6.6.23

Mhux kontestat

1.   Fl-imrar politiku li din il-ġimgħa spiċċajna bih, il-pajjiż mess punt ieħor ʼl isfel fil-fond li jidher li għad irid jibqa’ nieżel fih. Fejn bih, il-partit ta’ dawk li ma jridux li jkollhom parti minn dak li hu għaddej, żdied. F’xenarju fejn il-klassi politika mhix tifhem, jew ma tridx tifhem, dak li huwa mistenni minnha li tidħol għalih biex tibdel dak li hu għaddej. Wisq każijiet. Wisq kumplikazzjonijiet. Fl-aħħar tal-ġurnata hemm dak il-fatt li mhuwiex kontestat: dak li tul dawn il-leġislaturi mmexxija mill-Partit Laburista saret ħsara lid-demokrazija ta’ pajjiżna. Ħsara lill-immaġini. Ħsara fil-mod ta’ kif wieħed għandu jamministra tajjeb il-ħwejjeġ tal-pajjiż. Aġir li tefa’ dell ikrah fuq l-abbiltà tagħna bħala bnedmin li mmexxu l-affarijiet tagħna b’mod sewwa.

Żmien il-Kolonjaliżmu

2.   Għandna għalfejn ngħidu ‘grazzi’ li m’aħniex aktar fi żmien il-kolonjaliżmu. Waqt li mitt sena ilu ħaddieħor ħoloq raġunijiet foloz biex ineħħilna l-Kostituzzjoni tagħna, illum aħna stess, b’idejna, qed naġixxu b’mod żbaljat. Aħna stess qed innaqqsu mill-ġieħ li m’għadux ikollna. Aħna stess għandna tmexxija politika li qed teħodna fi sqaqien li minnhom wieħed irid jagħmel sforzi kbar biex joħroġ, u minflok nippruvaw noħorġu qed inkomplu nippersistu. Aġir li qed jirrendi iktar dwejjaq u mrar f’dak li ma nistennewx. Aġir li qiegħed imiss mal-bażi u l-pedament ta’ dak li huma d-demokrazija u l-verità. Aġir li qiegħed iċekkinna iktar mal-oħrajn. Uħud minna qed iniżżluna, imma f’din il-linja jidher ċar li, bħala poplu, niżlin kollha kemm aħna.

Vakum

3.   F’dan għandna iktar l-iżviluppi ta’ vakum politiku, li minnu ser naraw konċentrazzjoni akbar ta’ poter fi ftit idejn, jew f’id waħda. Dan għax tista’ temmen dak li “nkixef” u tista’ tibqa’ indifferenti għalih. Tista’ taħseb li min mhux proprju verġni u martri qiegħed jgħid il-verità. U tista’ wkoll tarah li huwa parti minn dak li hu għaddej fil-ġlied intern iktar iebes u kiefer fi ħdan il-Partit Laburista. L-eliminazzjoni ta’ politiċi fi ħdan partit ma jissudax tmexxija, imma jnaqqas il-bażi elettorali tiegħu. Iġib iktar persuni fi ħdan dak il-partit li jiddistakkaw ruħhom biex jippruvaw jifhmu aħjar. Jippruvaw jaraw li ma jinqabdux fil-messaġġi retoriċi li jingħadulhom, u għalhekk jispiċċaw jemmnu dak li m’għandhomx. Biss, hi x’inhi l-pożizzjoni, il-fatt jibqa’ li dan huwa kollu żbaljat għall-aħħar, sija jekk huwa veru u sija jekk huwa parti minn forma ta’ “komplott” kontra dak u l-ieħor.

Kontijiet

4.   Jista’ jkun parti mill-għeluq ta’ kontijiet politiċi. Imma l-fatt jibqa’ li fi ħdan il-pajjiż hemm żewġ realtajiet li żviluppaw. L-ewwel: li l-ħsara, saret kif saret u minn min saret, ċertament ġiet direttament mill-partit fil-Gvern. It-tieni: li din issa saret tebgħa sewda fuqna, li għada pitgħada trid tiġi mneħħija. Ħafna tant xebgħu għax ilhom jisimgħu b’aġir irresponsabbli u kriminali, fejn l-arti tal-korruzzjoni tant żviluppat, li jaħsbu li din timmerita ktieb, studju, jew teżi universitarja. Hemm, f’dan, dawk li qed jaqtgħu qalbhom li hemm xi ħadd fil-Partit Laburista jew fil-klassi politika kollha, li hu kapaċi jwaqqaf u jnaddaf dan kollu. Hemm iktar minn dawk li m’għadhomx, anqas, wisq interessati jsiru jafu ta’ min hu t-tort, għax diġà jafu, imma iktar f’min huwa fil-fatt kapaċi jbiddel.

Iva, ċertament

5.   Għaddew wisq snin, u din it-tieni amministrazzjoni Laburista qed turi li m’għandhiex l-abbiltà li taffronta dan kollu. Fuq naħa hemm dawk li jaħsbu, b’konvinzjoni, li tant il-kobba hi mħabbla li ħadd mhu kapaċi jindirizza l-pożizzjoni għax huwa parti minn dak kollu li seħħ. Fuq l-oħra, hemm dawk li qed jaraw li jekk hemm xi ħadd li jrid inaddaf, qiegħed fil-fatt jiġi eliminat. Imneħħi, bit-tattika tradizzjonali li tuża l-gazzetti u nofs veritajiet biex toskura lil dak u lill-ieħor. Ħadd ma jista’ jemmen dak li ġejna fih, u fl-istess ħin, aktar minn dan qed naraw li t-tama għar-riforma qegħda tmut. Anki dawk l-iktar pożittivi, li qamu l-Ħamis filgħodu jitkellmu fuq l-aħbar, xorta wara ftit waqfu jifhmu li qed jitkellmu fuq dak li mhumiex kburin bih. U anki jekk għandna liġi li ilha li daħlet fis-seħħ għaxar snin, li tgħid li l-każijiet ta’ korruzzjoni m’għandhomx żmien ta’ preskrizzjoni, xorta l-bnedmin fuq dawn il-gżejjer huma xettiċi.

Għerf id-dinja

6.   Kif qrajt din il-ġimgħa: “Dan hu l-għerf tad-dinja: tara kif taħbi x-xewqat ta’ qalbek, tagħti tifsir ieħor lil kliemek, turi bħala veru dak li mhuwiex, u turi mhux veru dak li hu.” Mentri l-għerf tal-ġust huwa l-kontra: li tgħid il-verità u ma turix ħaġa b’oħra. Għandna għalhekk, f’dan, niltaqgħu u niddiskutu l-istat tal-Istat Malti. Eżerċizzju tajjeb minnu nnifsu, li qiegħed jappella għal dawk li m’għandhomx, f’dan il-mument, wisq fiduċja fid-demokrazija tagħna. Dawk li ma jridux jieħdu sehem nistgħu, f’dan, niġbduhom billi nidħlu fil-punti li ma jindirizzawx dak l-iktar fundamentali. Diġà hemm kurrenti u pożizzjonijiet differenti milli kellna qabel. Ħassieba emerġenti li ma jingħatawx widen, li qed iduru fuqna biex nifhmu kemm għandna x’nagħmlu. Iktar u iktar f’dak li qiegħed jidher li huwa wieqaf, immexxi minn klassi politika li ddikjarat li trid tibdel mentri ħalliet l-affarijiet imorru lura biex baqgħu iktar l-istess.

Kemm qed nifhmu

7.   F’dan kollu, il-livell morali u r-rispett li mexxej politiku jġorr, jew le, miegħu. Hemm dak l-element nieqes li fil-fatt, Mariano Rumor kien identifika f’Alcide de Gasperi: “Esercitava sempre il fascino del leader riconosciuto anche dagli oppositori.” F’dan, għalhekk, huwa ikbar għalina dak li għaddej fl-isfidi li jirrappreżentawlna u li nixtiequ verament inbiddlu. Ir-rivoluzzjonijiet mhumiex ser jiġu, jew ifejqu. Imma huwa iktar ċar li l-passi li jridu jsiru biex ikun hemm il-bidla fil-pajjiż għadna ʼl bgħid minnhom. Hemm l-illużjoni kostanti li naħsbu li billi qed nagħmlu xi ħaġa, allura l-pajjiż moħħu fina. Hemm ir-realtà li f’dak li hu għaddej m’aħniex nilħqu l-widnejn u l-attenzjoni. Aktar u aktar fil-fatt li minkejja dawn l-“awto-goals politiċi kontinwi”, xorta ma jirnexxilniex nibdlu. Proprju għalhekk, fl-għarfien ta’ dak li mhuwiex kontestat, li għandna, iktar minn qatt qabel, id-dmir li naħdmu għas-sewwa, fl-għarfien ta’ dak li qiegħed jitlob mingħandna l-polz nazzjonali.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...