Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
17.3.25
REALPOLITIK MINGĦAJR VALURI
X’jaħsbu
2. George Weigel (1951), magħruf l-aktar għall-ktieb voluminuż tiegħu dwar il-Papa qaddis Ġwanni Pawlu II imma preżenti fl-analiżi politika u soċjali attwali, għandu riflessjonijiet tajba dwar dan fil-ktieb The Fragility of Order (2018). Huwa jiddikjara hekk: “American power was a positive force in the world. The prudenti exercise of American power was not only necessary but good, for it aimed at securing the morally worthy goal of peace through freedom.” (Il-Forza Amerikana kienet waħda pożittiva għad-dinja. L-eżerċizzju għaqli tal-poter Amerikan ma kienx biss neċessarju imma tajjeb, għax kien jimmira li jħares li jassigura l-għan morali ta’ valur, li jkun hemm il-paċi permezz tal-libertà.) Ideat li, f’ħafna, għalihom u għalina kienu kostanti.
Pożizzjoni aqwa
3. Kienu f’dan aktar fi grad ta’ superjorità, li fl-aħħar mill-aħħar hemm din il-potenza mondjali differenti mid-dittatorjati. Mhux biss poter u saħħa fid-deċiżjonijiet mondjali, imma direzzjoni politika internazzjonali mmarkata li tafferma li l-valuri morali t-tajba għandhom jiġu affermati. Veru li mhux il-Presidenti kienu preċiżi fuq xulxin, iktar u iktar fl-għarfien li wħud kienu wlied il-Partit Demokratiku u oħrajn wlied dak Repubblikan. Biss, anke jekk ebda President ma jista’ jingħad fuqu li kien qaddis, għalkemm Jimmy Carter (1924-2024) ċertament kellu valuri Nsara dikjarati, xorta l-bandiera tal-libertà, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali ma ġewx abbandunati għall-esiġenzi politiċi puri. Waħda li diversi, fil-ġenerazzjoni li għaddejja, jidentifikaw mal-President John F. Kennedy (1917-1963).
Kien hemm
4. Kien hemm oħrajn qabel, però Kennedy kien dak li għaraf li l-vantaġġ bejn pajjiżu, u dak iż-żmien l-Unjoni Sovjetika, kienet ġejja minn dak ukoll. Kien kapaċi jwassal messaġġi ta’ Valuri u Realpolitik f’daqqa. Fl-20 ta’ Jannar 1961, fid-diskors inawgurali tiegħu kien iddikjara li kien hemm ġenerazzjoni ta’ bnedmin li batew biex setgħet Tirrenja l-paċi li ma kenitx lesta ċċedi fil-ġlieda tagħha għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Diskors li jimmerita jinqara mill-ġdid illum, erbgħa u sittin sena wara. Senjatament meta tisma’ lura mill-ġdid li: “Let every nation know, whether it wishes us well or ill, that we shall pay any price, bear any burden, meet any hardship, support any friend, oppose any foe to assure the survival and the success of liberty.” (Kull pajjiż għandu jkun jaf, sija jekk iridilniex il-ġid jew id-deni, li aħna lesti li nħallsu kull prezz, nieħdu fuqna kull piż, naffrontaw kull diffikultà, nappoġġjaw kull ħabib, nopponu kull għadu sabiex nassiguraw l-eżistenza u s-suċċess tal-libertà.)
Inbniet kultura
5. F’dan inbniet għall-ġid ta’ dak il-pajjiż linja ta’ ideat kulturali li drajna f’sens pożittiv. Ħadd ma ħa lil ħadd, kif jgħidu huma stess, “for granted”, imma għal dawn l-aħħar tmenin sena dik kienet il-linja. Kennedy jibqa’ f’diskorsu dawl fil-valuri li ħaddan u li pprova jqiegħed fis-seħħ. Imma kif tajjeb jirrimarka Weigel, kien hemm Presidenti oħra wara li niżżlu isimhom u m’abbandunawx dan. George Bush (1946) li f’Jannar 2005 kien, fost oħrajn, iddikjara f’linja dejjem avvanzata u ċara li: “We are led, by events and common sense, to one conclusion: The survival of liberty in our land increasingly depends on the success of liberty in other lands. The best hope for peace in our world is the expansion of freedon in all the world.” (Aħna mmexxijin minn eventi u sens komun, lejn konklużjoni waħda: Il-libertà tibqa’ ħajja u tiddependi dejjem aktar f’pajjiżna mis-suċċess tal-libertà f’artijiet oħra. L-aħjar tama għall-paċi fid-dinja tagħna hija dik li tara t-tkabbir tal-libertà fid-dinja kollha.) Pożizzjoni mill-iktar ċara u evidenti.
