16.3.23

Kif ser titfakkar l-Istorja

Kif ser titfakkar l-Istorja

1.      Filwaqt li nittama li f’dawn il-kelmtejn inkun oġġettiv kemm nista’, u filwaqt ukoll li nittama li ma jkunx hemm ħafna, jew uħud, li jieħdu għalihom, nemmen li għandha ssir riflessjoni.  Għandna naraw aħjar dak li seħħ tul dawn is-snin li l-Partit Laburista jinsab fir-responsabbiltà tal-Gvern, kif ukoll ħafna minn dak li ngħad minnu waqt li kien fl-Oppożizzjoni.  Forsi dan l-artiklu huwa qasir wisq, imma m’għandniex naħarbu minn dan id-dmir xejn faċli.  Anzi ngħid li għandna, sabiex nifhmu aħjar dak kollu li ma marx tajjeb.  Iktar u iktar illum fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti li stabbiliet il-fatti u ddikjarat ċar kristall x’seħħ sa mill-bidunett tal-leġislaturi li għaddew.

 Hemm tnaqqis tal-fiduċja

2.      F’dan, kif qiegħed diġà jidher, hemm tnaqqis ċar fil-fiduċja li l-poplu kellu, sija lejn il-partit fil-Gvern, kif ukoll fil-politiċi.  Altru li l-Oppożizzjoni tikkritika, u altru li dak li tkun qed tgħid jiġu ppruvat.  Altru d-diskors u altru r-riżultat.  Altru dak li kien jingħad u jiġi njorat, u altru dak li llum irid jiġi mplimentat.  Il-kawża li ressaq Adrian Delia ġiet injorata u mkasbra direttament u indirettament.  F’dan, għax iċċekken il-fatt ta’ dak li kien qiegħed jiġri.  Għax sa issa għad irrid niltaqa’ ma’ persuna deskritta daqshekk ħażin li tidħol b’sogru xejn żgħir f’kawża li tikxef il-korruzzjoni.  Imma, kif jgħidu: tardare si, scappare no.  Illum, il-Gvern immexxi minn Prim Ministru differenti, irid jiffaċċja dak li kienu ilhom jaħarbuh.  Jittamaw li ma jiġix fuqhom, mentri kien inevitabbli li ser iseħħ.  Iridu jnaddfu dak li ħaddieħor għamel, u fl-istess waqt jiġu assoċjati miegħu.

Fakkruna f’Akhenaten

3.      F’dan, kien iktar ċar dak li qiegħed iseħħ quddiem l-akkużi nterni u esterni li għaddejjin.  Il-gazzetti tal-Ħadd li jagħtu appoġġ u palata lill-Gvern ippruvaw jirriflettu fuq dawn l-għaxar snin.  Fittxew dak li jaħsbu li huwa l-aħjar, imma skartaw il-fatt li kien persuna waħda li ġieb fil-poter lill-Partit Laburista.  F’xi rokna żgħira deher isem Joseph Muscat.  Kien hemm, anzi, editorjali fejn anqas ma ssemma.  Jafu bih, imma ma jistgħux ifaħħruh.  Iħajru lin-nies biex jinjoraw dak lis eħħ, u fl-istess ħin jitressaq l-argumenti li l-poplu qiegħed aħjar, kważi kważi għax seħħ li seħħ, jew minkejja li seħħ.  Ftakarna f’dak il-Fargħun li madwar 1330 sena Qabel Kristu, f’mewtu tneħħa ismu mill-postijiet pubbliċi u l-istatwi tiegħu ġew distrutti.  Sirna nafu lura bih wara eluf ta’ snin.

Fid-dell ta’ Watergate

4.      Però, hemm verità li trid tiġi konfrontata.  Għal darb’oħra l-Partit Laburista, li ddikjara tant fl-Oppożizzjoni li kien kontra kull forma ta’ korruzzjoni, illum ser jibqa’ assoċjat magħha.  Ser, anzi, jsib ruħu marbut mal-memorja ta’ wieħed mill-ikbar każijiet skandalużi li qatt kellna.  Mhux biss.  Hemm ser ikun fid-dell ta’ dan, imma iktar dak tal-bżonn tal-verità li ħeba.  Ħeba fl-intenzjonijiet tiegħu u f’azzjonithu.  Ftit jiem ilu qrajt din is-sentenza tal-ex President Amerikan Jimmy Carter: “Furthermore, many times during my campaign I had promised not to make a misleading statement.”  Fid-dawl ta’ dak li seħħ taħt il-Presidenza ta’ Richard Nixon fl-iskandlu ta’ Watergate, il-poplu ried lura politika li tgħid il-verità.  Politiċi trasparenti li ma jidħkux bl-opinjoni pubblika.  Hekk ta lura l-fiduċja lil bniedem rett u nadif bħal Carter.  Kemm għandna bżonn illum ta’ politiċi li ma jressqux “misleading statements”!

