1. Bnedmin, fil-ħajja u fl-istorja, b’mod partikolari, isibu ħidmiethom imwarrba fil-ġenb. Isibu ruħhom fid-dell ta’ opinjonijiet inġusti dwarhom. Isibu li la kredtu, u wisq inqas gratitudni ma jingħataw dwar dak li jkunu, b’tant determinazzjoni, ħadmu għalih. Bnedmin li jridu biss li jibqa’ dak li huma jifhmu li fil-ħajja hemm ukoll il-mumenti meta jkun hemm min jiġbor lura dak li wettqu. Ħafna drabi, xejn ma jkun jiddependi minnhom. Fis-sens li, jgħidu x’jgħidu huma biex jispjegaw jew jiddefendu ħidmiethom, ma jiġbdux l-attenzjoni li ħaddieħor jikteb dwarhom. Bħal ma tkerrħu minn oħrajn, isibu lilhom infushom apprezzati minn oħra. Dawk il-bnedmin li, wara t-trapass taż-żmien, ikollhom l-opportunità li jħarsu iktar oġġettivament.
Iż-żmien
2. Ħafna drabi, f’dan jgħin li l-bniedem jibqa’ ħaj. Jibqa’ għaddej jgħin u jibqa’ rilevanti billi jiltaqa’ mal-komunità. Jista’ jitkellem u jista’ jinfluwenza. Jista’ jidher u jfakkar li stabbilixxa linji ta’ ħajja pubblik attiva differenti. Mhux kull persuna tista’ f’dan. Hemm min, ħafna drabi, jrid bilfors jistenna li jgħaddi ż-żmien fuq iż-żmien. Jekk qabel, kull ma seta’ qal ma nstemgħax, maż-żmien jibda jingħata iktar widen. Mhux b’kemm jixtieq hu, imma skont kemm il-bnedmin fis-soċjetà jiddeċiedu. Ħafna drabi, ftit huma dawk li jkollhom il-kuraġġ li jieħdu f’idejhom il-kawża tal-oħrajn. Ftit huma dawk li jkunu lesti li jaqbżu għall-ħidma politika ta’ politiċi oħra bħalhom. Imma maż-żmien dawn issibhom, u jagħrfu jagħmlu d-differenza.
President speċjali
3. Dan huwa li qiegħed nara għaddej bħalissa favur Jimmy Carter, li kien President tal-Istati Uniti bejn l-1977 u l-1981. Kitbet l-istorja għal dawn l-aħħar snin ma kinitx dejjem favur tiegħu. Anzi, huwa ċar li kull min ġie warajh ma tantx kien lest li jgħid biex ifakkar li ħidmietu serviet sew lil dak il-pajjiż kbir. Sija Bill Clinton, kif ukoll Barack Obama ma kinux wisq preparati f’dan, imma Joe biden qiegħed ikun. Dan il-bniedem, imwieled fl-1 ta’ Ottubru 1924, illum qabeż it-98 sena. Wieħed li, bl-eżistenza sempliċi tiegħu qiegħed iwassal biex dak kollu li wettaq fil-Presidenza jiġi stmat u analizzat fit-tajjeb mill-ġdid. Kien il-bniedem li daħal fis-siġġu ta’ presidenza li Richard Nixon ma tantx ħalliha mimlija bil-glorja. Kien, għalhekk, dak li daħal proprju biex ikun hemm presidenza aktar trasparenti u waħda li tħares li tiddefendi u xxerred id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Make America Great
4. Kien, f’dan, żiffa friska fl-ideat u fl-ideali. Kien, f’ħafna, qiegħed jesprimi dak li l-President attwali jista’ faċilment, wara t-togħma morra tal-esperjenza ta’ Donald Trump. Dan biex dan il-pajjiż jikseb lura l-kredenzjali demokratiċi li kien igawdi, kif ukoll dawk l-ideat li jgħolluh fil-ġlieda kontra l-inġustizzji. Kien deċiż fl-opinjoni tiegħu li l-pajjiż jikber f’dan. Huwa kien qal: “Our country has been strongest and most effective when morality and a commitment to freedom and democracy have been most clearly emphasized in our foreign policy.” (Pajjiżna kien l-iktar b’saħħtu u effettiv meta l-moralità u l-impenn għad-demokrazija u l-libertà kienu dikjarati b’mod mill-iktar ċar fil-politika barranija tagħna.)
