Showing posts with label John F. Kennedy. Show all posts

11.6.25

BEJN WIĊĊ U ĠEJJEN

1. Kif nafu mill-esperjenza tal-ħajja, il-bnedmin huma varji fil-forma, fil-kontenut u fil-karattru. Uħud imorru tajjeb ma’ ftit, oħrajn ma’ ħafna, u ftit oħra ma’ ħadd. Hemm forma ta’ kimika li tifforma li daqqa tgħaqqad u daqqa tifred. Ħbieb isiru għedewwa u dawk li ma jinġiebux isiru jinġiebu. Hemm dawk li jaħsbu li jistgħu jagħżlu tajjeb lil dawn il-persuni. Daqqa jiġu f’daqqa għax ikollhom bżonn u xi mindaqqiet ukoll għax jaħsbu li jaqblilhom. Elementi essenzjali biex wieħed jifhem aħjar id-dinamika li tmexxi u twaqqaf il-proċess tal-iżvilupp uman, speċjalment fid-dinja politika. Imma f’dan kollu hemm ukoll linji li rari jirnexxu u diversi drabi huma destinati għal nuqqas ta’ suċċess.

Ekonomija

2. Id-dinja ekonomika fiha minn dawn il-karattri wkoll. Tista’ tipprova tifridhom f’dawk li jħarsu li jkattru l-kapital li għandhom, u dawk li għandhom it-talent li joħolqu l-ġid fil-kreattività ekonomika tagħhom. Dawn jafu jmorru tajjeb flimkien u jibnu wkoll forom ta’ dipendenza fir-rabtiet tagħhom. Imma meta ġġib lil dawk tat-tieni kategorija f’daqqa tkun qiegħed tidħol f’żona delikata ħafna. Daqqa jmorru tajjeb ħafna fi proġett partikolari u daqqa jintilfu, l-ewwel f’perjodu paċifiku u wara f’kunflitti qawwija. Splussivi tant li jidħlu f’direzzjoni li jirnexxilhom ukoll jifirdu r-rota, proprju dik li hemm bżonn dejjem li tibqa’ ddur, tal-kummerċ.

Aspett ieħor

3. F’dan hemm linja partikolari li xi wħud idumu biex jifhmu. Il-kummerċ huwa dak li hu u l-mekkaniżmi tiegħu jibqgħu speċjali u partikolari. Hemm f’dan xjenza ċara li għandha l-ideat u l-prinċipji etiċi tagħha. Dik li sfortunatament u żbaljatament titqabbel mal-politika. Il-bnedmin fin-negozju mhumiex l-istess bħal dawk fil-politika. Hemm dawk li kienu naħa u marru oħra bil-ħsieb li ser iġibu bidliet u kunċetti differenti fis-soċjetà. Anki jekk ikun hemm appell elettorali għal dan u jirnexxi, però fit-tul wieħed jibda jara l-linji ta’ demarkazzjoni. Iktar u iktar meta dawk li huma fil-kummerċ u jsiru politiċi, flok jinbidlu u jifhmu l-kwalitajiet li hemm bżonn, minflok jinsistu li huma għadhom l-istess. Hemm dejjem it-tentazzjoni ċara li hemm linja bejn dik tal-interess personali u dik tal-ġid komuni li ma tiġix rispettata u anzi tiġi vvjolata b’ġustifikazzjoni kummerċjali.

Personalitajiet

4. F’dan, l-aħħar elezzjoni għall-President tal-Istati Uniti tal-Amerika kienet u tibqa’ waħda partikolari. Diversi ma setgħux iġibu f’daqqa din il-forma ta’ alleanza kummerċjali/politika bejn l-illum President Donald Trump (1946) u l-billjunarju magħruf Elon Musk (1971). Tul dawn it-tnax-il xahar rajna żewġ fażijiet. Fl-ewwel sitt xhur l-impenn politiku qawwi ta’ Musk fil-kampanja elettorali. Fit-tieni, forom varji ta’ ħidma governattiva, daqqa mfaħħra ħafna u daqqa kkritikata sew. Issa donnu li sejrin lejn perjodu kompletament differenti. Il-fatt jibqa’ li Musk ġieb ħeġġa u mpenn ferm akbar lill-kampanja elettorali ta’ Trump. Dan sija bl-inċentivi tiegħu, imma l-iktar bil-fatt li dak li sa issa huwa l-iktar bniedem sinjur fid-dinja kien lest li jafda u “jinvesti” fl-eċċentriċità ta’ Trump. Il-messaġġ kien li, indipendentement mill-kliem żejjed, kien ser ikun hemm politika ekonomika serja u li tkattar il-ġid, u għaldaqstant kien qiegħed jinvesti hemm.

Żewġ jew fard

5. Ċertament il-preżenza tiegħu għenet aktar u aktar bis-saħħa li dak li kien ‘Twitter’, illum ‘X’, ċaqlaq. Inbniet forma ta’ stima, b’Musk jiddikjara li jħobb ħafna lil Trump u l-President jiddikjarah bħala “an incredible patriot”. Dan għola iktar u iktar f’pożizzjoni speċjali meta ġie maħtur biex imexxi d-Dipartiment tal-Effiċjenza fil-Gvern (DOGE). Ingħata poteri li ġew użati u abbużati. Mhux dejjem fil-loġika tal-istat, imma fid-direzzjoni li wieħed għandu jnaqqas l-ispejjeż u nfieq governattiv sabiex jogħlew il-profitti u jiżdied il-kummerċ. Biss hemm linji li ma jistgħux jinqabżu, għax kif ingħad tajjeb f’The Economist: “Government provides critical Services that the private sector does not or will not lay on in sufficient qualities.” (Il-Gvern jipprovdi servizzi determinanti li s-settur privat ma jirnexxilux jew mhuwiex kapaċi jwassal fis-sħiħ tagħhom.)

Kontroversjali

6. Fir-realtà, iż-żewġ karattri huma kontroversjali. L-istess ġurnal ifakkar li Musk: “The richest man is exalted by some as an altruistic genius and hated by others as a self-dealing villain.” Biss, it-tnejn li huma mhumiex nieqsa mill-ftaħir u minn opinjoni għolja ħafna tagħhom infushom. It-tnejn, fi gradi varji, jaħsbu li huma salvaturi tal-umanità li ser jibdlu d-dinja, u li b’ħidmiethom kollox ser imur sewwa. Ċirkostanza li ħafna raw, u li sa ċertu punt kienu skantati kif effettivament dawn it-tnejn ħadmu flimkien. F’ħafna, bejn dak li jidher u dak li jingħad, u dak li tipprova tifhem f’kollox, tul dawn ix-xhur deher li hemm forom differenti ta’ kollaborazzjoni. B’deċiżjonijiet strambi, fosthom dik dwar il-US Agency for International Development, l-aġenzija tal-pajjiż mwaqqfa fl-1961 taħt il-Presidenza ta’ John F. Kennedy (1917-1963) biex tgħin f’diversi programmi umanitarji fid-dinja. Aġenzija aċċettata minn ħafna fil-pajjiż, kif Andrew Natsios (1940), Repubblikan li serva fiha u mexxiha ddikjara li d-deċiżjoni li ttieħdet dwarha kienet żball.

Insulti

7. Kif qrajna u smajna tul il-ġimgħa li għaddiet, din il-kollaborazzjoni issa ġiet fi tmiemha. Kif iddeskriva tajjeb il-ġurnal Franċiż Le Monde, kien hemm serje ta’ nsulti reċiproċi, theddid u akkużi deskritti bħala: “rare and violent war of words, of two boundless egos.” Dan fih il-konsegwenzi tiegħu. Hemm bnedmin li servew qabel Donald Trump u li telqu. Ħafna wkoll kitbu l-memorji tagħhom biex jiddeskrivu fid-dettall dak kollu li kellhom jgħaddu minnu. Biss ilkoll, b’xi mod, baxxew rashom u komplew mexjin ’il quddiem minn dik l-esperjenza morra. Issa x-xenarju jidher li qiegħed jiżviluppa f’direzzjonijiet oħra. Għax meta l-bnedmin li jħossuhom tant b’saħħithom ekonomikament jinżlu fil-kamp tal-battalja personali, l-affarijiet jindikaw li ma tantx ser ikun tajbin għat-tnejn li huma.

Tilef rasu

8. Il-kliem li ngħad, fil-fatt huwa qawwi ħafna. Musk jgħid li għandhom jinbdew proċeduri biex Trump jitneħħa minn President, u l-ieħor jiddikjara li Musk tilef rasu (lost his mind). Kliem li fihom ħafna piż fix-xenarju Amerikan, iktar u iktar meta Musk qiegħed jiddikjara li beħsiebu jifforma partit politiku għal rasu għax skont hu hemm 80% tas-soċjetà fiċ-ċentru li trid bidla. Il-loġika ċara hija li ladarba sostnejt lill-Partit Repubblikan b’tant saħħa u dan rebaħ b’daqstant ieħor, allura jien kapaċi nwettaq dan separatament. Mhux biss, imma d-differenza fl-età, b’Musk li għandu qrib l-erbgħa u ħamsin sena, issa li kellu l-esperjenza fil-Gvern, ċertament li din ser jidħol għaliha iktar bis-saħħa. Diversi f’dan, però, qed jagħrfu li ser ikun hemm ġlieda ekonomika serja, bi Trump jipprova jġib għarkubbtejh lil Musk bl-użu u bl-abbuż tal-mezzi tal-istat.

Futur

9. Anki jekk ikun hekk u dan iseħħ, b’magna u b’influwenza daqshekk kbira, il-qasma ekonomika fiha mpatt. Wieħed li ser imiss mal-iżvilupp tal-pajjiż kif ukoll mad-demokrazija għax m’għandu jkun hemm ħadd li jabbuża mill-poter tal-istat biex ikisser saħħiet ekonomiċi. Il-verità hija li Musk illum għandu saħħa politika li f’sena żiedet ma’ dik tal-Partit Repubblikan. Fattur fil-kalatura li, kif qiegħed, ser tkun qed jagħmlilhom il-ħsara. Għax jekk ma jkunx hemm “ftehim”, ser jolqothom direttament. Dan sija għax jappella għall-votant ta’ dak il-partit, jew jekk jiddeċiedi li jrid imur lura mad-Demokratiċi. F’dan, il-futur ħadd ma rah, imma jidher li sa issa għadna fil-bidu ta’ perjodu ta’ ġlied kbir li ser jaffettwa wkoll dinja mimlija kumplikazzjonijiet, li flok spiċċaw minn meta ġie elett Donald Trump, tkattru sew mertu tiegħu.

Fejn sejrin

10. F’dan kollu huma iktar żewġ persuni imprevedibbli li ma nafux fejn ser jispiċċaw. Din mhijiex politika serja. Mhijiex dik li bnedmin fl-ekonomija għandhom bżonn. Għal dawk li fl-intelliġenza tagħhom jippjanaw, dan jagħrfuh aktar. Jagħrfu li s-sitwazzjoni mhijiex tant feliċi. Jagħrfu li fil-politika hemm bżonn bnedmin serji, ta’ esperjenza u ta’ rettitudni morali, u mhux bnedmin erratiċi. Jagħrfu aktar li, fil-loġika tal-illoġika, ser jispiċċaw ikollhom jafdaw fil-munita tad-deċiżjonijiet tal-wiċċ jew ġejjen.

BEJN WIĊĊ U ĠEJJEN

1. Kif nafu mill-esperjenza tal-ħajja, il-bnedmin huma varji fil-forma, fil-kontenut u fil-karattru. Uħud imorru tajjeb ma’ ftit, oħrajn ma’ ħafna, u ftit oħra ma’ ħadd. Hemm forma ta’ kimika li tifforma li daqqa tgħaqqad u daqqa tifred. Ħbieb isiru għedewwa u dawk li ma jinġibux isiru jinġiebu. Hemm dawk li jaħsbu li jistgħu jagħżlu tajjeb lil dawn il-persuni. Daqqa jiġu f’daqqa għax ikollhom bżonn u xi mindaqqiet ukoll għax jaħsbu li jaqblilhom. Elementi essenzjali biex wieħed jifhem aħjar id-dinamika li tmexxi u twaqqaf il-proċess tal-iżvilupp uman, speċjalment fid-dinja politika. Imma f’dan kollu hemm ukoll linji li rari jirnexxu u diversi drabi huma destinati għal nuqqas ta’ suċċess.

17.3.25

REALPOLITIK MINGĦAJR VALURI

1. Hemm dibattitu li ilu sekli għaddej. Dak marbut mal-moralità u l-politika barranija. Mhux faċli tanalizza dan illum, fix-xenarji li qed jiżviluppaw quddiemna. Jew forsi huwa wkoll proprju minħabba dan li pajjiżi varji qed jirreaġixxu. Fuq naħa fl-għarfien li l-Istati Uniti tal-Amerika kellhom linji ta’ politika f’dan il-kamp mod, li llum jidhru li qed jinbidlu ta’ taħt fuq, u fuq hekk tqum id-domanda jekk dan huwiex biss każ ieħor ta’ realpolitik internazzjonali. Iktar u iktar quddiem il-fatt sempliċi li għal snin twal, f’dak il-pajjiż “totalitarianism was a mortal peril to free societies” u li l-preżenza Amerikana kienet hemm biex tiddefendi d-demokraziji u l-valuri oċċidentali. F’dan kien hemm lezzjonijiet u direzzjonijiet differenti, fejn ebda President ma segwa preċiżament lil ta’ qablu, imma hemm kienu.

X’jaħsbu

2. George Weigel (1951), magħruf l-aktar għall-ktieb voluminuż tiegħu dwar il-Papa qaddis Ġwanni Pawlu II imma preżenti fl-analiżi politika u soċjali attwali, għandu riflessjonijiet tajba dwar dan fil-ktieb The Fragility of Order (2018). Huwa jiddikjara hekk: “American power was a positive force in the world. The prudenti exercise of American power was not only necessary but good, for it aimed at securing the morally worthy goal of peace through freedom.” (Il-Forza Amerikana kienet waħda pożittiva għad-dinja. L-eżerċizzju għaqli tal-poter Amerikan ma kienx biss neċessarju imma tajjeb, għax kien jimmira li jħares li jassigura l-għan morali ta’ valur, li jkun hemm il-paċi permezz tal-libertà.) Ideat li, f’ħafna, għalihom u għalina kienu kostanti.

Pożizzjoni aqwa

3. Kienu f’dan aktar fi grad ta’ superjorità, li fl-aħħar mill-aħħar hemm din il-potenza mondjali differenti mid-dittatorjati. Mhux biss poter u saħħa fid-deċiżjonijiet mondjali, imma direzzjoni politika internazzjonali mmarkata li tafferma li l-valuri morali t-tajba għandhom jiġu affermati. Veru li mhux il-Presidenti kienu preċiżi fuq xulxin, iktar u iktar fl-għarfien li wħud kienu wlied il-Partit Demokratiku u oħrajn wlied dak Repubblikan. Biss, anke jekk ebda President ma jista’ jingħad fuqu li kien qaddis, għalkemm Jimmy Carter (1924-2024) ċertament kellu valuri Nsara dikjarati, xorta l-bandiera tal-libertà, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali ma ġewx abbandunati għall-esiġenzi politiċi puri. Waħda li diversi, fil-ġenerazzjoni li għaddejja, jidentifikaw mal-President John F. Kennedy (1917-1963).

Kien hemm

4. Kien hemm oħrajn qabel, però Kennedy kien dak li għaraf li l-vantaġġ bejn pajjiżu, u dak iż-żmien l-Unjoni Sovjetika, kienet ġejja minn dak ukoll. Kien kapaċi jwassal messaġġi ta’ Valuri u Realpolitik f’daqqa. Fl-20 ta’ Jannar 1961, fid-diskors inawgurali tiegħu kien iddikjara li kien hemm ġenerazzjoni ta’ bnedmin li batew biex setgħet Tirrenja l-paċi li ma kenitx lesta ċċedi fil-ġlieda tagħha għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Diskors li jimmerita jinqara mill-ġdid illum, erbgħa u sittin sena wara. Senjatament meta tisma’ lura mill-ġdid li: “Let every nation know, whether it wishes us well or ill, that we shall pay any price, bear any burden, meet any hardship, support any friend, oppose any foe to assure the survival and the success of liberty.” (Kull pajjiż għandu jkun jaf, sija jekk iridilniex il-ġid jew id-deni, li aħna lesti li nħallsu kull prezz, nieħdu fuqna kull piż, naffrontaw kull diffikultà, nappoġġjaw kull ħabib, nopponu kull għadu sabiex nassiguraw l-eżistenza u s-suċċess tal-libertà.)

Inbniet kultura

5. F’dan inbniet għall-ġid ta’ dak il-pajjiż linja ta’ ideat kulturali li drajna f’sens pożittiv. Ħadd ma ħa lil ħadd, kif jgħidu huma stess, “for granted”, imma għal dawn l-aħħar tmenin sena dik kienet il-linja. Kennedy jibqa’ f’diskorsu dawl fil-valuri li ħaddan u li pprova jqiegħed fis-seħħ. Imma kif tajjeb jirrimarka Weigel, kien hemm Presidenti oħra wara li niżżlu isimhom u m’abbandunawx dan. George Bush (1946) li f’Jannar 2005 kien, fost oħrajn, iddikjara f’linja dejjem avvanzata u ċara li: “We are led, by events and common sense, to one conclusion: The survival of liberty in our land increasingly depends on the success of liberty in other lands. The best hope for peace in our world is the expansion of freedon in all the world.” (Aħna mmexxijin minn eventi u sens komun, lejn konklużjoni waħda: Il-libertà tibqa’ ħajja u tiddependi dejjem aktar f’pajjiżna mis-suċċess tal-libertà f’artijiet oħra. L-aħjar tama għall-paċi fid-dinja tagħna hija dik li tara t-tkabbir tal-libertà fid-dinja kollha.) Pożizzjoni mill-iktar ċara u evidenti.

