1. Il-ktieb awtobijografiku ta’ Peter Mandelson, The Third Man, huwa mimli b’ideat u riflessjonijiet varji. Pjaċevoli biex taqrah anki jekk ġej minn linja politika differenti. Jiddeskrivi kif saret il-ħidma biex il-Partit Laburista Ingliż seta’ jikseb lura l-Gvern. F’mument minnhom huwa jgħid hekk dwar dan il-partit, u dan wara li kien reġa’ ġarrab telfa qawwija oħra: “We could not make policy on the simple basis that everything that the Tory government did was wrong. That risked just failing to take on board policies that might be right, but could leave us opposing policies of far greater benefit to our own voters than anything we are offering.” (Ma stajniex inwettqu politika fuq il-bażi sempliċi li dak kollu li kien qiegħed jagħmel Gvern Konservattiv kien ħażin. Dak kellu u għandu s-sogru li ma taċċettax linji politiċi li jistgħu jkunu tajbin, imma wkoll li nopponu għall-politika li tista’ tkun qed twettaq aktar ġid lill-elettorat tagħna minn dak li nistgħu noffru aħna.) Proċess ta’ għarfien, u fl-istess ħin preparazzjoni lejn il-bidla.
Direzzjonijiet
2. Fil-politika hemm linja ta’ attività li numru ta’ drabi partiti politiċi ma jagħrfux jibdlu u jiddistakkaw ruħhom minnhom. Jispiċċaw jaħsbu li kollox huwa l-istess bħal qabel. Jaħsbu li dak li ħadem xi darba fil-passat ser jibqa’ jirnexxi fil-futur. Jieħdu l-linja li m’għandhomx bżonn jifhmu dak li hu għaddej u għalhekk, f’dan, kif ma’ kull appuntament elettorali x-xenarju huwa differenti. Jaħsbu li tant jafu kollox li għandhom formula maġika speċjali u mistura li tista’ tiġi mqegħda fis-seħħ f’kull okkażjoni u ċirkostanza. Imma dan mhuwiex minnu u l-esperjenzi ta’ elezzjonijiet varji fid-dinja, kif ukoll dawk fuq dawn il-gżejjer, juruk il-kontra. F’dan, għalhekk, hemm dejjem il-biża’ li wieħed jaqa’ fil-linja ta’ politika atavistika. Dik proprju li tirrepeti dak li sar qabel mingħajr ma taħseb x’qiegħed twettaq.
L-aħħar riżultat
3. F’dan huwa aktar evidenti r-riżultat elettorali li kien hemm ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerika. Il-kampanja ta’ Donald Trump kienet aħjar għax ħadet ħsieb li ma jiġux ripetuti l-istess żbalji li kienu saru qabel. Mhux biss, imma ma’ dan anqas ma saret l-istess kampanja elettorali li wieħed seta’ jippretendi. F’ħafna kienet kompletament ġdida. Wasal b’użu aħjar u ferm iktar tal-“influencers”. Magħha wkoll ħidmet Elon Musk, li ġie bil-kaxxa distinta tiegħu. Fil-kamp tal-Partit Repubblikan fehmu li jekk kien hemm possibilità ta’ rebħa, din kienet tiddependi fuq bidla. Mhux ripetizzjoni passata. Fehmu u wettquha. Veru li mhux kull persuna kienet konvinta. Biss, il-partit fehem ukoll li jrid jibda mill-bidu u daħal fi proċess twil u kkumplikat li jagħżel kandidat fil-magħrufa ‘Primaries’. Fejn Trump ġie kontestat, però ma kienx hemm alternattiva għalih. Xorta t-triq kienet mimlija sfidi xejn faċli li tegħleb. Mal-maġġoranza kellu immaġini mhux daqshekk qawwija, fid-dell tal-fatt li diversi kienu ħarġu biex jivvutaw kontra tiegħu proprju minħabba l-erba’ snin tal-presidenza li kellu.