Smajna u qrajna tajjeb
5. Proprju f’dan, għalhekk, ħadd ma jista’ jgħid li din il-pożizzjoni li għamlet il-ġid lil dak il-poplu ġiet ivvintata mill-pajjiżi Ewropej. Dik kienet ir-realtà u s-sens komun jitlob li dik tibqa’. Għax hija minn kif il-ħamsa u erbgħin Presidenti preċedenti fasslu li huwa fit-triq it-twila kostanti li twettaq is-sewwa fil-politika, li tfittex u tagħti appoġġ tal-iżvilupp u progress tal-movimenti u istituzzjonijiet demokratiċi ta’ kull pajjiż u kultura, sabiex it-tirannija tispiċċa mhux titkattar fuq wiċċ l-art. Anke jekk aħna nħaddnu b’attenzjoni linja ta’ politika barranija li hija marbuta man-newtralità attiva, xorta aħna favur id-demokrazija u kontra d-dittatorjati. Għandna nittamaw u nibqgħu nemmnu li kull poplu jixraqlu li jgħix fil-libertà u fejn id-drittijiet fundamentali jiġu protetti verament.
Modus non moriendi
6. Nafu li l-politika, anke dik mondjali, inevitabbilment tressaqna ma’ kwistjonijiet marbuta ma’ dak li huwa tajjeb u dak li huwa ħażin: dak li huwa nobbli u dak li mhuwiex, jew dak li huwa konformi mal-veritajiet li nafu li huma veritieri u dak li mhuwiex konformi. Imma trid direzzjoni ċara li twasslet lejn il-paċi u s-sewwa. Weigel proprju fuq l-analiżi dettaljata tiegħu ta’ ħajjet u ħidmet il-Qaddis Karol Wojtyla jagħraf li hemm negozjati li jistgħu jsiru f’dawn iċ-ċirkostanzi, imma l-prinċipji wieħed jaħdem aħjar jekk ma jċedix fuqhom. Jislet mill-kuntrast bejn il-Kattoliċiżmu u l-Komuniżmu u jgħid hekk: “That incompatibility also suggests that the strateġiċi vision of John Paul II, which encompassed the victory of freedom over totalitarian tyranny, was more acute than those who imagined a slow convergence between liberalising Communism and an increasingly social-democratic West.” (Dik l-inkompatibilità tissuġġerixxi wkoll il-viżjoni strateġika ta’ Ġwanni Pawlu II, li kellha fiha r-rebħa tal-libertà fuq it-totalitarjaniżmu, kienet iktar akuta, intelliġenti, minn ta’ dawk li mmaġinaw xi forma ta’ konverġenza bejn Komuniżmu aktar libertarju u Oċċident iktar soċjal-demokratiku.)
Fit-tul, imma fis-sewwa
8. Fl-għażliet li hemm quddiemna, wieħed irid jifhem aktar jekk dak li qiegħed jibni fil-preżent għall-futur għandux fih il-valuri tas-sewwa jew l-abbandun tagħhom. Il-politika t-tajba hija dik li tagħraf tiddistingwi biex timxi ’l quddiem. Jekk tibqa’ taħseb li għandha ċċedi issa biex tibqa’ għaddejja trid tagħraf li mhix taqbad triq biex ma tmutx, imma dik li biha ser tmut. Il-valuri demokratiċi fil-paċi u l-libertà jgħaqqdu ferm iktar popli milli naħsbu. Eċċezzjonijiet u kompromessi żbaljati bbażati fuq konsiderazzjonijiet materjali u ekonomiċi jwasslu lejn eżempji ħżiena u li jkattru oħrajn biex jaqbdu l-istess triq. Hemm inkunu, f’isem ir-Realpolitik, qed naqbdu t-triq li ma fihiex dawk il-valuri morali li jsawruna.
21.11.24
MA TISTAX TMERIHOM
Direzzjonijiet
2. Fil-politika hemm linja ta’ attività li numru ta’ drabi partiti politiċi ma jagħrfux jibdlu u jiddistakkaw ruħhom minnhom. Jispiċċaw jaħsbu li kollox huwa l-istess bħal qabel. Jaħsbu li dak li ħadem xi darba fil-passat ser jibqa’ jirnexxi fil-futur. Jieħdu l-linja li m’għandhomx bżonn jifhmu dak li hu għaddej u għalhekk, f’dan, kif ma’ kull appuntament elettorali x-xenarju huwa differenti. Jaħsbu li tant jafu kollox li għandhom formula maġika speċjali u mistura li tista’ tiġi mqegħda fis-seħħ f’kull okkażjoni u ċirkostanza. Imma dan mhuwiex minnu u l-esperjenzi ta’ elezzjonijiet varji fid-dinja, kif ukoll dawk fuq dawn il-gżejjer, juruk il-kontra. F’dan, għalhekk, hemm dejjem il-biża’ li wieħed jaqa’ fil-linja ta’ politika atavistika. Dik proprju li tirrepeti dak li sar qabel mingħajr ma taħseb x’qiegħed twettaq.
L-aħħar riżultat
3. F’dan huwa aktar evidenti r-riżultat elettorali li kien hemm ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerika. Il-kampanja ta’ Donald Trump kienet aħjar għax ħadet ħsieb li ma jiġux ripetuti l-istess żbalji li kienu saru qabel. Mhux biss, imma ma’ dan anqas ma saret l-istess kampanja elettorali li wieħed seta’ jippretendi. F’ħafna kienet kompletament ġdida. Wasal b’użu aħjar u ferm iktar tal-“influencers”. Magħha wkoll ħidmet Elon Musk, li ġie bil-kaxxa distinta tiegħu. Fil-kamp tal-Partit Repubblikan fehmu li jekk kien hemm possibilità ta’ rebħa, din kienet tiddependi fuq bidla. Mhux ripetizzjoni passata. Fehmu u wettquha. Veru li mhux kull persuna kienet konvinta. Biss, il-partit fehem ukoll li jrid jibda mill-bidu u daħal fi proċess twil u kkumplikat li jagħżel kandidat fil-magħrufa ‘Primaries’. Fejn Trump ġie kontestat, però ma kienx hemm alternattiva għalih. Xorta t-triq kienet mimlija sfidi xejn faċli li tegħleb. Mal-maġġoranza kellu immaġini mhux daqshekk qawwija, fid-dell tal-fatt li diversi kienu ħarġu biex jivvutaw kontra tiegħu proprju minħabba l-erba’ snin tal-presidenza li kellu.
Disfatta
4. Dan aktar u aktar sarraf proprju kemm kien diffiċli ħafna biex jiġi elett mill-ġdid. Dan għax, l-ewwel, kien jidher ferm aktar estrem wara l-attakk li seħħ fuq il-Capitol Hill; it-tieni, deher maqtugħ mill-pajjiż; u t-tielet, kien hemm l-isfond ta’ ġlied intern fil-partit li kien qawwi. F’ħafna kien ġej mill-pożizzjoni li kien mehdi jibla’ l-fwieħa tal-propaganda tiegħu stess. Jemminha meta ma kellux. Imma l-fatt huwa li Trump, fl-aħħar riżultat żamm l-elettorat li kellu. Ma żiedx fuq l-aħħar elezzjoni tal-2019, imma fin-nuqqas tad-Demokratiċi, li minflok naqqsu verament sew, ġieb il-maġġoranza. Li huwa riżultat li seħħ mhux biss minħabba l-isforzi li saru mill-kamp Repubblikan, imma ċertament ukoll aktar minħabba l-iżbalji tal-amministrazzjoni tal-President Joe Biden.
Telfa
5. F’dan ukoll, fuq in-naħa l-oħra, ċertament il-Partit Demokratiku jrid iħares lejn dak li wassal għal dan kollu. Għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar għaxar snin tilef il-maġġoranza tal-voti, dik fis-Senat u fil-Kamra tad-Deputati. Hemm raġunijiet varji, l-iktar in-nuqqast ta’ preparazzjoni ta’ kampanja elettorali ċċentrata fuq kandidat li ma baqax. Kien żball politiku li ma bediex il-proċess ta’ għażla ta’ kandidat ġdid għal Joe Biden. Kien biss tlett xhur qabel, u dan verament fl-aħħarnett li huwa għażel li jieħu pass lura. Kien żball strateġiku u f’dan kien jaqbel li jieħdu ferm qabel. Dan aktar u aktar meta l-elettorat kien qiegħed juri li kien diġà mdejjaq sena qabel bil-pożizzjoni ta’ inċertezza li fl-aħħar żviluppat fix-xenarju internazzjonali. Mis-7 ta’ Ottubru 2023, il-pożizzjoni marret għall-agħar. Ħafna qabblu dan ma’ dak li Jimmy Carter mess fil-kriżi tal-Ambaxxata Amerikana f’Teheran. Meta Carter deher inkapaċi u inċert, bil-pajjiż umiljat. Dak li proprju wassal lil Ronald Reagan jirbaħ mingħajr diffikultà fi kważi kull stat.
Ħeġġa
6. Imma hemm l-aspett personali. Ċertament kien diffiċli ħafna biex Biden u l-Partit Demokratiku jgħaddu minn dan il-proċess sħiħ. Iktar quddiem il-pożizzjoni li l-fatti kienu qed juruk x’inhuwa ġej għalik. Meta fil-fatt ma tagħtix każ tagħhom, tibqa’ twettaq dak li għamilt qabel u ma tibdilx. Hemm meta l-ħeġġa u d-determinazzjoni biex wieħed jirbaħ elezzjoni jintilfu proprju minħabba dawn l-iżbalji. Meta wara jkun ferm aktar diffiċli biex iġġib il-kunsens elettorali. Meta s-sitwazzjoni tkun nieżla aktar ’l isfel, kif kellhom. Meta jgħaddu kemm jgħaddu xhur, u jagħmel kemm jagħmel awtogoals l-avversarju tibqa’ nieżel, trid tiddeċiedi. Kien żball li baqgħu jittamaw li ċ-ċirkostanzi ser jinbidlu u jitilgħu ’l fuq, għax minflok, marru iktar ’l isfel. F’dan, għalhekk, il-Partit Demokratiku falla, u fuq din l-esperjenza qarsa ħafna jrid jitgħallem lezzjoni kbira. Jifhem li l-fatti u l-figuri tista’ taħrabhom, imma ma tistax tmerihom.