Il-poplu jibdel il-mentalità

5.      Kien kapaċi ħafna jbigħ dawn it-tip ta’ kliem, sija fl-Oppożizzjoni, kif ukoll fil-Gvern tal-Partit Laburista.  F’editorjal minnhom sibt din id-dikjarazzjoni.  Iktar milli jbiddel il-poplu, irid dak li huwa sewwa.  Jekk għandna madwar terz tal-pajjiż li ma jridx jieħu sehem fil-politika attwali, dan ġej mhux għax huwa għandu jinbidel, imma għax irid dak li dejjem ippretenda mill-Gvern.  F’kelma waħda, dak li hu sewwa.  Gvern differenti, wieħed mibdul.  F’mument, f’dan ikompli jingħad: “Nemmnu li pajjiżna għandu wkoll l-isfida quddiemu li ma jistax jibqa’ mifrud kif inhuwa.  Nemmnu li ma nistgħux nibqgħu bis-sitwazzjoni li nattakkaw personalment.  Niddibattu iva, kemm trid.  Niddibattu, imma l-argumenti mhux il-persuni.  Illum, aktar minn qatt qabel, quddiem l-isfidi li għandna hemm bżonn pajjiż magħqud.  Hemm bżonn ħidma aktar flimkien bejn Gvern u Oppożizzjoni.  Trid tispiċċa l-idea li dak kollu li tagħmel naħa hu tajjeb u dak tan-naħa l-oħra ħażin.  Naqblu ħafna, u kieku l-Gvern ta widen lil dak li tul dawn is-snin kienet qegħda tgħidlu l-Oppożizzjoni, kieku m’aħniex fejn aħna llum.

Ħassruh

6.      F’dan kollu ħareġ iktar biċ-ċar li kull Prim Ministru għandu jfittex li jkollu appoġġ, imma għandu bżonn iktar min jgħidlu li ma jaqbilx miegħu.  Id-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-amministrazzjoni Muscat setgħu ġew ikkontrollati ferm aħjar b’dan, u b’dożi ta’ umiltà.  Biss, is-saħħa elettorali li kellu, din ġibithu fil-pożizzjoni li, jiddeċiedi x’jiddeċiedi hu u dak li qiegħed jinġabar kontrih, ħadd ma seta’ jżommu.  Kien hemm min abbuża minnu.  Kien hemm min le.  Imma l-fatt jibqa’ li sforz ukoll in-nuqqas ta’ esperjenza, kien iktar faċli fil-katergorija tal-ewwel. Ftit Prim Ministri jieħdu pjaċir bil-verità li ma jirrikonoxxux, jew bl-ambaxxaturi li jwassluhom.

Il-fatt jibqa’

7.      Imma l-fatt jibqa’ li billi fl-Oppożizzjoni, il-Partit Laburista attakka u kasbar dak kollu li kien wettaq il-Gvern Nazzjonalista, illum qiegħed isib ruħu minflok hu stess fl-istess pożizzjoni.  Bid-differenza li dak li seħħ minnu sar, mentri dak li ddikjara li l-Partit Nazzjonalista għamel, fil-fatt ma sarx.  Anki jekk forsi mhuwiex iż-żmien, imma f’dan l-għaxar anniversarju għandu wkoll isir apprezzament tal-ġid li l-Partit Nazzjonalista wettaq.  Sar ħafna xogħol li fuqu l-pajjiż mexa ‘l quddiem.  Biss illum, li kellu jkun mument ta’ ċelebrazzjoni kieku l-amministrazzjoni kienet retta u attenta, sar minflok mument ta’ mistħija.  Mument li fih, wara għax snin, il-Partit Laburista jrid jieqaf iqis fejn hu u jipprova jinbidel.  Jekk le, ser ikompli jsib li l-kundanna tal-istorja ser tikber aktar.

 

No comments:

ĦADMU GĦAS-SEWWA

1. Ftit ilu fakkarna li fit-23 ta’ Lulju 1957, kważi sebgħin sena ilu, ġie nieqes l-awtur Sqalli Giuseppe Tomasi di Lampedusa (1896). ...