27.11.24

FID-DRITT JEW BLA DRITT

1. It-Tieni Gwerra Dinjija kienet immarkata b’atroċitajiet li wiċċ id-dinja qatt ma kien ra bħalhom. Dak li twettaq sija fil-Ġermanja kif ukoll fil-Ġappun kien tant ikrah fid-diżumanità li seħħ biha li għalih kien hemm bżonn ta’ tweġiba. Waħda ċivilizzata, waħda razzjonali, waħda li biha tirbaħ il-liġi u mhux il-ħruxija użata. Proprju fuq dan kważi tmenin sena ilu, ftit xhur wara t-tmiem tal-gwerra, fl-Ewropa nbeda proċess. Wieħed li għażel li dawk li kienu responsabbli għall-aġir żbaljat li seħħ ma jinqatlux bħalma qatlu huma lil bnedmin oħra, imma li dawn jgħaddu ġuri. Dak li beda fl-20 ta’ Novembru 1945 f’Nurimberga, u li jibqa’ dikjarazzjoni ċara li l-bnedmin jistgħu jaġixxu kif iridu, imma wara hemm il-konsegwenzi legali li jridu jaffaċċjaw.

Kienu ħasbu

2. Illum, f’dak li qiegħed jiġri madwarna għandna d-dmir li nirriflettu. Fi tlett kategoriji ta’ bnedmin, f’dak li setgħu ħasbu. L-ewwel: dawk li kienu mmexxija mill-ideoloġiji żbaljati li n-Nażiżmu kien bena u li l-Imperu Ġappuniż ikkoltiva. Bnedmin li kienu ħasbu li xejn ma jista’ għalihom u setgħu jmorru kontra s-sewwa għas “ġustifikati” mill-għanijiet li riedu jwettqu.It-tieni: dawk id-diversi bnedmin li kienu vittmi ta’ dak li kien qiegħed isir fuqhom inġustament. Fuq quddiem, imma mhux biss, dawk li kienu Lhud. Dawk li għal ebda raġuni ta’ xejn ittieħdu fil-kampijiet tal-konċentrament. Dawk li ma setgħux jifhmu dak li kienu għaddejjin minnu, imma li setgħu ħasbu li kien hemm liġi u id tal-ġustizzja. It-tielet: dawk li wara li spiċċa l-ġlied u fehmu x’verament seħħ, iddeċidew li jagħtu lezzjoni. Li jistabbilixxu li d-demokraziji huma differenti mid-dittatorjati u f’dan superjuri għax tirrenja fihom is-saltna tal-liġi.

Kienu jemmnu

2. Il-ġuristi ta’ wara l-gwerra kienu konvinti minn dan il-proċess determinanti li seħħ f’Nurimberga u wara f’Tokyo. Antonio Cassese (1937-2011), wieħed minn fost dawk l-iktar ġuristi kkunsidrati u stmati, kien qal hekk: “Entrambe espressero il desiderio di punire coloro che si erano resi colpevoli di atrocità e, allo stesso tempo, di prevenire il ripetersi di simili azioni nel futuro, stabilendo parametri di comportamento da rispettare anche in tempo di pace.” (It-tnejn esprimew ix-xewqa li jikkastigaw lil dawk li rrendew ruħhom ħatja ta’ atroċitajiet u, fl-istess ħin, li wieħed jipprevjeni sabiex ma jirrepetux ruħhom fil-futur azzjonijiet simili, billi wieħed jistabbilixxi parametri ta’ mġieba li jridu jiġu rispettati anki fi żminijiet ta’ paċi.) Dak kien il-pass li ried jiddetermina l-bidla għall-ġenerazzjonijiet post-1945 biex ma jkunx hemm aktar atti kontra l-umanità. Sabiex id-dinjità tal-persuna tiġi rispettata fil-paċi u mhux.

Passi fid-Dritt

4. Id-dinja bilfors kienet aħjar, jew almenu kienet determinata li ma tkunx agħar. Għax wara rajna numru ta’ passi fil-liġi li bihom bnejna strutturi u istituzzjonijiet li ma kinux jeżistu qabel. Dawn bl-iskop preċiż li jiddefendu lill-bniedem. Li jiddikjaraw li huwa tant importanti li kull Stat, kull mexxej kien irid jirrispettalu drittijietu. Mhux biss rispett morali, imma iktar, legali. F’din id-direzzjoni d-dinja mxiet sabiex l-ewwel, fl-10 ta’ Diċembru 1948, kellna d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ġnus Magħquda. Wara, mill-1950, kellna l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Umani, li fuq it-territorju Ewropew tal-pajjiżi li daħlu membri tagħha ġiet stabbilita Qorti fuq l-Istati kollha sabiex tiddefendi ’l-bniedem kontra aġir żbaljat tal-Istati. Ċertament passi fid-dritt, imma aktar minn hekk, passi kbar fiċ-ċiviltà.

Wara 70 sena

5. L-istess Cassese jgħid li dawn kienu lkoll passi fid-direzzjoni li jilħqu għan importanti: “... per conseguire un minimo di precetti comuni, in virtù dei quali possa essere assicurato almeno il rispetto dei fondamenti essenziali della dignità umana, dovunque nel mondo.” (Biex jintlaħqu minimu ta’ preċetti komuni, li permezz tagħhom ikun almenu jkun assigurat ir-rispett tal-pedamenti essenzjali tad-dinjità umana, f’kull parti tad-dinja.) F’dan però, ġuristi varji huma wkoll fehmu li dawn il-passi legali ma kinux biżżejjed, imma riedu iktar. Passi oħra biex tikber iċ-ċertezza tad-Dritt, u magħha, id-Demokrazija.

Qorti ogħla

6. F’din id-direzzjoni fl-1989, ġewwa Ruma, permezz ta’ trattat ġiet stabbilita l-Qorti Kriminali Internazzjonali. Fortunatament, pajjiżna huwa parti minnha u dan mhux biss bħala firmatarju, imma wkoll permezz tal-Kapitolu 453 tal-Liġijiet ta’ pajjiżna, li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2003, wieħed u għoxrin sena ilu, proprju f’Jum ir-Repubblika. Fih ġiet stabbilita Qorti Internazzjonali li tiġġudika reati kontra l-umanità. Reati gravi ħafna mibnija fuq dak li seħħ. Diversi dittaturi sabu ruħhom akkużati u kkundannati. Proprju fl-istess linja li l-proċessi f’Nurimberga u Tokyo kienu ħadu. Fejn issa xejn ma għandu, jew jista’ jiġġustifika aġir simili.

Proċeduri dettaljati

7. Hemm pajjiżi, anki Stati demokratiċi, li mhumiex firmatarji. Għar-raġunijiet tagħhom għażlu dan, fosthom l-Istat ta’ Iżrael, mentri dak tal-Palestina huwa. F’wieħed u għoxrin sena li fihom aħna parti, nistgħu ngħidu li nġabret esperjenza legali kbira fl-investigazzjoni, proċeduri u ġudizzji. Di fatti, l-proċedura legali hija ferm iktar dettaljata u attenta. Persuni ma jitressqux b’akkużi taħt arrest bħalna imma llum, il-prosekutur Karim A. A. Khan (1970), li huwa avukat Ingliż, fl-20 ta’ Mejju ta’ din is-sena ressaq tlett talbiet: waħda kontra l-Kap tal-Ħamas, Mohammed Diab Ibrahim Al-Masri (Deif), l-oħra kontra Benjamin Netanyahu (1950), Prim Ministru ta’ Iżrael u Yoav Gallant (1958), li kien il-Ministru tad-Difiża quddiem il-Qorti. Dan b’akkużi varji kontra tagħhom, bil-gravità sħiħa tad-Delitt kontra l-Umanità u dawk ta’ Delitt tal-Gwerra. Wara xhur ta’ dibattitu legali u proċeduri, ftit jiem ilu, proprju fil-21 ta’ Novembru, ġie deċiż li dawn it-talbiet jiġu milqugħa.

M’għandniex immorru lura

8. Sa issa hemm għalhekk talba sabiex jinbdew il-proċeduri li ġiet milqugħa. Stat jista’ f’dan issa jżomm il-proċeduri quddiem din il-Qorti billi jiddikjara li huwa huwa stess li qiegħed jinvestiga jew li nvestiga diġà, kif ukoll li beda jew ikkonkluda hu qabel proċess legali. Iżrael kien u jibqa’ Stat demokratiku li kapaċi jagħraf il-futur tiegħu. Biss din hija ċertament sfida diffiċli aktar u aktar b’Benjamin Netanyahu li fit-2 ta’ Diċembru huwa mistenni wkoll li jixhed fil-proċess ta’ atti ta’ korruzzjoni li huwa ġie akkużat bihom. Dan kollu huwa parti minn proċess legali u neċessarju. Wieħed li jrid isir b’reqqa kbira, iktar u iktar meta qed imiss ma’ dawk li huma fil-poter.

Proċedura

9. Hu min hu, min iwettaq dawn id-delitti għandu jiġi pproċessat, dejjem jekk wettaqhom. Hija dikjarazzjoni ta’ ċiviltà li ma nippermettux li min, dejjem jekk ikun wettaqhom, jaħrab b’impunità. Imma f’dan irid jiġi aċċettat li dak li sar sa issa minn dik il-Qorti la huwa illegali u anqas diskriminatorju. Jista’ jiġi kontestat u difiż skont l-Istatut. Biss, huwa żbaljat li Stati demokratiċi, b’xi mod, jibgħatu l-messaġġ li jistgħu jiġu permessi atti kriminali gravi bħal dawn mingħajr ma jiġu nvestigati u pproċessati. Ħadd m’għandu jieħu l-arloġġ lura qabel l-1945. Għax hemm, flok inkunu fid-Dritt immorru biex inkunu lura kif konna, bla Dritt.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...