8.6.23

Tweġibiet fil-beraħ

1.   Nhar il-Ġimgħa li għadda kont preżenti fil-Palazz ta’ Verdala waqt attività importanti. Waħda organizzata tajjeb ħafna, li għandha tgħin u tagħti għajnuna lil min qiegħed ifittex direzzjonijiet ġodda. Il-Konferenza Nazzjonali dwar l-Istat tan-Nazzjon 2023 hija fil-fatt ritratt ta’ dak li konna, u f’ħafna wkoll, dak li għadna. It-teħid tal-polz tal-ideat u l-opinjonijiet tas-soċjetà dwar diversi punti u suġġetti. L-istħarriġ kien u għadu interessanti ħafna, u miegħu żdiedu wkoll l-opinjonijiet ta’ ħafna. Dawk li wasslu messaġġ, u fl-istess ħin kienu huma wkoll fil-proċess li jifhmu u jagħrblu tajjeb il-figuri li l-istatistika tagħraf tagħti. Fost dawn ħareġ punt li żammini naħseb.

It-teknoloġija moderna

2.   Qam il-punt tal-impatt li t-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali għandhom u ser ikollhom fuq is-soċjetà u fuq il-bnedmin, speċjalment il-ġenerazzjonijiet li telgħin u ġejjin. F’dan iktar jekk dan huwiex minnu nnifsu pożittiv jew negattiv. Ammirajt f’dan il-bżonn li wieħed jafferma li soċjetà tajba trid tifhem li qegħda hemm għall-bniedem. Għas-servizz tiegħu, u għalhekk dak li jinħoloq irid jidħol id f’id miegħu. F’soċjetà li trid tirregola iktar sabiex tippreserva u tassigura li l-valuri tagħha jiġu protetti. Li, fuq kollox, il-mewġa kontinwa tal-materjaliżmu ma taqbadx u tneħħi dak kollu li huwa fil-bniedem. Ħafna jridu liġijiet ġodda, imma kif u f’liema direzzjoni, dik ħaġ’oħra.

Sitta u ħamsin sena ilu

3. F’dan, mort lura fil-kitba ta’ bniedem li nfluwenza lil diversi, fosthom lili wkoll, meta kien qal hekk: “Politics offers yesterday’s answers to today’s questions.” (Il-politika toffri t-tweġibiet tal-bieraħ għall-mistoqsijiet tallum.) Herbert Marshall McLuhan kiteb dan il-ktieb li għadni ngħożż u nikkonsulta, The Medium is the Message. Dak li kien ġie stampat fl-1967 u li għadu magħna bħala fonti ta’ ideat u direzzjonijiet. Kanadiż li f’ħajtu kkonverta għall-Kattoliċeżimu, ħalla kotba varji, ilkoll tajba, mimlija b’ħafna sens u sustanza. Diversi punti, anzi, imissuna u fihom rilevanza aktar illum li għaddejna minn esperjenzi varji fl-aħħar sittin sena ta’ teknoloġiji differenti ġodda, fejn waħda tissupera lill-oħra.

Allatonceness

4.   Kien il-bniedem li fehem dak li l-medja kienet ser tgħaddi minnu, u li fiha tinsab preżentement illum. Kemm tajna każ tiegħu, jew kemm aħna preżentement ippreparati, naħseb li huwa dubjuż. Imma huwa gwida diretta. Kien il-bniedem li welled din il-kelma ġdida. Dik li identifikaha bħala: “The state of everything or many things happening or seeming to happen at the same time, hectic concurrent content of the modern world.” (L-istat ta’ kollox jew ta’ ħafna affarijiet li qed isiru, jew jidhru li qed isiru f’daqqa, affarijiet li jsiru f’daqqa u b’mod mgħaġġel f’dinja moderna.) Fejn minkejja dak li naħsbu, kollox jinvolvina lkoll u f’daqqa fl-istess ħin. Fejn il-bniedem illum irid, quddiem dawn il-mezzi teknoloġiċi varji jagħraf il-bumbardament ta’ informazzjoni li ġejja fuqu.

Electric circuitry

5.   B’viżjoni mill-iktar interessanti u kważi profetika huwa, f’dan il-ktejjeb mill-isbaħ fl-ideat u fl-istampi jgħid hekk ukoll: “Information pours upon us, instantaneously and continuously. As soon as information is acquired, it is very rapidly replaced by still newer information.” (L-informazzjoni titferrgħa fuqna mill-ewwel u b’mod kontinwu. Hekk kif wieħed jikseb informazzjoni, din malajr tiġi mibdula b’informazzjoni iktar riċenti u ġdida minnha.) Ċavetta, għalina f’din is-soċjetà, li għadna nibqgħu naħsbu li l-bnedmin kapaċi jlaħħqu mal-informazzjoni. Ilaħħqu fis-sens li jiġbruha, jagħrbluha u jimxu minnha. Fejn ħadd m’għandu, jew jidher li qiegħed jifforma opinjoni waħda ċara u wieqfa. Mentri kif inhuwa iktar ċar, kollox jidher aktar għaddej minn fuq rasna, proprju għax la għandna l-ħin, u wisq anqas m’aħna nagħrfu l-bżonn għal ħajjitna li nwettquh. Forsi wieħed jifhem iktar, f’din l-ispjegazzjoni, kif l-iskandli kontinwi ta’ korruzzjoni qed imissuna.

Ideat varji

6. F’dan kollu, dan il-bniedem tant intelliġenti fehem ukoll li bit-teknoloġija moderna dejjem tiżviluppa, hemm tibdil fundamentali ieħor. Wieħed li mhux kull persuna qegħda tagħraf l-impatt u l-iżvilupp tiegħu. Jgħid, f’dan, dak li huwa jidentifika bħala minoranzi, forsi aħjar, vuċijiet fis-soċjetà. Għarfien preċiż, però, ta’ dak li għaddej illum. Huwa jgħid hekk: “In an electric information environment minority groups can no longer be contained-ignored. Too many people know too much about each other. Our new environment compels commitment and participation.” (F’ambjent teknoloġiku, gruppi fil-minoranza ma jistgħux jinżammu kkontrollati jew jiġu njorati. Hemm wisq bnedmin li jafu ħafna fuq xulxin. L-ambjent il-ġdid tagħna jesiġi impenn u parteċipazzjoni.) Dan huwa ċar ħafna fuq żewġ livelli. L-ewwel: billi għadna mdorrijin naħsbu fil-passat, dak li naqraw fuq il-medja soċjali bħala posts jew kummenti għalihom neħduhom bħala veri, bħala fattwali, jew bħala dawk li qed jirrappreżentaw opinjoni ġenerali u komuni, mentri mhumiex. It-tieni: li anki dawk li ma jivvutawx u huma determinati li ma jużawx dan id-dritt, dan huwa fih innifsu impenn differenti u xorta parteċipattiv.

Ebda ħtija

7. Il-kultura l-“ġdida”, fis-sens li toħroġ kontinwament pożizzjonijiet differenti fejn il-ħtija u r-responsabbiltà tal-aġir uman qegħdin jintilfu. Minflok is-soċjetà qed tiddikjara li xi ħadd għandu ħtija għal aġir żbaljat, qed tinjorah. Huwa kien qal, għalija, b’tant sens: “This feeling is an aspect of the new mass culture we are moving into – a world of total involvement in which everybody is so profoundly involved with everybody else and in which nobody can really imagine what private guilt can be anymore.” (Dan is-sentiment huwa riżultat tal-kultura tal-massa li deħlin fiha – dinja fejn kulħadd huwa tant involvut profondament ma’ kulħadd, u li fiha ħadd m’għadu jista’ jimmaġina xi tkun il-ħtija personali). Ideat li jidħlu fil-kuntest preżenti tal-Istat tan-Nazzjon tagħna, fejn xejn ma jrid iħares, jew anzi, fejn hemm rifjut lejn ir-responsabbiltà tal-bnedmin fl-aġir politiku u amministrattiv żbaljat tagħhom.

Tweġibiet tallum

8.   Dan huwa aktar ċar li Marshall McLuhan, fl-analiżi tiegħu, għaddielna ideat li bihom, bħala politiċi, nistgħu nsolvu l-problemi tallum. Gwidi u pariri minn moħħ kbir. Wieħed mimli talenti, li kabbar u kkoltiva f’kitba li għadha, f’ħafna, rilevanti għalina. Hemm ħafna x’wieħed jgħid dwar dan, u forsi niġbed l-attenzjoni lejh. Huwa, fil-kuntest sħiħ ta’ dak li seħħ is-Sibt li għadda, jgħid: “Propaganda ends where dialogue begins. You must talk to the media, not to the programmer.” (Il-Propaganda tieqaf malli jibda d-djalogu. Għandek titkellem mal-medja u mhux ma’ jipprogramma t-teknoloġija.) Proprju f’dan, għandna iktar nagħrfu li jekk aħna rridu nkunu politiċi tajba rridu nagħtu tweġibiet illum għad-domandi tallum, u mhux tweġibiet tal-bieraħ.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...