Showing posts with label Ġwanni Pawlu II. Show all posts
Showing posts with label Ġwanni Pawlu II. Show all posts

29.4.25

MISERICORDIA - Tislima lill-Papa Franġisku

1. M’hemmx dubju li minn meta ġie elett, il-Papa Franġisku għamel tibdiliet kbar fid-dinja Kattolika. Ħa linja differenti: dik ta’ aktar viċin in-nies. Iktar mimlija umiltà, faqar u mħabba. Għex il-ħajja ta’ mexxej spiritwali b’mod differenti, u mar lura lejn dak li tul dawn il-jiem ser insibu miktuba fl-Atti tal-Appostli. Ġedded kemm felaħ, u sab lil ħaddieħor jgħinu, sabiex iġib lill-Knisja tkun aktar awtentika u kapaċi tissupera l-intoppi u l-kumplikazzjonijiet li ma kinux ġew affrontata tajjeb qabel. Mhu faċli xejn tibdel mentalità u prattika tas-sekli. Imma hu rnexxielu jagħmel impatt qawwi ħafna, tant li nafu li biddel.

Ħniena

2. Beda bil-messaġġ qawwi tal-ħniena. Messaġġ li nxtered ma’ dawk li kienu tbegħdu mill-fidi jew li ma kinux jemmnu. Fetaħ kemm felaħ il-bibien tal-Knisja. Ħafna ġew, u daħlu lura fi djalogu miegħu. Ma żamm lil ħadd barra imma assigura li jibgħat, anzi, lill-kleru jiġri mal-merħla tagħha. Dik tal-Knisja tiegħu u dik ġejja minn knejjes oħra. Ried li jitħalltu u jkunu preżenti magħhom f’dak kollu li kien u li jkun għaddej. Imbotta lill-bnedmin biex ma jibqgħux marbuta fis-sagristija. L-evanġelizzazzjoni hija missjoni deċiżiva, kostanti u li trid titwettaq b’umiltà.

Fit-tul

3. Kien dak li ġieb il-faqar lura bħala valur. Beda bl-isem ta’ Franġisku għall-fqir nett ta’ Assisi. Hu li kien Ġiżwita, għamel għażliet ċari li bihom żamm lil diversi jirriflettu. Kien dak li ddeskriva l-flus f’termini li konna ilna ma nisimgħu. Ħa ħsieb biex dawk li kienu abbandunati fit-toroq ta’ Ruma jingħataw wens, ikel, fejn jinħaslu, fejn jaqtgħu xagħarhom, fejn isibu tabib. Mhux biss, iżda kien jiltaqa’ u jiekol magħhom, l-iktar fil-jiem importanti għalih. Wera li l-vot tal-faqar kien determinanti għall-Knisja fid-dinja tal-lum, fejn isiru diversi kompromessi. Kien il-Papa tal-Prinċipji ċari, u nflessibbli fihom. F’dan kollu kien dak li ħa ħsieb jiddikjara lil Charles de Foucauld qaddis.

Orfni

4. F’dan, wieħed irid imur lura u jifhem dak li l-Knisja għaddiet minnu fl-2013 b’Papa daqstant ieħor kbir bħal Benedittu XVI li kien għadu kif irriżenja. Għal perjodu kien hemm huma t-tnejn f’daqqa, b’influwenza rispettiva fil-karigi differenti. Sitwazzjoni li ebda Papa qabel ma affronta. Kien fid-dawl, u sakemm għadda ż-żmien, kien ukoll fid-dell. Dinja mdorrija bl-ideat ta’ Ratzinger trid tinġieb sabiex tibdel biex tifhem lilu. Ma qagħadx lura, anzi daħal mill-ewwel biex jaġixxi. Għal uħud kien differenti, imma diversi fehmu li kien qiegħed iwassal iktar proġetti li kienu, b’xi mod, inbdew biex iseħħu. Kellna ħajja żewġ persuni li okkupaw il-kariga ta’ Papa, mentri llum ġew it-tnejn imsejħa lura.

Mentalità differenti

5. F’dan ġieb miegħu ideat differenti li r-realtà tal-Amerika Latina tagħti. Għażla kuraġġuża u neċessarja. L-Arġentina u dak kollu li l-post għadda minnu. Elementi li ffurmawh u basktuh biex mhux biss iħaddan il-Fidi, imma jgħixha u jwettaqha f’opri. Mimli azzjoni, deċiżiv. Il-bniedem li kien imwarrab imma skopert mill-ġdid u mogħti ġieħ. M’hemmx dubju li kienet l-Id tal-Ħallieq tagħna għalih li ma kellux ‘karriera’ imma ħajja fejn li “jkun li trid int” kienet verament hekk. Ried anzi jċedi l-pass u jmur lura f’parroċċa żgħira. Minflok, min tah il-ħajja daħħlu jmexxi Parroċċa kbira ħafna.

Paċi

6. F’dawn l-aħħar sentejn ġabar rispett mid-dinja kollha. Kien dak li baqa’ jinsisti sabiex jieqfu l-gwerer. Kien il-bniedem li tkellem fil-verità u dak li kellu jingħad f’isimna qalu. Kull okkażjoni kienet tajba. F’dan għallem u għadda ħafna lezzjonijiet u riflessjonijiet. L-Omeliji tiegħu diretti lejn il-qalb u l-moħħ tagħna. Żied fl-għerf għal dawk li jafu u rnexxielu jċaqlaq oħrajn fit-Triq it-Tajba. L-Enċikliċi tiegħu jitolbu dejjem iktar qari u studju. Kull paragrafu trid ġimgħat biex tassorbih. Kien jaf ħafna u f’dan għallem daqstant ieħor.

Insellmulu

7. F’ħajtu għamel kull sforz u ma baqax lura milli jagħti ħajtu għall-oħrajn sal-aħħar sforz u nifs. L-aħħar marda tiegħu kienet iebsa u kiefra. Dan fl-istess triq li San Ġwanni Pawlu t-Tieni segwa. Ilkoll niftakru li t-tnejn għaddew mill-istess esperjenza ta’ Via Sagra li raw mingħajr ma kienu preżenti għaliha u wara ttieħdu. Wieħed fil-protezzjoni tal-Ħniena Divina u Franġisku f’dik tagħna f’ta’ San Anselmu. F’dan għalhekk ċertament għandna dmir insellmulu. Infaħħruh u nirringrazzjawh għal dak li kien u f’dak kollu li ser jibqa’ magħna. Ċertament wieħed li ser iħalli marka fil-qlub ta’ diversi. Persuna li, fuq kollox, kitbietu ser ikomplu jiggwidaw lilna u lil dawk li għad iridu jiġu. Persuna li riedna nħennu u li nitolbu lil min irid iħenn għalina. Persuna li ser jibqa’ fil-memorja kollettiva tagħna.

17.3.25

REALPOLITIK MINGĦAJR VALURI

1. Hemm dibattitu li ilu sekli għaddej. Dak marbut mal-moralità u l-politika barranija. Mhux faċli tanalizza dan illum, fix-xenarji li qed jiżviluppaw quddiemna. Jew forsi huwa wkoll proprju minħabba dan li pajjiżi varji qed jirreaġixxu. Fuq naħa fl-għarfien li l-Istati Uniti tal-Amerika kellhom linji ta’ politika f’dan il-kamp mod, li llum jidhru li qed jinbidlu ta’ taħt fuq, u fuq hekk tqum id-domanda jekk dan huwiex biss każ ieħor ta’ realpolitik internazzjonali. Iktar u iktar quddiem il-fatt sempliċi li għal snin twal, f’dak il-pajjiż “totalitarianism was a mortal peril to free societies” u li l-preżenza Amerikana kienet hemm biex tiddefendi d-demokraziji u l-valuri oċċidentali. F’dan kien hemm lezzjonijiet u direzzjonijiet differenti, fejn ebda President ma segwa preċiżament lil ta’ qablu, imma hemm kienu.

X’jaħsbu

2. George Weigel (1951), magħruf l-aktar għall-ktieb voluminuż tiegħu dwar il-Papa qaddis Ġwanni Pawlu II imma preżenti fl-analiżi politika u soċjali attwali, għandu riflessjonijiet tajba dwar dan fil-ktieb The Fragility of Order (2018). Huwa jiddikjara hekk: “American power was a positive force in the world. The prudenti exercise of American power was not only necessary but good, for it aimed at securing the morally worthy goal of peace through freedom.” (Il-Forza Amerikana kienet waħda pożittiva għad-dinja. L-eżerċizzju għaqli tal-poter Amerikan ma kienx biss neċessarju imma tajjeb, għax kien jimmira li jħares li jassigura l-għan morali ta’ valur, li jkun hemm il-paċi permezz tal-libertà.) Ideat li, f’ħafna, għalihom u għalina kienu kostanti.

Pożizzjoni aqwa

3. Kienu f’dan aktar fi grad ta’ superjorità, li fl-aħħar mill-aħħar hemm din il-potenza mondjali differenti mid-dittatorjati. Mhux biss poter u saħħa fid-deċiżjonijiet mondjali, imma direzzjoni politika internazzjonali mmarkata li tafferma li l-valuri morali t-tajba għandhom jiġu affermati. Veru li mhux il-Presidenti kienu preċiżi fuq xulxin, iktar u iktar fl-għarfien li wħud kienu wlied il-Partit Demokratiku u oħrajn wlied dak Repubblikan. Biss, anke jekk ebda President ma jista’ jingħad fuqu li kien qaddis, għalkemm Jimmy Carter (1924-2024) ċertament kellu valuri Nsara dikjarati, xorta l-bandiera tal-libertà, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali ma ġewx abbandunati għall-esiġenzi politiċi puri. Waħda li diversi, fil-ġenerazzjoni li għaddejja, jidentifikaw mal-President John F. Kennedy (1917-1963).

Kien hemm


4. Kien hemm oħrajn qabel, però Kennedy kien dak li għaraf li l-vantaġġ bejn pajjiżu, u dak iż-żmien l-Unjoni Sovjetika, kienet ġejja minn dak ukoll. Kien kapaċi jwassal messaġġi ta’ Valuri u Realpolitik f’daqqa. Fl-20 ta’ Jannar 1961, fid-diskors inawgurali tiegħu kien iddikjara li kien hemm ġenerazzjoni ta’ bnedmin li batew biex setgħet Tirrenja l-paċi li ma kenitx lesta ċċedi fil-ġlieda tagħha għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Diskors li jimmerita jinqara mill-ġdid illum, erbgħa u sittin sena wara. Senjatament meta tisma’ lura mill-ġdid li: “Let every nation know, whether it wishes us well or ill, that we shall pay any price, bear any burden, meet any hardship, support any friend, oppose any foe to assure the survival and the success of liberty.” (Kull pajjiż għandu jkun jaf, sija jekk iridilniex il-ġid jew id-deni, li aħna lesti li nħallsu kull prezz, nieħdu fuqna kull piż, naffrontaw kull diffikultà, nappoġġjaw kull ħabib, nopponu kull għadu sabiex nassiguraw l-eżistenza u s-suċċess tal-libertà.)

Inbniet kultura

5. F’dan inbniet għall-ġid ta’ dak il-pajjiż linja ta’ ideat kulturali li drajna f’sens pożittiv. Ħadd ma ħa lil ħadd, kif jgħidu huma stess, “for granted”, imma għal dawn l-aħħar tmenin sena dik kienet il-linja. Kennedy jibqa’ f’diskorsu dawl fil-valuri li ħaddan u li pprova jqiegħed fis-seħħ. Imma kif tajjeb jirrimarka Weigel, kien hemm Presidenti oħra wara li niżżlu isimhom u m’abbandunawx dan. George Bush (1946) li f’Jannar 2005 kien, fost oħrajn, iddikjara f’linja dejjem avvanzata u ċara li: “We are led, by events and common sense, to one conclusion: The survival of liberty in our land increasingly depends on the success of liberty in other lands. The best hope for peace in our world is the expansion of freedon in all the world.” (Aħna mmexxijin minn eventi u sens komun, lejn konklużjoni waħda: Il-libertà tibqa’ ħajja u tiddependi dejjem aktar f’pajjiżna mis-suċċess tal-libertà f’artijiet oħra. L-aħjar tama għall-paċi fid-dinja tagħna hija dik li tara t-tkabbir tal-libertà fid-dinja kollha.) Pożizzjoni mill-iktar ċara u evidenti.

Smajna u qrajna tajjeb

5. Proprju f’dan, għalhekk, ħadd ma jista’ jgħid li din il-pożizzjoni li għamlet il-ġid lil dak il-poplu ġiet ivvintata mill-pajjiżi Ewropej. Dik kienet ir-realtà u s-sens komun jitlob li dik tibqa’. Għax hija minn kif il-ħamsa u erbgħin Presidenti preċedenti fasslu li huwa fit-triq it-twila kostanti li twettaq is-sewwa fil-politika, li tfittex u tagħti appoġġ tal-iżvilupp u progress tal-movimenti u istituzzjonijiet demokratiċi ta’ kull pajjiż u kultura, sabiex it-tirannija tispiċċa mhux titkattar fuq wiċċ l-art. Anke jekk aħna nħaddnu b’attenzjoni linja ta’ politika barranija li hija marbuta man-newtralità attiva, xorta aħna favur id-demokrazija u kontra d-dittatorjati. Għandna nittamaw u nibqgħu nemmnu li kull poplu jixraqlu li jgħix fil-libertà u fejn id-drittijiet fundamentali jiġu protetti verament.

Modus non moriendi


6. Nafu li l-politika, anke dik mondjali, inevitabbilment tressaqna ma’ kwistjonijiet marbuta ma’ dak li huwa tajjeb u dak li huwa ħażin: dak li huwa nobbli u dak li mhuwiex, jew dak li huwa konformi mal-veritajiet li nafu li huma veritieri u dak li mhuwiex konformi. Imma trid direzzjoni ċara li twasslet lejn il-paċi u s-sewwa. Weigel proprju fuq l-analiżi dettaljata tiegħu ta’ ħajjet u ħidmet il-Qaddis Karol Wojtyla jagħraf li hemm negozjati li jistgħu jsiru f’dawn iċ-ċirkostanzi, imma l-prinċipji wieħed jaħdem aħjar jekk ma jċedix fuqhom. Jislet mill-kuntrast bejn il-Kattoliċiżmu u l-Komuniżmu u jgħid hekk: “That incompatibility also suggests that the strateġiċi vision of John Paul II, which encompassed the victory of freedom over totalitarian tyranny, was more acute than those who imagined a slow convergence between liberalising Communism and an increasingly social-democratic West.” (Dik l-inkompatibilità tissuġġerixxi wkoll il-viżjoni strateġika ta’ Ġwanni Pawlu II, li kellha fiha r-rebħa tal-libertà fuq it-totalitarjaniżmu, kienet iktar akuta, intelliġenti, minn ta’ dawk li mmaġinaw xi forma ta’ konverġenza bejn Komuniżmu aktar libertarju u Oċċident iktar soċjal-demokratiku.)

Fit-tul, imma fis-sewwa


8. Fl-għażliet li hemm quddiemna, wieħed irid jifhem aktar jekk dak li qiegħed jibni fil-preżent għall-futur għandux fih il-valuri tas-sewwa jew l-abbandun tagħhom. Il-politika t-tajba hija dik li tagħraf tiddistingwi biex timxi ’l quddiem. Jekk tibqa’ taħseb li għandha ċċedi issa biex tibqa’ għaddejja trid tagħraf li mhix taqbad triq biex ma tmutx, imma dik li biha ser tmut. Il-valuri demokratiċi fil-paċi u l-libertà jgħaqqdu ferm iktar popli milli naħsbu. Eċċezzjonijiet u kompromessi żbaljati bbażati fuq konsiderazzjonijiet materjali u ekonomiċi jwasslu lejn eżempji ħżiena u li jkattru oħrajn biex jaqbdu l-istess triq. Hemm inkunu, f’isem ir-Realpolitik, qed naqbdu t-triq li ma fihiex dawk il-valuri morali li jsawruna.

