8.11.24

DULLUVJU U TAJN SPANJOL

1. Tul din il-ġimgħa, bi dwejjaq, segwejna t-traġedja li laqtet pajjiż Ewropew ieħor bħalna. Poplu li ninsabu viċin tiegħu fid-demm u fil-ħsieb ferm iktar milli naħsbu. Dak li Valencia għaddiet minnu għadna rridu nifhmuh. Nifhmu li xita qawwija ħalliet warajha ħafna mwiet. Waqt li qed nikteb, il-figuri jidhru telgħin b’madwar tlett mitt persuna li nafu li tilfu ħajjithom u madwar elfejn ruħ oħra li għadhom mitlufa. Ħafna nqabdu fil-karozzi tagħhom, li saru l-aħħar post li fih għexu. F’ċirkostanzi katastrofiċi, fejn bibien is-sema nfetħu fuq pajjiż li sab ruħu mhux ippreparat. Forsi ħadd ma seta’ jimmaġina li dan kien ser isir imma diversi jsostnu, ġustament, li kien hemm min seta’ jipprevedih.

Rabja

2. Min jipprova jsegwi l-gazzetti u l-medja Spanjoli jagħraf li hemm rabja nazzjonali kbira ħafna. Wara tant jiem, il-postijiet milquta għadhom ma jistgħux jieħdu r-ruħ. Diversi persuni qed jippuntaw subgħajhom lejn il-politiċi. Iktar u iktar meta nbdiet kampanja kontra Carlos Mazon (1974), President tar-Reġjun elett fi ħdan il-Partido Popular (PP) u wara Pedro Sanchez (1972), Prim Ministru tal-pajjiż minn ħdan il-Partit Soċjalista (PSOE). Akkużi varji, bi kliem iebes u vjolenti, l-iktar ukoll fid-dewmien biex wieħed seta’ jwassal l-għajnuna, l-ikel, u postijiet fejn wieħed seta’ jistkenn. Li wieħed jiġbor b’dinjità malajr lil dawk li tilfu ħajjithom. Is-sitwazzjoni hija gravi u l-pajjiż qiegħed idum biex jirreaġixxi għaliha. Jidher li tilef il-kontroll u l-preżenza.

Tajn

3. Il-postijiet intlaqtu b’xita qawwija apokalittika, iżda ċertament hemm iktar. Vetturi tkaxkru b’saħħa u veloċità li qatt ma rajna bħalha qabel. Id-djar tkissru u mtlew b’ilmijiet kbar, bi bnedmin imsakkra ġo fihom. Issa li jidher li dan għadda hemm it-tajn, u miegħu l-oġġetti li l-mument kisser u farrak. Xeni ta’ devastazzjoni kull fejn tħares. It-tajn imxarrab huwa sfida, iżda meta jibbies isir sfida oħra. Ħadd ma jista’ jlaħħaq, u l-ordni fil-post mar lura wkoll. Serq u aġir żbaljat ta’ dawk li jirkbu fuq l-isfortuna ġenerali. Imma t-tajn jibqa’ l-fattur prinċipali li dawk li għadhom ħajjin qed jaraw l-inabilità tal-Istat li jlaħħaq ineħħi u jsalva s-sitwazzjoni. F’dan tifhem proprju aktar kif u għala sija r-Re Felipe VI (1968) kif ukoll il-Prim Ministru Sanchez, meta marru flimkien fil-post sabu folla rrabjata. Folla li garatilhom it-tajn. Kienet folla aggressiva li nsulentat ukoll.

Konsegwenzi politiċi


4. F’dan ċertament, għada pitgħada ser ikun hemm prezz politiku x’jitħallas. Iktar u iktar meta fuq naħa l-poplu huwa konvint li l-awtoritajiet kienu jafu li dan id-diżastru seta’ jseħħ. Fuq l-oħra, apparti l-punt li ftit fehmu għala marru flimkien, u dan għaliex it-tnejn għandhom sehem differenti fil-liġi u l-Kostituzzjoni, hemm iktar il-fatt li r-Re u martu, minkejja li sabu poplu fferoċjat, baqgħu hemm jitkellmu u jippruvaw jifhmu iktar. Mhux ser ikun faċli li wieħed joħroġ minn din it-triq dejqa ħafna biex jistabbilixxi l-verità. Kemm persuni tilfu ħajjithom. Kemm hemm tkissir u tifrik. Kemm, wara, ser ikun diffiċli biex terġa’ tibni lura mill-ġdid. Aktar u aktar kemm ser ikun hemm l-abbiltà li wieħed jinvestiga u jistabbilixxi r-responsabbiltà daqshekk ieħor komplikatissima.

Traġedja

5. F’dan aktar qegħdin fiċ-ċentru tat-tempesta. Dak li seħħ fi Spanja seħħ f’postijiet oħra fl-Ewropa, fl-Istati Uniti u f’pajjiżi varji oħra. Konsegwenzi differenti, imma lkoll imwielda minn temp li wieħed ma jistax jipprevedi. Wieħed li ġej konsegwenza tal-fatt li d-dinja, u aħna wkoll, qed ninjoraw dak li l-ambjent tagħna qiegħed jippretendi mingħandna u li għaldaqstant qegħda trendi lura fl-estremi. Fuq naħa dulluvji, u fuq l-oħra, deżerti. Kemm għad għandu raġun Al Gore (1948) fil-ktieb tiegħu Our Choice. Infakkar li jgħid hekk: “Were we not to take bold action, the worst impacts of the climate crisis would unfold over many generations, escalating in their destructive power decade by decade. But we cannot wait for the full fury of the crisis in order to mobilize a response, because by then it would be too late to stop the process that we have set in motion.”

Proprju llum

6. Minħabba l-indifferenza varja għal din il-lezzjoni li f’dawn l-aħħar snin rajna sseħħ, ninsabu f’dinja fejn aktar bnedmin qed ibatu l-konsegwenzi. Mhux biss, imma nfakkru li l-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti tal-Amerika hija wkoll dwar dan. Hemm differenza ċara. Bejn Donald Trump, li mhux talli ma jaċċettax dak li d-dinja taqbel miegħu li ninsabu fi kriżi klimatika, talli jiddikjara li dak li qed iseħħ mhuwiex minnu. Almenu Kamala Harris, l-ambjent huwa għoli fl-aġenda tagħha. Vot naħa jew oħra ser ikollu l-konsegwenzi għalina wkoll. Iktar u iktar fl-għarfien ġenerali u speċjali li għandu jkollna li ebda pajjiż, ebda reġjun, ebda belt, ebda raħal ma huwa eżenti minn katastrofi bħal dawn.

Għalina

7. Iktar u iktar għalina, li għażilna li ma nobdux u ma nirrispettawx l-ambjent sħiħ tagħna. B’bini esaġerat. B’bini fejn qatt ma kellu jkun. Diġà qegħdin ngħixu f’irresponsabbiltà kbira. Nittama li ma nżiduhiex b’iktar tibdil fil-pjani lokali biex inkomplu nibnu “legalment”, imma mhux naturalment. Diġà, kif aħna, ħaqqna t-tfigħ tat-tajn Spanjol, aħseb u ara jekk inkomplu għaddejjin kif aħna. Għaddejjin ninjoraw in-natura u dak kollu li għandna. Id-dulluvji laqtu lil oħrajn. Daqshekk ieħor kapaċi jolqtu lilna wkoll. Kemm aħna ippreparati għal dan, wieħed jistaqsi? Kemm għandna lil min ra u eżamina sew kif nistgħu nintlaqtu aħna? Pajjiżna għandu għalxiex joqgħod attent, anke jekk nittamaw li traġedja bħal din ma tmissniex. Fl-istess ħin, ejja naħarbu t-tajn Spanjol u nkunu ppreparati għad-dulluvji li jistgħu jseħħu.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...