27.6.23

lL-FUTUR POLITIKU TAGĦNA LLUM

1.   Min ikun ġarrab, min ra diġà l-ħajja jagħraf li hemm mumenti ta’ tbatija u oħrajn differenti. Jagħraf dan u jħares ʼil quddiem sabiex dak li jħoss, dak li huwa jinsab fih, jinbidel għall-aħjar. Hemm min jaħseb li l-affarijiet jissolvew billi ma jagħmel xejn. Hemm oħrajn li, tant jaqtgħu qalbhom, li jaħsbu li xejn ma jista’ jinbidel. Hemm oħrajn li jibqgħu jaħdmu u jittamaw sabiex ikun hemm futur aħjar mill-preżent li jkollhom. Hemm diversi oħra li jridu jaraw dan l-isforz komuni verament isir biex jibdew jemmnu li hemm il-probabilità li l-bidliet tant neċessarji fil-ħajja tagħna jseħħu. Biex kull bniedem li jrid il-bidla, ikollu f’dan bażi aqwa biex jittama fil-futur politiku.

Bla direzzjoni

2.   Ħafna drabi mmorru għal diversi proposti u ideat li naħsbu li ser jibdlu l-fehmiet tal-poplu. Għamilna ħafna fis-snin li għaddew li seta’ kellu effett, imma mhux f’dak li wieħed illum għandu l-bżonn tiegħu. Dak li ngħidu jista’ jkun tajjeb fih innifsu, imma miegħu jrid ikollu wkoll il-piż tal-kredibilità biex jikseb il-fiduċja elettorali. Mhux biss, imma l-pajjiż jifhem li aħna fl-Oppożizzjoni, u m’aħniex fil-Gvern. Nistgħu ngħinu kemm nifilħu, imma m’aħniex bid-dmirijiet tat-tmexxija tal-pajjiż. Mhux biss, imma l-proposti tagħna, flok jitqegħdu kif għandhom, qed isibu ruħhom mibdula f’direzzjonijiet differenti. Iktar u iktar illum meta jidher ċar li l-Gvern tilef id-direzzjoni u r-rankatura tiegħu.

Bħal f’Ġeriko


3.   F’soċjetà fejn il-vuċi tagħna mhix tinstema’, fejn id-dibattitu politiku bis-sens twarrab, għandna piż ikbar fl-għarfien ta’ dak li aħna. Diversi drabi nintilfu f’passi u azzjonijiet li, fl-aħħar mill-aħħar, ikabbru ħafna tamiet fost uħud u wara jaqtgħu qalb in-nies fit-tul. Is-sempliċità hija aktar, f’dan kollu, alternattiva effettiva minn kwalunkwe mezz ieħor għalina. Il-messaġġ tagħna rridu nassiguraw li nibgħatuh sew fl-irkejjen tas-soċjetà. Waqt li nirrepetuh ħalli jasal għand kulħadd b’mod ċar u b’saħħtu. Niftakru li quddiem il-ħitan tal-belt ta’ Ġeriko kienu t-trombi li waqqgħu l-ħitan. Kif naqraw: “U għajjat il-poplu, u daqqew it-trombi, u malli l-poplu sama' d-daqq tat-trombi għajjtu għajta kbira, u l-ħitan iġġarrfu u l-poplu tala' għall-belt, kulħadd minn fejn kien, u qabdu l-belt f'idejhom.” [Ġoż:6:20]

Fejn sejrin?

4.   F’dan huwa iktar ċar li rridu nagħrfu aħjar fejn sejrin sewwasew. L-organizzazzjoni nterna hija, f’dan, essenzjali u titlaq minn passi xejn kumplikati, imma ta’ ħidma man-nies li jiġu lura fil-ħidma. Kif, f’dan, wieħed jagħti motivazzjoni lil diversi ċittadini li mhumiex jaraw, mill-politika nazzjonali, soluzzjonijiet għall-problemi li, jum wara jum, qegħdin jiffaċċjaw. Hemm, illum, parti sew mis-soċjetà li hija distakkata u mhix tara li hemm ideat differenti. Tilfet, f’dan il-mument, il-fiduċja fl-abbiltà li tibdel bil-parteċipazzjoni u bil-vot tagħha. Pożizzjoni li hija diġà attwali, u li titlob soluzzjoni. Iktar u iktar f’dak li aħna sejrin għalih fl-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali u dawk tal-Parlament Ewropew.

Għandna ċans?


5.   Fid-direzzjoni u l-burdata politika tallum jidher aktar ċar li dawk li ma jmorrux jivvutaw mhumhiex ser jonqsu. Anzi, wisq nibża’ li ser ikomplu jiżdiedu. Mhix kwistjoni ta’ għażż, imma ta’ affermazzjoni ta’ pożizzjoni. Drabi direttament f’qalb il-partiti politiċi, drabi oħra fl-għarfien li s-soċjetà m’għadhiex dik li kienet. Hemm bidliet fid-dinja tagħna li ġejjin minn fatturi varji. Dawk li twieldu mill-għarfien li kien hemm politiċi li daħku bin-nies għall-interessi tagħhom. Dawk li ġejjin mill-konfużjoni u nuqqas ta’ ordni soċjali li ninsabu fiha. Dawk li huma mwielda fuq il-ħsieb li ttieħdu ħafna deċiżjonijiet politiċi mingħajr ma kien hemm ħsieb veru fuq il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tagħhom. Dawk li ġejjin mill-għarfien li l-ħajja għoliet u ser tkompli togħla b’mod u manjiera li l-eżistenza umana fuq dawn il-gżejjer ser tkun iktar ikkumplikata. F’dan, għalhekk, diversi qed jistaqsu jekk hemmx ċans li l-affarijiet jinbidlu, u niġu lura għall-ordni.

X’bidliet?

6.   Waqt li naħsbu u naqraw dwar jekk hemmx fejqan għalina, ħafna fis-soċjetà jridu bidliet. Iridu aktar pedamenti tas-sewwa. Iridu aktar onestà, awtentiċità, irġulija, trasparenza, paċi u ġustizzja soċjali. L-ekonomija għandha l-effett elettorali tagħha, imma l-bnedmin iridu: l-ewwel, li dawn il-valuri jitqegħdu fis-seħħ fis-soċjetà. F’elezzjonijiet passati, dan kien diġà evidenti. Huwa daqshekk ieħor iktar evidenti llum fis-sejħa li jkun hemm politiċi li mhux biss jipprietkaw dan, imma li jieħdu ħsieb iwettquh f’ħidmiethom. Il-pajjiż ma jridx proposti kumplikati. Irid dawk li, għalkemm huma fihom infushom apparentement sempliċi, ikunu jassiguraw is-sewwa. Jassiguraw li jkun hemm soċjetà li tista’ u tagħti każ dak li l-bnedmin kollha fiha, u mhux biss l-uħud, għandhom bżonn sabiex ikollhom ħajja deċenti.

Inħarsu ʼl quddiem


7.   F’dan, il-Partit għandu jħares li jimmarka politika f’din is-sejħa leġittima tal-poplu tagħna. Il-futur politiku ta’ pajjiżna, illum iktar minn qatt qabel, jiddependi fuq id-deċiżjonijiet li hemm bżonn li jittieħdu. Huwa f’dan ċar, l-ewwel: li l-Gvern mhuwiex f’pożizzjoni li jibdel lilu nnifsu minn dak li, f’dawn is-snin, ittrasforma ruħu fih. It-tieni: li jekk qabel kien hemm il-ġlieda politika għall-alternattiva, illum din saret kwistjoni ta’ eżistenza demokratika nazzjonali. Biex il-pajjiż jerġa’ jikseb lura l-futur politiku leġittimu tiegħu sar, iktar minn qatt qabel, urġenti li wieħed jibdel. Il-futur politiku llum qiegħed jistenna u jittama li wieħed jagħraf ir-realtà, u ma jaħrabx iktar minnha. Jagħraf li huwa d-dmir tiegħu li jimxi ʼl quddiem biex ikun kapaċi jmexxi hekk lil dan il-poplu. Il-futur politiku tagħna llum jiddependi minn dan kollu.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...