Disfatta
4. Dan aktar u aktar sarraf proprju kemm kien diffiċli ħafna biex jiġi elett mill-ġdid. Dan għax, l-ewwel, kien jidher ferm aktar estrem wara l-attakk li seħħ fuq il-Capitol Hill; it-tieni, deher maqtugħ mill-pajjiż; u t-tielet, kien hemm l-isfond ta’ ġlied intern fil-partit li kien qawwi. F’ħafna kien ġej mill-pożizzjoni li kien mehdi jibla’ l-fwieħa tal-propaganda tiegħu stess. Jemminha meta ma kellux. Imma l-fatt huwa li Trump, fl-aħħar riżultat żamm l-elettorat li kellu. Ma żiedx fuq l-aħħar elezzjoni tal-2019, imma fin-nuqqas tad-Demokratiċi, li minflok naqqsu verament sew, ġieb il-maġġoranza. Li huwa riżultat li seħħ mhux biss minħabba l-isforzi li saru mill-kamp Repubblikan, imma ċertament ukoll aktar minħabba l-iżbalji tal-amministrazzjoni tal-President Joe Biden.
Telfa
5. F’dan ukoll, fuq in-naħa l-oħra, ċertament il-Partit Demokratiku jrid iħares lejn dak li wassal għal dan kollu. Għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar għaxar snin tilef il-maġġoranza tal-voti, dik fis-Senat u fil-Kamra tad-Deputati. Hemm raġunijiet varji, l-iktar in-nuqqast ta’ preparazzjoni ta’ kampanja elettorali ċċentrata fuq kandidat li ma baqax. Kien żball politiku li ma bediex il-proċess ta’ għażla ta’ kandidat ġdid għal Joe Biden. Kien biss tlett xhur qabel, u dan verament fl-aħħarnett li huwa għażel li jieħu pass lura. Kien żball strateġiku u f’dan kien jaqbel li jieħdu ferm qabel. Dan aktar u aktar meta l-elettorat kien qiegħed juri li kien diġà mdejjaq sena qabel bil-pożizzjoni ta’ inċertezza li fl-aħħar żviluppat fix-xenarju internazzjonali. Mis-7 ta’ Ottubru 2023, il-pożizzjoni marret għall-agħar. Ħafna qabblu dan ma’ dak li Jimmy Carter mess fil-kriżi tal-Ambaxxata Amerikana f’Teheran. Meta Carter deher inkapaċi u inċert, bil-pajjiż umiljat. Dak li proprju wassal lil Ronald Reagan jirbaħ mingħajr diffikultà fi kważi kull stat.
Ħeġġa
6. Imma hemm l-aspett personali. Ċertament kien diffiċli ħafna biex Biden u l-Partit Demokratiku jgħaddu minn dan il-proċess sħiħ. Iktar quddiem il-pożizzjoni li l-fatti kienu qed juruk x’inhuwa ġej għalik. Meta fil-fatt ma tagħtix każ tagħhom, tibqa’ twettaq dak li għamilt qabel u ma tibdilx. Hemm meta l-ħeġġa u d-determinazzjoni biex wieħed jirbaħ elezzjoni jintilfu proprju minħabba dawn l-iżbalji. Meta wara jkun ferm aktar diffiċli biex iġġib il-kunsens elettorali. Meta s-sitwazzjoni tkun nieżla aktar ’l isfel, kif kellhom. Meta jgħaddu kemm jgħaddu xhur, u jagħmel kemm jagħmel awtogoals l-avversarju tibqa’ nieżel, trid tiddeċiedi. Kien żball li baqgħu jittamaw li ċ-ċirkostanzi ser jinbidlu u jitilgħu ’l fuq, għax minflok, marru iktar ’l isfel. F’dan, għalhekk, il-Partit Demokratiku falla, u fuq din l-esperjenza qarsa ħafna jrid jitgħallem lezzjoni kbira. Jifhem li l-fatti u l-figuri tista’ taħrabhom, imma ma tistax tmerihom.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
21.11.24
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment