27.11.24

GAŻA - GĦAJNUNA UMANITARJA - FONDI

22858. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ jgħid kemm għadda fondi pajjiżna u kull xort’oħra ta’ għajnuna umanitarja lill-poplu f’Gaża kemm ilu li qam il-konflitt?

 

06/11/2024

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa marbuta ma’ bosta inizjattivi ta’ għajnuna diretta lill-poplu Palestinjan f’Gaża, ix-Xatt tal-Punent u lil hinn, minn Ottubru 2023 lil hawn, kienet tammonta ‘l fuq minn 630,000 ewro, kif qed jiġi spjegat hekk kif ġej.

Minn perspettiva ta' assistenza finanzjarja, Malta għenet b'total ta' €415,000 minn Ottubru 2023 'l hawn lil diversi għaqdiet tan-Nazzjonijiet Magħquda u tas-Salib l-Aħmar li qed joperaw f'Gaża. Dan l-ammont kien imqassam b’mod speċifiku għal UNRWA, Aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-għajnuna u x-Xogħlijiet fost ir-Refuġjati Palestinjani (€225,000), WFP Il-Programm Dinji tal-Ikel (€25,000), FAO Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (€50,000), ICRC Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (€40,000), World Central Kitchen (€50,000) u l-Għaqda tas-Salib l-Aħmar Eġizzjana (€25,000).

F’koperazzjoni mal-pubbliku, is-settur volontarju, il-Protezzjoni Ċivili, u l-Ministeru tas-Saħħa, Malta organizzat donazzjonijiet ta' mediċina, ikel u affarijiet bżonnjużi oħra, fejn inħarġet spiża ta' €2,323 biex jintbagħat kontejner. Il-mediċina provduta mit-Taqsima Ċentrali ta’ Akkwist u Provvisti tammonta għal €4,653.59.

Barra minn hekk, Malta għenet refuġjati Palestinjani fil-Libanu u fis-Sirja, b’kontribuzzjoni ta’ €175,000 fil-qasam umanitarju lejn għaqdiet tan-Nazzjonijiet Magħquda u s-settur volontarju, fosthom IFRC Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u n-nofs Qamar l-Aħmar, UNHCR Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati, WFP Il-Programm Dinji tal-ikel, OCHA Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji u YMCA L-Għaqda Nisranija tal-Irġiel Żgħażagħ.

Fl-istess waqt, minkejja s-sitwazzjoni ħażina f’Gaża, iddeċidejna li nkomplu noffru għadd ta’ boroż ta’ studju kif nagħmlu kull sena fil-grad ta' Masters, b'għanijiet li jinkludu reżoluzzjoni tal-kunflitti u s-sigurtà fil-Mediterran, għajnuna umanitarja (€54,300), u fid-diplomazija (€30,000). Għas-sena akkademika 2024/2025, dawn jammontaw għal total ta' €84,300. Dawn il-boroż ta’ studju qegħdin jiġu ipprovduti mill- Università ta’ Malta u iffinanzjati mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l- Kummerċ.

Seduta  284

25/11/2024

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...