22.3.23

Għall-Imħabba tal-Poplu

Għall-Imħabba tal-Poplu

1.     Ftit huma dawk li, fid-dinja tallum, speċjalment fil-medja, li jagħtu ġieħ u importanza lill-bnedmin li taw ħajjithom għall-oħrajn.  Ftit naqraw dwar dawk il-persuni li nqatlu għall-valuri tas-sewwa.  Ftit isibu spazju dibattiti jew artikli jew aħbarijiet dwar dak li wettqu dawn il-qaddisin martri.  U meta tisma’ isimhom imsemmi, kważi tiskanta kif irnexxilhom isibu lil xi ħadd mid-dinja tal-ġurnaliżmu li ftakar fihom.  Tiskanta, waqt li tifhem il-kuntrasti ta’ din id-dinja.  Min-naħa trid is-sewwa, trid l-onestà, trid l-integrità, trid bnedmin li jikkumbattu dak li huwa ħażin u llegali, imma ma tridux minn fost l-Insara.  Dinja li bniet disprezz lejn ulied twajba, kuraġġużi u perseveranti.  Ulied li għamlu, u anki jekk mhumiex magħna, jibqgħu jagħmlu t-tajjeb.

Ħaqqhom

2.     Bnedmin li ħaqqhom ġieħ u rispett.  Bnedmin li huma mudelli ta’ eżempji tajba, sija għal dawk li jemmnu, kif ukoll għal dawk inqas.  Eżempji li jiddu anki f’moħħ dawk li jridu, u li qegħdin ifittxu t-toroq dritti f’dawk li huma mserrpa u mħarbta.  Bnedmin li ma kinux deputati jew mexxejja politiċi, imma li kienu strumentali sabiex is-soċjetà tinbidel.  Sabiex tagħżel li ma tibqax għaddejja tippermetti dak li huwa żbaljat u ma tiqafx għalih.  Sabiex permezz tagħhom tibda lura tibni ordni soċjali ġdid u lijagħmel il-ġid lill-bniedem.  Soċjetà li tħares li tiddefendi dawk il-valuri li minnhom frott joħroġ, u mhux imrar.  Bnedmin li huma eżempji għal kull persuna li tgħid fid-dinja.

Saċerdot

3.     F’Jum San Ġużepp ftakarna lura f’Don Giuseppe (Peppe) Diana.  Saċerdot li twieled fl-1958 fl-Italja, u li ħajtu ddedikaha għas-sewwa.  Persuna li kiteb u ħeġġeġ pubblikament lil dawk fis-soċjetà biex jaħdmu għall-ġid.  Bniedem li mpenja ruħu soċjalment mingħajr m’abbanduna l-vokazzjoni tiegħu.  Anzi, għaraf li t-tnejn huma ħaġa waħda.  Jimxu id f’id.  Iktar u iktar f’soċjetà fejn il-Mafja u l-Kamorra tiddomina u tipprova tibni dinja ġewwa dinja oħra.  Dinja ta’ kriminalità li tgħix fuq it-tjubija tal-bniedem.  Don Peppe, li kien attiv b’mod partikolari maż-żgħażagħ, fil-Milied tal-1991 ħareġ librett bit-titolu ċar: Per Amore del Mio Popolo non Tacerò (Għall-Imħabba tal-Poplu Tiegħi mhux ser Niskot).

Dokument uniku

4.     Dokument uniku u attwali, iktar ukoll għalina f’din is-soċjetà li qed tara l-valuri fundamentali jintremew mill-mexxejja tagħha.  Fih huwa jgħid, fost ħafna biċċiet miktuba mill-iktar pinna tajba, hekk: “le carenze anche della nostra azione pastorale ci devono convincere che l’Azione di tutta la Chiesa deve farsi più tagliente e meno neutrale per permettere alle parrocchie di riscoprire quegli spazi per una “ministerialità” di liberazione, di promozione umana e di servizio.  Forse le nostre comunità avranno bisogno di nuovi modelli di comportamento: certamente di realtà, di testimonianze, di esempi, per essere credibili.”  (In-nuqqasijiet tal-azzjoni pastorali tagħna għandhom jikkonvinċuna li l-Azzjoni tal-Knisja kollha għandha tkun iktar soda u inqas newtrali biex tippermetti lill-parroċċi li jiskopru dawk l-ispazji fil-ministeru tagħha ta’ liberazzjoni, u li tqiegħed fuq quddiem is-servizz uman.  Forsi l-komunitajiet tagħna għandhom il-bżonn ta’ mudelli ġodda ta’ kif iġibu ruħhom.)

L-impenn Nisrani

5.     L-istess ikompli jħeġġeġ sabiex il-Knisja titkellem ċar fl-omeliji tagħha, u li tkun preżenti f’dawk il-mumenti li jitolbu, minnhom infushom, xiehda kuraġġuża.  Xiehda fil-jiem sabiex dak li huwa jsejjaħ tant tajjeb: “Il nostro impegno profetico di denuncia non deve e non può venire meno.”  L-impenn profetku li wieħed isejjaħ għas-sewwa, u fl-istess ma jkunx pass lura milli jitkellem kontra dak li mhuwiex.  Huwa jgħid li l-Ħallieq tagħna jsejħilna biex inkunu hekk waqt li jħares lejn il-Profeti Eżekjel, Iżaija u Ġeremija.  Għax il-profeta huwa dak li qiegħed il-gwardjan attent li, meta jara l-inġustizzja, jitkellem dwarha u jsejjaħ lura lejn il-proġett oriġinarju tal-Ħallieq.  Huwa wkoll dak li jfakkar fil-passat, u kif jgħid hu f’esprezzjoni unika: “Se ne serve per cogliere nel presente il nuovo.”  Il-profeta Nisrani huwa dak li jistieden lilna u lilu nnifsu ngħixu s-solidarjetà tat-tbatija.  Kif ukoll li l-profeta jsejjaħ bħala prijorità t-triq lejn il-ġustizzja.  Manifest attwali u determinanti.

Vuċi fid-deżert

6.     Tħalla waħdu f’diversi mumenti, u l-impenn profetiku tiegħu ma kienx faċli.  Imma kien determinat fis-sewwa u fl-impenn ċivili u reliġjuż kontra l-Mafja u l-Kamorra.  Il-vuċi tiegħu instemgħet, u iktar persuni għamlu kuraġġ isegwuh, iktar u iktar fil-Parroċċ ta’ San Nikola ta’ Bari f’Casal de Principi.  Kien jgħid lil min jisimgħu li wieħed m’hemmx bżonn li jkun eroj, imma huwa biżżejjed li jagħmel l-għażliet li fihom ikollu l-kuraġġ li jikxef dak li huwa korrott.  Dan l-impenn m’għaddiex mhux osservat.  Fid-19 ta’ Marzu tal-1994, il-Kamorra bagħtet bniedem biex joqtlu.  Waqt li kien fis-sagristija jistenna li jibda l-quddiesa fis-7:30 ta’ filgħodu, daħal qattiel u staqsa min kien Don Peppe Diana, u kif wieġbu li kien hu, sparalu ħames tiri.

Ġwanni Pawlu II

7.     L-għada stess, dan il-Papa Qaddis u kuraġġuż, li sfida għas-sewwa lil dawn l-organizzazzjonijiet kriminali, faħħar ħidmietu u ddeskrivih bħala ruħ ġeneruża li b’dak li wettaq: “produce frutti di conversione, operosità concordia, solidarietà e pace.”  Għax Don Peppe ħadem fit-triq it-tajba.  Ħajtu ddedikata għas-sewwa.  Proprju llum, li ninsabu f’soċjetà li qed tmiss direttament mal-illegalità u l-korruzzjoni, l-eżempju tiegħu, kliemu, huma dawl.  Iktar u iktar meta ħidmet il-Gvern, wara s-sentenza tal-isptarijiet, mhix tikkumbatti fl-għeruq dak li ma messu qatt sar, imma li tgħid li kollox huwa sejjer tajjeb.  Li flok issib, fid-dettall, dak li seħħ biex ma jirrepetix ruħu, qed tgħid lin-nies li għad fadal erba’ snin biex jerġa’ jipprova jirbaħ l-elezzjoni.  Proprju quddiem dan għandna nfakkru, u fl-istess ħin, għall-imħabba tal-poplu għandna nkomplu nsegwu ħidmet Don Peppe Diana.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...