19.6.23
JIXRAQLU FERM AĦJAR
Iż-żmien
2. Ħafna drabi, f’dan jgħin li l-bniedem jibqa’ ħaj. Jibqa’ għaddej jgħin u jibqa’ rilevanti billi jiltaqa’ mal-komunità. Jista’ jitkellem u jista’ jinfluwenza. Jista’ jidher u jfakkar li stabbilixxa linji ta’ ħajja pubblik attiva differenti. Mhux kull persuna tista’ f’dan. Hemm min, ħafna drabi, jrid bilfors jistenna li jgħaddi ż-żmien fuq iż-żmien. Jekk qabel, kull ma seta’ qal ma nstemgħax, maż-żmien jibda jingħata iktar widen. Mhux b’kemm jixtieq hu, imma skont kemm il-bnedmin fis-soċjetà jiddeċiedu. Ħafna drabi, ftit huma dawk li jkollhom il-kuraġġ li jieħdu f’idejhom il-kawża tal-oħrajn. Ftit huma dawk li jkunu lesti li jaqbżu għall-ħidma politika ta’ politiċi oħra bħalhom. Imma maż-żmien dawn issibhom, u jagħrfu jagħmlu d-differenza.
President speċjali
3. Dan huwa li qiegħed nara għaddej bħalissa favur Jimmy Carter, li kien President tal-Istati Uniti bejn l-1977 u l-1981. Kitbet l-istorja għal dawn l-aħħar snin ma kinitx dejjem favur tiegħu. Anzi, huwa ċar li kull min ġie warajh ma tantx kien lest li jgħid biex ifakkar li ħidmietu serviet sew lil dak il-pajjiż kbir. Sija Bill Clinton, kif ukoll Barack Obama ma kinux wisq preparati f’dan, imma Joe biden qiegħed ikun. Dan il-bniedem, imwieled fl-1 ta’ Ottubru 1924, illum qabeż it-98 sena. Wieħed li, bl-eżistenza sempliċi tiegħu qiegħed iwassal biex dak kollu li wettaq fil-Presidenza jiġi stmat u analizzat fit-tajjeb mill-ġdid. Kien il-bniedem li daħal fis-siġġu ta’ presidenza li Richard Nixon ma tantx ħalliha mimlija bil-glorja. Kien, għalhekk, dak li daħal proprju biex ikun hemm presidenza aktar trasparenti u waħda li tħares li tiddefendi u xxerred id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Make America Great
4. Kien, f’dan, żiffa friska fl-ideat u fl-ideali. Kien, f’ħafna, qiegħed jesprimi dak li l-President attwali jista’ faċilment, wara t-togħma morra tal-esperjenza ta’ Donald Trump. Dan biex dan il-pajjiż jikseb lura l-kredenzjali demokratiċi li kien igawdi, kif ukoll dawk l-ideat li jgħolluh fil-ġlieda kontra l-inġustizzji. Kien deċiż fl-opinjoni tiegħu li l-pajjiż jikber f’dan. Huwa kien qal: “Our country has been strongest and most effective when morality and a commitment to freedom and democracy have been most clearly emphasized in our foreign policy.” (Pajjiżna kien l-iktar b’saħħtu u effettiv meta l-moralità u l-impenn għad-demokrazija u l-libertà kienu dikjarati b’mod mill-iktar ċar fil-politika barranija tagħna.)
Drittijiet fundamentali
5. Forsi llum, fl-aġendi Ewropej u nazzjonali, m’għadniex nitkellmu fuq id-difiża tad-drittijiet fundamentali bl-istess saħħa li konna. Carter kien deċiż li dan ma jkunx. Proprju fl-ideat u t-trobbija tiegħu, il-valuri Nsara kienu prijorità u gwida. Ma qagħadx lura milli jiddikjara li l-Presidenza ressqitu iktar lejn dak li jemmen, u f’dan, fit-talb. Proprju minħabba dan li kien konvint li kellu jkun hemm impenn ċar fil-ħidma indipendenti minn waħda purament pragmatika fejn l-ideali jinxeħtu ʼl barra. Fuq dan kien qal hekk: “Our commitment to human rights must be absolute, our laws fair, our national beauty presented, the powerful must not prosecute the weak and human dignity must be enhanced.” (L-impenn tagħna favur id-drittijiet fundamentali għandhom ikunu assoluti, il-liġijiet tagħna ġusti, fejn l-isbuħija tagħna tidher, fejn dawk li huma b’saħħithom m’għandhomx jippersegwitaw lil dawk li huma dgħajfa u d-dinjità umana tissaħħaħ.) Ma beżax jitkellem favur dawn id-drittijiet u ħadem sabiex pajjiżu jikber f’dinja fejn dawn ma kinux għadhom ħadu l-prijorità li ħaqqhom.
Favur il-Paċi
6. Kien il-bniedem li bata u ddedika verament ħafna mill-ħin tiegħu sabiex ikun hemm il-paċi fid-dinja. Ibda mir-relazzjonijiet mal-Unjoni Sovjetika u kompli maċ-Ċina, li kienet qegħda tiftaħ kapitoli ġodda taħt Deng Xiaoping. Kien attiv u attent sabiex ikun hemm ordni mondjali aħjar milli sab. F’dan, b’mod partikolari rnexxilu jwassal sal-Eġittu ta’ Anwar-el-Sadat u Iżrael ta’ Moshe Dayan u Begin Menachem għal ftehim. Bata sew f’dan, imma rnexxilu jġib ferm iktar paċi u stabilità f’dak ir-reġjun. Ħidma li wettaq flimkien magħhom fil-famuż ‘Camp David’. Waħda li d-dinja Għarbija ta’ dak iż-żmien m’apprezzatx, imma li llum, wara tant snin, wieħed irid jaċċetta li mertu tiegħu nbena pedament li fuqu oħrajn għadhom jistgħu jkomplu jibnu. Biss, kif qed naraw, flok sforzi għall-paċi llum qed naraw oħrajn kompletament differenti.
Togħmiet morri
7. Il-politika attiva, għal kull min jieħu sehem veru fiha, għandha l-ħelu u l-morr tagħha. Dawk li ma jwettqu xejn, dan ma jagħrfuhx. Imma Carter, proprju għax f’ħafna kien irnexxielu jistabbilixxi li tista’ titkellem fuq l-ideali u twettaqhom, għadda minnhom. Sfortunatament għalih proprju fl-4 ta’ Novembru 1979, meta madwar 3,000 Iranjan daħlu u ħatfu diversi membri tal-Ambaxxata Amerikana f’dak il-pajjiż. Sitwazzjoni xejn faċli, imma li ġiebet lill-Amerika tidher bħala pajjiż dgħajjef, għax ma setgħetx tasal mar-reġim intransiġenti u teokratiku ta’ Ruhollah Khomeini. Bata sew, bi sforzi varji, sabiex fl-aħħar dawn jiġu meħlusa. Piena kbira u mill-iktar ikkumplikata li qegħdet fid-dell it-tajjeb kollu li kien wettaq. Illum, wara 42 sena u b’dak kollu li seħħ, id-dinja tidher li qed tagħraf li għandha tqis mill-ġdid ħidmet dan il-bniedem. Tagħraf li għandu jixraqlu ferm aħjar.
1.6.23
Jimmerita attenzjoni
Mitt sena
2. Tul il-ġimgħa li għaddiet, fis-27 ta’ Mejju, Henry Kissinger għalaq mitt sena. Twieled fl-1923. Żmien u għomor twil. Ftit huma dawn il-bnedmin li kienu protagonisti u baqgħu hekk għal ħafna żmien. Fosthom ukoll l-ex-President Amerikan Jimmy Carter, li llum jgħodd 98 sena. Kissinger kien Segretarju tal-Istat taħt żewġ Presidenti. L-ewwel taħt Richard Nixon (1969-1974), sakemm dan kellu jirriżenzja minħabba l-iskandlu ta’ Watergate, u wara taħt Gerald Ford (1974-1977). Kien il-bniedem li ltaqa’ mal-mexxejja tad-dinja, b’mod partikolari dawk fiċ-Ċina, ibda minn Mao Zedong (1893-1976) u d-diversi li kellha l-Unjoni Sovjetika. Bnedmin li ħafna minnhom illum għaddew għal ħajja aħjar. Biss, Kissinger mhux biss baqa’ ħaj, imma baqa’ attiv: jikteb, jaqra, jiltaqa’ ma’ diversi u jagħti l-opinjoniiet tiegħu.
Esperjenza unika
3. F’dan, ċertament ġabar u għandu esperjenza unika. Waħda li diversi pajjiżi u politiċi ħadu d-deċiżjoni t-tajba li jżommuh bħala konsulent. Ħadd, verament, m’għandu daqshekk għarfien tal-politika barranija bħalu. Bil-qari, bil-kitba u bil-bnedmin li ltaqa’ magħhom bena ħafna iktar milli ħaddieħor seta’, jew ingħata l-opportunità, li jagħmel. Iktar u iktar meta anki jekk il-bniedem, li minkejja d-diffikultajiet fiżiċi tal-età li jistgħu jżommuh lura, xorta però baqa’ dak li hu kapaċi jagħti pariri u spjegazzjonijiet li ħaddieħor ma jistax joffri. Kitbietu huma sbieħ, u anke jekk tista’ ma taqbilx miegħu, issibhom miktuba b’loġika politika bbażata fuq il-fatti u għarfien politiku uniku. Issegwih kull darba li jitkellem, għax b’xi mod ser titgħallem fl-għarfien li kapaċi jqajjem punti li ħadd ma jkun qiegħed jarahom. Legat qawwi li jagħmel ġieħ lil dawk kollha li jirrispettaw l-esperjenza fil-politika u ma jimmaġinawx li d-dinja bdiet minn meta ħadu l-ġurament huma. Jew agħar, li jaħsbu li tant għandhom opinjoni għolja tagħhom infushom li m’għandhomx bżonn ta’ pariri.
Intervista
4. Għalkemm imdorrijin naqraw kitbietu f’ġurnali akkademiċi, jew kif għidt, fil-kotba tiegħu, ħadt pjaċir naqra intervista li ġiet in parti riprodotta f’The Economist, fil-ħarġa tal-20 ta’ Mejju. Waħda li tieħu l-aħjar minn tmien sigħat ta’ domandi u risposti li dan il-bniedem ta. Persuna li jiddikjara li huwa iktar interessat iħares ʼil quddiem milli li jaqla’ lura l-passat. Ngħid, f’dan, l-aħjar, għax il-kitba timmira li tħares lejn dak li qiegħed jiġri fid-dinja llum u kif wieħed jista’ jgħin biex inaqqas it-tensjonijiet, u fl-istess ħin iġib il-paċi. Fuq naħa l-pożizzjonijiet diplomatiċi li żviluppaw fl-aħħar snin bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti tal-Amerika; u t-tieni, l-gwerra li hemm għaddejja fl-Ukrajna. Hemm diversi osservazzjonijiet li huma ovvjament veritieri u li ċertament għandhom iċaqilqu l-opinjonijiet ta’ diversi, speċjalment tal-qarrejja tal-ġurnal innifsu.
Ċina – L-Istati Uniti tal-Amerika
5. F’dan, ir-rapport huwa iktar dettaljat, meta jgħid hekk: “In his view, the fate of humanity depends on whether America and China can get along.” (Il-futur tal-umanità jiddependi fuq jekk l-Istati Uniti tal-Amerika u ċ-Ċina humiex kapaċi jimxu flimkien ʼil quddiem.) Proċess li għalih kien inbeda meta Nixon u Mao mexxew linja differenti fil-politika barranija rispettiva, immirata li ddum mitt sena. Però jirrikonoxxi li dan, Donald Trump, żbaljatament biddlu. Huwa jingħad li qal hekk: “Mr. Kissinger believes that the understanding forged between Nixon and Mao was overturned after only 50 of those 100 years by Donald Trump. He wanted to inflate his tough image by wringing concessions out of China over trade. In policy, the Biden administration has followed Mr. Trump’s lead, but with liberal rhetoric.” Politika li jixraq li tinbidel, meta fil-verità llum ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn dawn iż-żewġ potenzi huma essenzjali għall-istabilità mondjali.
Ukrajna
6. F’dan, iktar imiss mal-fatt li Xi Jinping, ftit ilu kellem direttament lil Volodymyr Zelensky, il-President tal-Ukrajna. Pass, li skont Kissinger huwa dikjarazzjoni ta’ intenzjonijiet serji li jistgħu, fuq naħa jikkumplikaw, imma jistgħu wkoll joħolqu dak li jsejjaħ: “... create precisely the sort of opportunity to build the superpowers’ mutual trust”. F’dan, li għandu jeħodna lejn ordni mondjali differenti. Iktar u iktar meta l-fatti huma li bl-għotja ta’ armamenti daqshekk teknoloġikament avvanzati lil dan il-pajjiż min-NATO, l-pożizzjoni fiha l-bilanċ tagħha. Huwa jgħid hekk: “We have armed Ukraine to a point where it will be the best-armed country and with the least strategically experienced leadership in Europe.”
Tmexxija futura
7. L-intervista, ċertament timmerita li tinqara’. Iktar u iktar għax fiha ħafna kliem għaqli u li wkoll jiftaħ l-għajnejn. Senjatament dwar żmienna. Fejn, l-ewwel, jgħid hekk: “We live in a world of unprecedented destructiveness.” It-tieni: “It is not a great moment in history, but the alternative is total abdication.” Huwa jgħid u jinsisti fuq l-abbiltajiet ta’ min imexxi: “Leadership reflects a country’s political culture.” F’dan, il-bżonn li jkun hemm tiġdid fil-kultura politika ta’ pajjiż biex wieħed jifhem aħjar ir-realtà u d-deċiżjonijiet li għandhom jittiħedu. Ideat ibbażati fuq il-fatti u l-ġudizzji umani. Proposti li għandhom jgħinu pajjiżi varji sabiex l-instabilità preżenti fix-xenarju internazzjonali tintemm. Proposti li jwasslu għal għarfien aħjar tal-fatti sabiex ma nibqgħux fuq din it-triq ta’ awtodistruzzjoni, imma nħarsu lejn futur aħjar. F’dan kollu, taqbel jew ma taqbilx miegħu, ċertament il-bniedem, anke jekk għandu mitt sena, ħaqqu ferm iktar attenzjoni.
16.3.23
Kif ser titfakkar l-Istorja
Kif ser titfakkar l-Istorja
1. Filwaqt li nittama li f’dawn il-kelmtejn inkun oġġettiv kemm nista’, u filwaqt ukoll li nittama li ma jkunx hemm ħafna, jew uħud, li jieħdu għalihom, nemmen li għandha ssir riflessjoni. Għandna naraw aħjar dak li seħħ tul dawn is-snin li l-Partit Laburista jinsab fir-responsabbiltà tal-Gvern, kif ukoll ħafna minn dak li ngħad minnu waqt li kien fl-Oppożizzjoni. Forsi dan l-artiklu huwa qasir wisq, imma m’għandniex naħarbu minn dan id-dmir xejn faċli. Anzi ngħid li għandna, sabiex nifhmu aħjar dak kollu li ma marx tajjeb. Iktar u iktar illum fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti li stabbiliet il-fatti u ddikjarat ċar kristall x’seħħ sa mill-bidunett tal-leġislaturi li għaddew.
2. F’dan, kif qiegħed diġà jidher, hemm tnaqqis ċar fil-fiduċja li l-poplu kellu, sija lejn il-partit fil-Gvern, kif ukoll fil-politiċi. Altru li l-Oppożizzjoni tikkritika, u altru li dak li tkun qed tgħid jiġu ppruvat. Altru d-diskors u altru r-riżultat. Altru dak li kien jingħad u jiġi njorat, u altru dak li llum irid jiġi mplimentat. Il-kawża li ressaq Adrian Delia ġiet injorata u mkasbra direttament u indirettament. F’dan, għax iċċekken il-fatt ta’ dak li kien qiegħed jiġri. Għax sa issa għad irrid niltaqa’ ma’ persuna deskritta daqshekk ħażin li tidħol b’sogru xejn żgħir f’kawża li tikxef il-korruzzjoni. Imma, kif jgħidu: tardare si, scappare no. Illum, il-Gvern immexxi minn Prim Ministru differenti, irid jiffaċċja dak li kienu ilhom jaħarbuh. Jittamaw li ma jiġix fuqhom, mentri kien inevitabbli li ser iseħħ. Iridu jnaddfu dak li ħaddieħor għamel, u fl-istess waqt jiġu assoċjati miegħu.
Fakkruna f’Akhenaten
3. F’dan, kien iktar ċar dak li qiegħed iseħħ quddiem l-akkużi nterni u esterni li għaddejjin. Il-gazzetti tal-Ħadd li jagħtu appoġġ u palata lill-Gvern ippruvaw jirriflettu fuq dawn l-għaxar snin. Fittxew dak li jaħsbu li huwa l-aħjar, imma skartaw il-fatt li kien persuna waħda li ġieb fil-poter lill-Partit Laburista. F’xi rokna żgħira deher isem Joseph Muscat. Kien hemm, anzi, editorjali fejn anqas ma ssemma. Jafu bih, imma ma jistgħux ifaħħruh. Iħajru lin-nies biex jinjoraw dak lis eħħ, u fl-istess ħin jitressaq l-argumenti li l-poplu qiegħed aħjar, kważi kważi għax seħħ li seħħ, jew minkejja li seħħ. Ftakarna f’dak il-Fargħun li madwar 1330 sena Qabel Kristu, f’mewtu tneħħa ismu mill-postijiet pubbliċi u l-istatwi tiegħu ġew distrutti. Sirna nafu lura bih wara eluf ta’ snin.
