Għall-Imħabba tal-Poplu
1. Ftit huma dawk li, fid-dinja tallum, speċjalment fil-medja, li jagħtu ġieħ u importanza lill-bnedmin li taw ħajjithom għall-oħrajn. Ftit naqraw dwar dawk il-persuni li nqatlu għall-valuri tas-sewwa. Ftit isibu spazju dibattiti jew artikli jew aħbarijiet dwar dak li wettqu dawn il-qaddisin martri. U meta tisma’ isimhom imsemmi, kważi tiskanta kif irnexxilhom isibu lil xi ħadd mid-dinja tal-ġurnaliżmu li ftakar fihom. Tiskanta, waqt li tifhem il-kuntrasti ta’ din id-dinja. Min-naħa trid is-sewwa, trid l-onestà, trid l-integrità, trid bnedmin li jikkumbattu dak li huwa ħażin u llegali, imma ma tridux minn fost l-Insara. Dinja li bniet disprezz lejn ulied twajba, kuraġġużi u perseveranti. Ulied li għamlu, u anki jekk mhumiex magħna, jibqgħu jagħmlu t-tajjeb.
Ħaqqhom
2. Bnedmin li ħaqqhom ġieħ u rispett. Bnedmin li huma mudelli ta’ eżempji tajba, sija għal dawk li jemmnu, kif ukoll għal dawk inqas. Eżempji li jiddu anki f’moħħ dawk li jridu, u li qegħdin ifittxu t-toroq dritti f’dawk li huma mserrpa u mħarbta. Bnedmin li ma kinux deputati jew mexxejja politiċi, imma li kienu strumentali sabiex is-soċjetà tinbidel. Sabiex tagħżel li ma tibqax għaddejja tippermetti dak li huwa żbaljat u ma tiqafx għalih. Sabiex permezz tagħhom tibda lura tibni ordni soċjali ġdid u lijagħmel il-ġid lill-bniedem. Soċjetà li tħares li tiddefendi dawk il-valuri li minnhom frott joħroġ, u mhux imrar. Bnedmin li huma eżempji għal kull persuna li tgħid fid-dinja.
Saċerdot
3. F’Jum San Ġużepp ftakarna lura f’Don Giuseppe (Peppe) Diana. Saċerdot li twieled fl-1958 fl-Italja, u li ħajtu ddedikaha għas-sewwa. Persuna li kiteb u ħeġġeġ pubblikament lil dawk fis-soċjetà biex jaħdmu għall-ġid. Bniedem li mpenja ruħu soċjalment mingħajr m’abbanduna l-vokazzjoni tiegħu. Anzi, għaraf li t-tnejn huma ħaġa waħda. Jimxu id f’id. Iktar u iktar f’soċjetà fejn il-Mafja u l-Kamorra tiddomina u tipprova tibni dinja ġewwa dinja oħra. Dinja ta’ kriminalità li tgħix fuq it-tjubija tal-bniedem. Don Peppe, li kien attiv b’mod partikolari maż-żgħażagħ, fil-Milied tal-1991 ħareġ librett bit-titolu ċar: Per Amore del Mio Popolo non Tacerò (Għall-Imħabba tal-Poplu Tiegħi mhux ser Niskot).
Dokument uniku
4. Dokument uniku u attwali, iktar ukoll għalina f’din is-soċjetà li qed tara l-valuri fundamentali jintremew mill-mexxejja tagħha. Fih huwa jgħid, fost ħafna biċċiet miktuba mill-iktar pinna tajba, hekk: “le carenze anche della nostra azione pastorale ci devono convincere che l’Azione di tutta la Chiesa deve farsi più tagliente e meno neutrale per permettere alle parrocchie di riscoprire quegli spazi per una “ministerialità” di liberazione, di promozione umana e di servizio. Forse le nostre comunità avranno bisogno di nuovi modelli di comportamento: certamente di realtà, di testimonianze, di esempi, per essere credibili.” (In-nuqqasijiet tal-azzjoni pastorali tagħna għandhom jikkonvinċuna li l-Azzjoni tal-Knisja kollha għandha tkun iktar soda u inqas newtrali biex tippermetti lill-parroċċi li jiskopru dawk l-ispazji fil-ministeru tagħha ta’ liberazzjoni, u li tqiegħed fuq quddiem is-servizz uman. Forsi l-komunitajiet tagħna għandhom il-bżonn ta’ mudelli ġodda ta’ kif iġibu ruħhom.)
