma seta’ qal ma nstemgħax, maż-żmien jibda jingħata iktar widen. Mhux b’kemm jixtieq hu, imma skont kemm il-bnedmin fis-soċjetà jiddeċiedu. Ħafna drabi, ftit huma dawk li jkollhom il-kuraġġ li jieħdu f’idejhom il-kawża tal-oħrajn. Ftit huma dawk li jkunu lesti li jaqbżu għall-ħidma politika ta’ politiċi oħra bħalhom. Imma maż-żmien dawn issibhom, u jagħrfu jagħmlu d-differenza.

President speċjali


3.   Dan huwa li qiegħed nara għaddej bħalissa favur Jimmy Carter, li kien President tal-Istati Uniti bejn l-1977 u l-1981. Kitbet l-istorja għal dawn l-aħħar snin ma kinitx dejjem favur tiegħu. Anzi, huwa ċar li kull min ġie warajh ma tantx kien lest li jgħid biex ifakkar li ħidmietu serviet sew lil dak il-pajjiż kbir. Sija Bill Clinton, kif ukoll Barack Obama ma kinux wisq preparati f’dan, imma Joe biden qiegħed ikun. Dan il-bniedem, imwieled fl-1 ta’ Ottubru 1924, illum qabeż it-98 sena. Wieħed li, bl-eżistenza sempliċi tiegħu qiegħed iwassal biex dak kollu li wettaq fil-Presidenza jiġi stmat u analizzat fit-tajjeb mill-ġdid. Kien il-bniedem li daħal fis-siġġu ta’ presidenza li Richard Nixon ma tantx ħalliha mimlija bil-glorja. Kien, għalhekk, dak li daħal proprju biex ikun hemm presidenza aktar trasparenti u waħda li tħares li tiddefendi u xxerred id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Make America Great

4.   Kien, f’dan, żiffa friska fl-ideat u fl-ideali. Kien, f’ħafna, qiegħed jesprimi dak li l-President attwali jista’ faċilment, wara t-togħma morra tal-esperjenza ta’ Donald Trump. Dan biex dan il-pajjiż jikseb lura l-kredenzjali demokratiċi li kien igawdi, kif ukoll dawk l-ideat li jgħolluh fil-ġlieda kontra l-inġustizzji. Kien deċiż fl-opinjoni tiegħu li l-pajjiż jikber f’dan. Huwa kien qal: “Our country has been strongest and most effective when morality and a commitment to freedom and democracy have been most clearly emphasized in our foreign policy.” (Pajjiżna kien l-iktar b’saħħtu u effettiv meta l-moralità u l-impenn għad-demokrazija u l-libertà kienu dikjarati b’mod mill-iktar ċar fil-politika barranija tagħna.)

Drittijiet fundamentali

5.   Forsi llum, fl-aġendi Ewropej u nazzjonali, m’għadniex nitkellmu fuq id-difiża tad-drittijiet fundamentali bl-istess saħħa li konna. Carter kien deċiż li dan ma jkunx. Proprju fl-ideat u t-trobbija tiegħu, il-valuri Nsara kienu prijorità u gwida. Ma qagħadx lura milli jiddikjara li l-Presidenza ressqitu iktar lejn dak li jemmen, u f’dan, fit-talb. Proprju minħabba dan li kien konvint li kellu jkun hemm impenn ċar fil-ħidma indipendenti minn waħda purament pragmatika fejn l-ideali jinxeħtu ʼl barra. Fuq dan kien qal hekk: “Our commitment to human rights must be absolute, our laws fair, our national beauty presented, the powerful must not prosecute the weak and human dignity must be enhanced.” (L-impenn tagħna favur id-drittijiet fundamentali għandhom ikunu assoluti, il-liġijiet tagħna ġusti, fejn l-isbuħija tagħna tidher, fejn dawk li huma b’saħħithom m’għandhomx jippersegwitaw lil dawk li huma dgħajfa u d-dinjità umana tissaħħaħ.) Ma beżax jitkellem favur dawn id-drittijiet u ħadem sabiex pajjiżu jikber f’dinja fejn dawn ma kinux għadhom ħadu l-prijorità li ħaqqhom.

Favur il-Paċi

6.   Kien il-bniedem li bata u ddedika verament ħafna mill-ħin tiegħu sabiex ikun hemm il-paċi fid-dinja. Ibda mir-relazzjonijiet mal-Unjoni Sovjetika u kompli maċ-Ċina, li kienet qegħda tiftaħ kapitoli ġodda taħt Deng Xiaoping. Kien attiv u attent sabiex ikun hemm ordni mondjali aħjar milli sab. F’dan, b’mod partikolari rnexxilu jwassal sal-Eġittu ta’ Anwar-el-Sadat u Iżrael ta’ Moshe Dayan u Begin Menachem għal ftehim. Bata sew f’dan, imma rnexxilu jġib ferm iktar paċi u stabilità f’dak ir-reġjun. Ħidma li wettaq flimkien magħhom fil-famuż ‘Camp David’. Waħda li d-dinja Għarbija ta’ dak iż-żmien m’apprezzatx, imma li llum, wara tant snin, wieħed irid jaċċetta li mertu tiegħu nbena pedament li fuqu oħrajn għadhom jistgħu jkomplu jibnu. Biss, kif qed naraw, flok sforzi għall-paċi llum qed naraw oħrajn kompletament differenti.

Togħmiet morri


7.   Il-politika attiva, għal kull min jieħu sehem veru fiha, għandha l-ħelu u l-morr tagħha. Dawk li ma jwettqu xejn, dan ma jagħrfuhx. Imma Carter, proprju għax f’ħafna kien irnexxielu jistabbilixxi li tista’ titkellem fuq l-ideali u twettaqhom, għadda minnhom. Sfortunatament għalih proprju fl-4 ta’ Novembru 1979, meta madwar 3,000 Iranjan daħlu u ħatfu diversi membri tal-Ambaxxata Amerikana f’dak il-pajjiż. Sitwazzjoni xejn faċli, imma li ġiebet lill-Amerika tidher bħala pajjiż dgħajjef, għax ma setgħetx tasal mar-reġim intransiġenti u teokratiku ta’ Ruhollah Khomeini. Bata sew, bi sforzi varji, sabiex fl-aħħar dawn jiġu meħlusa. Piena kbira u mill-iktar ikkumplikata li qegħdet fid-dell it-tajjeb kollu li kien wettaq. Illum, wara 42 sena u b’dak kollu li seħħ, id-dinja tidher li qed tagħraf li għandha tqis mill-ġdid ħidmet dan il-bniedem. Tagħraf li għandu jixraqlu ferm aħjar.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...