Drittijiet fundamentali
5. Forsi llum, fl-aġendi Ewropej u nazzjonali, m’għadniex nitkellmu fuq id-difiża tad-drittijiet fundamentali bl-istess saħħa li konna. Carter kien deċiż li dan ma jkunx. Proprju fl-ideat u t-trobbija tiegħu, il-valuri Nsara kienu prijorità u gwida. Ma qagħadx lura milli jiddikjara li l-Presidenza ressqitu iktar lejn dak li jemmen, u f’dan, fit-talb. Proprju minħabba dan li kien konvint li kellu jkun hemm impenn ċar fil-ħidma indipendenti minn waħda purament pragmatika fejn l-ideali jinxeħtu ʼl barra. Fuq dan kien qal hekk: “Our commitment to human rights must be absolute, our laws fair, our national beauty presented, the powerful must not prosecute the weak and human dignity must be enhanced.” (L-impenn tagħna favur id-drittijiet fundamentali għandhom ikunu assoluti, il-liġijiet tagħna ġusti, fejn l-isbuħija tagħna tidher, fejn dawk li huma b’saħħithom m’għandhomx jippersegwitaw lil dawk li huma dgħajfa u d-dinjità umana tissaħħaħ.) Ma beżax jitkellem favur dawn id-drittijiet u ħadem sabiex pajjiżu jikber f’dinja fejn dawn ma kinux għadhom ħadu l-prijorità li ħaqqhom.
Favur il-Paċi
6. Kien il-bniedem li bata u ddedika verament ħafna mill-ħin tiegħu sabiex ikun hemm il-paċi fid-dinja. Ibda mir-relazzjonijiet mal-Unjoni Sovjetika u kompli maċ-Ċina, li kienet qegħda tiftaħ kapitoli ġodda taħt Deng Xiaoping. Kien attiv u attent sabiex ikun hemm ordni mondjali aħjar milli sab. F’dan, b’mod partikolari rnexxilu jwassal sal-Eġittu ta’ Anwar-el-Sadat u Iżrael ta’ Moshe Dayan u Begin Menachem għal ftehim. Bata sew f’dan, imma rnexxilu jġib ferm iktar paċi u stabilità f’dak ir-reġjun. Ħidma li wettaq flimkien magħhom fil-famuż ‘Camp David’. Waħda li d-dinja Għarbija ta’ dak iż-żmien m’apprezzatx, imma li llum, wara tant snin, wieħed irid jaċċetta li mertu tiegħu nbena pedament li fuqu oħrajn għadhom jistgħu jkomplu jibnu. Biss, kif qed naraw, flok sforzi għall-paċi llum qed naraw oħrajn kompletament differenti.
Togħmiet morri
7. Il-politika attiva, għal kull min jieħu sehem veru fiha, għandha l-ħelu u l-morr tagħha. Dawk li ma jwettqu xejn, dan ma jagħrfuhx. Imma Carter, proprju għax f’ħafna kien irnexxielu jistabbilixxi li tista’ titkellem fuq l-ideali u twettaqhom, għadda minnhom. Sfortunatament għalih proprju fl-4 ta’ Novembru 1979, meta madwar 3,000 Iranjan daħlu u ħatfu diversi membri tal-Ambaxxata Amerikana f’dak il-pajjiż. Sitwazzjoni xejn faċli, imma li ġiebet lill-Amerika tidher bħala pajjiż dgħajjef, għax ma setgħetx tasal mar-reġim intransiġenti u teokratiku ta’ Ruhollah Khomeini. Bata sew, bi sforzi varji, sabiex fl-aħħar dawn jiġu meħlusa. Piena kbira u mill-iktar ikkumplikata li qegħdet fid-dell it-tajjeb kollu li kien wettaq. Illum, wara 42 sena u b’dak kollu li seħħ, id-dinja tidher li qed tagħraf li għandha tqis mill-ġdid ħidmet dan il-bniedem. Tagħraf li għandu jixraqlu ferm aħjar.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
19.6.23
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment