14.11.24

ĦITAN TA' APPOĠĠ

1. Ftit jiem ilu, dawk li semgħu l-aħbarijiet ġew imfakkra b’dak li seħħ ħamsa u tletin sena ilu. Ġiebu lura quddiemhom, għal dawk li kienu ġarrbuhom, dawk il-jiem li bdew mid-9 ta’ Novembru 1989. Kif f’daqqa waħda, dak li kien jidher tant sod, beda jitmermer f’daqqa quddiemna. Ir-renji, il-poteri politiċi filli jkunu jidhru invinċibbli u filli jikkrollaw quddiemna. Ħadd ma kien jaħseb li dan kien ser iseħħ, għalkemm diversi kellhom dejjem it-tama. Forsi ftit aktar, ċertament ħadd ma basar li dak kien il-mument, wisq inqas li dik kellha tkun it-triq. Dik li twassal, l-ewwel għall-waqgħa ta’ dak li beda jinbena fit-13 ta’ Awissu 1961, il-Ħajt ta’ Berlin, u li fired il-belt fi tnejn. Wara, it-tmiem tal-imperu li kien inbena mill-Unjoni Sovjetika wara r-Rivoluzzjoni.

Straħna

2. Waqt li ċertament ħafna ma ħasbux li ser iseħħ, ladarba twaqqa’ min-nies u l-fruntieri li qabel kienu miżmuma b’saħħa spiċċaw, kienu diversi li straħu. Kien hemm mewġa kbira ta’ arja ta’ libertà. Dik umana. Dik li tippermetti lill-bnedmin jgħixu u jilliberaw ruħhom mill-ħakma Sovjetika. Dik li welldet it-tama li issa stajna ngħixu fil-paċi, ’il bgħid mill-biża’ ta’ gwerra nukleari bejn iż-żewġ potenzi li kellna. Bieb għal futur isbaħ u ħarsa lejn dak li d-dinja issa setgħet tmur fih mhux ixekkla. Forsi f’dan, diversi skoprew realtajiet differenti. Iktar minn hekk kien hemm ukoll min, fil-vantaġġi politiċi tas-sitwazzjoni, mexa u wettaq dak li ma kellux. Biss, f’ħafna, ma konniex ippreparati għaliha.

Riżentimenti

3. F’dan, iktar twieldu riżentimenti, speċjalment fil-mod ta’ kif popli ġew trattati u sfruttati ekonomikament. Kien hemm prezz għal-libertà, imma kien għoli ferm aktar milli dawk li kienu maħkuma setgħu jaħsbu. Is-snin ta’ wara l-liberazzjoni kienu iebsa ħafna, u s-soċjetà nqasmet iktar. Dawk li ġew mid-dinja demokratika damu biex fehmu x’kellhom jagħmlu, u wħud ħasbu li setgħu jumiljaw lil min ma kellhomx. Twieldet żerriegħa li minnha kibru kumplikazzjonijiet oħra. F’dan, ċertament illum qed naraw il-konsegwenzi ta’ dawn l-iżbalji politiċi. Forsi ma flaħniex ngħinu kemm kellna sabiex ikun hemm tisħiħ ekonomiku f’dawk l-Istati. Forsi wkoll ma kienx proprju l-istaġun. Forsi iktar, kien hemm attenzjoni akbar lura lejn l-unifikazzjoni tal-Ġermanja.

Konsegwenzi

4. F’dan illum qed inbatu l-effetti ta’ dawk is-sentimenti ta’ riżentiment. Min b’xi mod ħassu umiljat, aktar tard sab iż-żmien biex jillivella l-pożizzjoni. Dawn il-ħamsa u tletin sena jimmeritaw attenzjoni u studju storiku, iktar fl-aspetti soċjali u ekonomiċi. L-Oċċident Ewropew u Amerikan f’daqqa ma rawx, u ma tawx każ, ta’ dak li kien ġej. Ikkonċentraw fuq ċerti partijiet tal-istrateġija ġeo-politika. L-iktar f’dan kienet l-Unjoni Ewropea, li rat kif tipprova tibni Stati fi ħdanha bħala forma ta’ ħlas lura lejn dawk li batew f’ħamsin sena, mill-1939 sal-1989. Dak li l-kefrija Nażista u Komunista taw. Imma l-fruntieri politiċi ġew mibdula mill-ġdid u baqa’ wkoll naħa kontra l-oħra.