Fid-dell ta’ Watergate
4. Però, hemm verità li trid tiġi konfrontata. Għal darb’oħra l-Partit Laburista, li ddikjara tant fl-Oppożizzjoni li kien kontra kull forma ta’ korruzzjoni, illum ser jibqa’ assoċjat magħha. Ser, anzi, jsib ruħu marbut mal-memorja ta’ wieħed mill-ikbar każijiet skandalużi li qatt kellna. Mhux biss. Hemm ser ikun fid-dell ta’ dan, imma iktar dak tal-bżonn tal-verità li ħeba. Ħeba fl-intenzjonijiet tiegħu u f’azzjonithu. Ftit jiem ilu qrajt din is-sentenza tal-ex President Amerikan Jimmy Carter: “Furthermore, many times during my campaign I had promised not to make a misleading statement.” Fid-dawl ta’ dak li seħħ taħt il-Presidenza ta’ Richard Nixon fl-iskandlu ta’ Watergate, il-poplu ried lura politika li tgħid il-verità. Politiċi trasparenti li ma jidħkux bl-opinjoni pubblika. Hekk ta lura l-fiduċja lil bniedem rett u nadif bħal Carter. Kemm għandna bżonn illum ta’ politiċi li ma jressqux “misleading statements”!
Il-poplu jibdel il-mentalità
5. Kien kapaċi ħafna jbigħ dawn it-tip ta’ kliem, sija fl-Oppożizzjoni, kif ukoll fil-Gvern tal-Partit Laburista. F’editorjal minnhom sibt din id-dikjarazzjoni. Iktar milli jbiddel il-poplu, irid dak li huwa sewwa. Jekk għandna madwar terz tal-pajjiż li ma jridx jieħu sehem fil-politika attwali, dan ġej mhux għax huwa għandu jinbidel, imma għax irid dak li dejjem ippretenda mill-Gvern. F’kelma waħda, dak li hu sewwa. Gvern differenti, wieħed mibdul. F’mument, f’dan ikompli jingħad: “Nemmnu li pajjiżna għandu wkoll l-isfida quddiemu li ma jistax jibqa’ mifrud kif inhuwa. Nemmnu li ma nistgħux nibqgħu bis-sitwazzjoni li nattakkaw personalment. Niddibattu iva, kemm trid. Niddibattu, imma l-argumenti mhux il-persuni. Illum, aktar minn qatt qabel, quddiem l-isfidi li għandna hemm bżonn pajjiż magħqud. Hemm bżonn ħidma aktar flimkien bejn Gvern u Oppożizzjoni. Trid tispiċċa l-idea li dak kollu li tagħmel naħa hu tajjeb u dak tan-naħa l-oħra ħażin.” Naqblu ħafna, u kieku l-Gvern ta widen lil dak li tul dawn is-snin kienet qegħda tgħidlu l-Oppożizzjoni, kieku m’aħniex fejn aħna llum.
Ħassruh
6. F’dan kollu ħareġ iktar biċ-ċar li kull Prim Ministru għandu jfittex li jkollu appoġġ, imma għandu bżonn iktar min jgħidlu li ma jaqbilx miegħu. Id-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-amministrazzjoni Muscat setgħu ġew ikkontrollati ferm aħjar b’dan, u b’dożi ta’ umiltà. Biss, is-saħħa elettorali li kellu, din ġibithu fil-pożizzjoni li, jiddeċiedi x’jiddeċiedi hu u dak li qiegħed jinġabar kontrih, ħadd ma seta’ jżommu. Kien hemm min abbuża minnu. Kien hemm min le. Imma l-fatt jibqa’ li sforz ukoll in-nuqqas ta’ esperjenza, kien iktar faċli fil-katergorija tal-ewwel. Ftit Prim Ministri jieħdu pjaċir bil-verità li ma jirrikonoxxux, jew bl-ambaxxaturi li jwassluhom.
Il-fatt jibqa’
7. Imma l-fatt jibqa’ li billi fl-Oppożizzjoni, il-Partit Laburista attakka u kasbar dak kollu li kien wettaq il-Gvern Nazzjonalista, illum qiegħed isib ruħu minflok hu stess fl-istess pożizzjoni. Bid-differenza li dak li seħħ minnu sar, mentri dak li ddikjara li l-Partit Nazzjonalista għamel, fil-fatt ma sarx. Anki jekk forsi mhuwiex iż-żmien, imma f’dan l-għaxar anniversarju għandu wkoll isir apprezzament tal-ġid li l-Partit Nazzjonalista wettaq. Sar ħafna xogħol li fuqu l-pajjiż mexa ‘l quddiem. Biss illum, li kellu jkun mument ta’ ċelebrazzjoni kieku l-amministrazzjoni kienet retta u attenta, sar minflok mument ta’ mistħija. Mument li fih, wara għax snin, il-Partit Laburista jrid jieqaf iqis fejn hu u jipprova jinbidel. Jekk le, ser ikompli jsib li l-kundanna tal-istorja ser tikber aktar.
ĦADMU GĦAS-SEWWA
1. Ftit ilu fakkarna li fit-23 ta’ Lulju 1957, kważi sebgħin sena ilu, ġie nieqes l-awtur Sqalli Giuseppe Tomasi di Lampedusa (1896). ...
-
9944. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza: Jista’ l-Ministru jgħid ke...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...