L-impenn Nisrani
5. L-istess ikompli jħeġġeġ sabiex il-Knisja titkellem ċar fl-omeliji tagħha, u li tkun preżenti f’dawk il-mumenti li jitolbu, minnhom infushom, xiehda kuraġġuża. Xiehda fil-jiem sabiex dak li huwa jsejjaħ tant tajjeb: “Il nostro impegno profetico di denuncia non deve e non può venire meno.” L-impenn profetku li wieħed isejjaħ għas-sewwa, u fl-istess ma jkunx pass lura milli jitkellem kontra dak li mhuwiex. Huwa jgħid li l-Ħallieq tagħna jsejħilna biex inkunu hekk waqt li jħares lejn il-Profeti Eżekjel, Iżaija u Ġeremija. Għax il-profeta huwa dak li qiegħed il-gwardjan attent li, meta jara l-inġustizzja, jitkellem dwarha u jsejjaħ lura lejn il-proġett oriġinarju tal-Ħallieq. Huwa wkoll dak li jfakkar fil-passat, u kif jgħid hu f’esprezzjoni unika: “Se ne serve per cogliere nel presente il nuovo.” Il-profeta Nisrani huwa dak li jistieden lilna u lilu nnifsu ngħixu s-solidarjetà tat-tbatija. Kif ukoll li l-profeta jsejjaħ bħala prijorità t-triq lejn il-ġustizzja. Manifest attwali u determinanti.
Vuċi fid-deżert
6. Tħalla waħdu f’diversi mumenti, u l-impenn profetiku tiegħu ma kienx faċli. Imma kien determinat fis-sewwa u fl-impenn ċivili u reliġjuż kontra l-Mafja u l-Kamorra. Il-vuċi tiegħu instemgħet, u iktar persuni għamlu kuraġġ isegwuh, iktar u iktar fil-Parroċċ ta’ San Nikola ta’ Bari f’Casal de Principi. Kien jgħid lil min jisimgħu li wieħed m’hemmx bżonn li jkun eroj, imma huwa biżżejjed li jagħmel l-għażliet li fihom ikollu l-kuraġġ li jikxef dak li huwa korrott. Dan l-impenn m’għaddiex mhux osservat. Fid-19 ta’ Marzu tal-1994, il-Kamorra bagħtet bniedem biex joqtlu. Waqt li kien fis-sagristija jistenna li jibda l-quddiesa fis-7:30 ta’ filgħodu, daħal qattiel u staqsa min kien Don Peppe Diana, u kif wieġbu li kien hu, sparalu ħames tiri.
Ġwanni Pawlu II
7. L-għada stess, dan il-Papa Qaddis u kuraġġuż, li sfida għas-sewwa lil dawn l-organizzazzjonijiet kriminali, faħħar ħidmietu u ddeskrivih bħala ruħ ġeneruża li b’dak li wettaq: “produce frutti di conversione, operosità concordia, solidarietà e pace.” Għax Don Peppe ħadem fit-triq it-tajba. Ħajtu ddedikata għas-sewwa. Proprju llum, li ninsabu f’soċjetà li qed tmiss direttament mal-illegalità u l-korruzzjoni, l-eżempju tiegħu, kliemu, huma dawl. Iktar u iktar meta ħidmet il-Gvern, wara s-sentenza tal-isptarijiet, mhix tikkumbatti fl-għeruq dak li ma messu qatt sar, imma li tgħid li kollox huwa sejjer tajjeb. Li flok issib, fid-dettall, dak li seħħ biex ma jirrepetix ruħu, qed tgħid lin-nies li għad fadal erba’ snin biex jerġa’ jipprova jirbaħ l-elezzjoni. Proprju quddiem dan għandna nfakkru, u fl-istess ħin, għall-imħabba tal-poplu għandna nkomplu nsegwu ħidmet Don Peppe Diana.
No comments:
Post a Comment