Fil-Ġermanja

5. Forsi f’dawn is-snin, nistgħu ċertament naċċettaw li l-għaqda lura tal-Ġermanja kienet pass politiku determinanti. Wieħed li ġieb ħafna sodisfazzjon, minkejja li fl-Ewropa ta’ dak iż-żmien kien hemm min ma kienx proprju qiegħed jifraħ. Kien bid-determinazzjoni u l-kuraġġ tal-Kanċillier ta’ dak iż-żmien Helmut Kohl (1930-2017) li sar dan. Forsi f’dan inkisru ftehim, l-iktar f’dak li jolqot id-dħul ta’ Stati fin-NATO, li kien hemm fil-proċess tad-diżintegrazzjoni Sovjetika. Imma l-fatt jibqa’ li kontra kull oppożizzjoni, seħħ. Mhux biss, imma s-saħħa fl-Unjoni Ewropea tal-pajjiżi żdied sew. Anki f’dan, għalhekk, fl-istess Unjoni ċ-ċentru nbidel, bil-konsegwenza iktar ċara politikament li fejn il-Ġermanja tmur, hemm l-Unjoni ssegwi.

Fil-preżent

6. Huwa minnu li wieħed illum irid jaħseb mill-ġdid fejn qegħdin u fejn sejrin. Fl-Unjoni Ewropea, bil-Ġermanja li għaddejja minn forma ta’ kriżi politika. B’Olaf Scholz (1958), il-Kanċillier preżenti jagħraf li l-koalizzjoni li kien qiegħed imexxi ġiet fix-xejn u għaldaqstant l-elezzjonijiet ġenerali mhumiex fil-bogħod. Min ser jiġi elett u min ser ikollu f’dan, dejjem jekk ikollu, maġġoranza stabbli huwa iktar importanti. Aktar proprju fil-fatt li Donald Trump, ta’ 78 sena, ġie ri-elett President tal-Istati Uniti tal-Amerika. Dan għax għalkemm fil-mument diversi jinsabu mitlufa jispjegaw x’ġara fir-rebħa elettorali tiegħu, wara, minn Jannar 2025 hemm il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tiegħu. Hemm bnedmin li jinbidlu frott l-esperjenza politika, imma meta tqis dak li ilu jiddikjara f’dawn l-aħħar erba’ snin u dak li wettaq qabel, ma tantx hemm wisq aħbarijiet tajba għall-Ewropa. Il-memorja tal-Ħajt ta’ Berlin, għat-tmexxija tiegħu ma naħsibx li ser tkun għolja ħafna.

Min jista’ jaħseb

7. Hemm min qiegħed jikteb fil-ġurnali ekonomiċi Ewropej li dan ser ikun mument li jibdel u jissoda lill-Unjoni, għax ser titneħħa l-ħela u jista’ jimxi biss min huwa b’saħħtu. Hemm min jista’ jimmaġina li biż-żidiet fit-tariffi fuq il-kummerċ liberu jew fuq in-nuqqas t’appoġġ militari lill-istess Ewropa u lill-Ukrajna ta’ Vladimir Zelensky ser naraw xi forma ta’ tkabbir. Naħseb li teoriji mod jistgħu jidhru sbieħ, imma l-prattika hi ħaġa oħra. F’dan iż-żmien ma nkunux wisq ’il bogħod milli nifhmu li l-piżijiet fuq il-popli Ewropej ser jiżdiedu. Wisq inqas milli nagħrfu li t-tentazzjonijiet lejn iktar tmexxija awtoritarja milli demokratika jikbru.

Nagħrfu

8. Biss f’dan, ċertament, dawn huma iktar bidliet fir-rabtiet li qabel żammew l-Oċċident għaddej. Hemm, f’dan, l-għarfien ċar li kien iktar faċli li nirċievu l-għajnuna u s-sostenn waqt l-eżistenza tal-Ħajt ta’ Berlin. F’dawn il-ħamsa u tletin sena nistgħu biss nirreġistraw li l-burdata nbidlet; l-opinjonijiet inqalbu ta’ taħt fuq. F’mumenti ngħid u nistaqsi x’jaħsbu minn hemm fuq, proprju jekk humiex japprovaw il-Papa, illum San Ġwanni Pawlu II u Ronald Reagan, il-President Repubblikan, li taħthom seħħet il-waqgħa tal-Ħajt. Ma naħsibx, imma dak kien żmien ieħor, li llum m’għadux. F’dan għandna naċċettaw li dak li qabel kien Ħajt ta’ Appoġġ sod u li tista’ tiddependi fuqu, illum mhuwiex aktar hekk.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...