Smajna u qrajna tajjeb

5. Proprju f’dan, għalhekk, ħadd ma jista’ jgħid li din il-pożizzjoni li għamlet il-ġid lil dak il-poplu ġiet ivvintata mill-pajjiżi Ewropej. Dik kienet ir-realtà u s-sens komun jitlob li dik tibqa’. Għax hija minn kif il-ħamsa u erbgħin Presidenti preċedenti fasslu li huwa fit-triq it-twila kostanti li twettaq is-sewwa fil-politika, li tfittex u tagħti appoġġ tal-iżvilupp u progress tal-movimenti u istituzzjonijiet demokratiċi ta’ kull pajjiż u kultura, sabiex it-tirannija tispiċċa mhux titkattar fuq wiċċ l-art. Anke jekk aħna nħaddnu b’attenzjoni linja ta’ politika barranija li hija marbuta man-newtralità attiva, xorta aħna favur id-demokrazija u kontra d-dittatorjati. Għandna nittamaw u nibqgħu nemmnu li kull poplu jixraqlu li jgħix fil-libertà u fejn id-drittijiet fundamentali jiġu protetti verament.

Modus non moriendi

6. Nafu li l-politika, anke dik mondjali, inevitabbilment tressaqna ma’ kwistjonijiet marbuta ma’ dak li huwa tajjeb u dak li huwa ħażin: dak li huwa nobbli u dak li mhuwiex, jew dak li huwa konformi mal-veritajiet li nafu li huma veritieri u dak li mhuwiex konformi. Imma trid direzzjoni ċara li twasslet lejn il-paċi u s-sewwa. Weigel proprju fuq l-analiżi dettaljata tiegħu ta’ ħajjet u ħidmet il-Qaddis Karol Wojtyla jagħraf li hemm negozjati li jistgħu jsiru f’dawn iċ-ċirkostanzi, imma l-prinċipji wieħed jaħdem aħjar jekk ma jċedix fuqhom. Jislet mill-kuntrast bejn il-Kattoliċiżmu u l-Komuniżmu u jgħid hekk: “That incompatibility also suggests that the strateġiċi vision of John Paul II, which encompassed the victory of freedom over totalitarian tyranny, was more acute than those who imagined a slow convergence between liberalising Communism and an increasingly social-democratic West.” (Dik l-inkompatibilità tissuġġerixxi wkoll il-viżjoni strateġika ta’ Ġwanni Pawlu II, li kellha fiha r-rebħa tal-libertà fuq it-totalitarjaniżmu, kienet iktar akuta, intelliġenti, minn ta’ dawk li mmaġinaw xi forma ta’ konverġenza bejn Komuniżmu aktar libertarju u Oċċident iktar soċjal-demokratiku.)

Fit-tul, imma fis-sewwa

8. Fl-għażliet li hemm quddiemna, wieħed irid jifhem aktar jekk dak li qiegħed jibni fil-preżent għall-futur għandux fih il-valuri tas-sewwa jew l-abbandun tagħhom. Il-politika t-tajba hija dik li tagħraf tiddistingwi biex timxi ’l quddiem. Jekk tibqa’ taħseb li għandha ċċedi issa biex tibqa’ għaddejja trid tagħraf li mhix taqbad triq biex ma tmutx, imma dik li biha ser tmut. Il-valuri demokratiċi fil-paċi u l-libertà jgħaqqdu ferm iktar popli milli naħsbu. Eċċezzjonijiet u kompromessi żbaljati bbażati fuq konsiderazzjonijiet materjali u ekonomiċi jwasslu lejn eżempji ħżiena u li jkattru oħrajn biex jaqbdu l-istess triq. Hemm inkunu, f’isem ir-Realpolitik, qed naqbdu t-triq li ma fihiex dawk il-valuri morali li jsawruna.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...