1. Għandna f’dawn il-jiem nistaqsu x’wassalna biex niġu fejn aħna? Nistaqsu kif il-Gvern jidher li tilef aktar kompletament il-boxxla politika tiegħu. Dik li tassigura li l-pajjiż jitmexxa kif għandu jkun. Dak li fil-fatt kull ċittadin jippretendi li jkollu. Jippretendi minn dawk li jmexxuh li għandhom jagħrfu dak li huwa sewwa minn dak li mhuwiex. Jagħrfu kif għandhom iġpibu ruħhom u dak li m’għandhomx iwettqu. Hemm regoli ċari u fundamentali li f’kull politiku għandhom ikunu ħajja ġewwa fih. Hemm ukoll diversi oħrajn, aktar dettaljati, li jinkitbu bħala gwida u direzzjoni li wieħed hu mistenni li jsegwi f’numru ta’ sitwazzjonijiet li d-dinja aktar avvanzata tippreżenta. Imma f’dan, ċertament, indipendentement mill-proposti li politiku jista’ jiġi bihom, hemm bażi minimu li wieħed jistenna l-iktar fl-importanza li ma tħallatx.
Personali
2. L-iktar f’ideat ispirati wkoll minn dik l-imġieba politika Svediża: dak li huwa tal-Istat għandu jiġi rispettat u ma jitħallatx. Il-politiku jrid ikun l-aħħar fost dawk fis-soċjetà, Jistenna bħall-oħrajn u wara l-oħrajn, u mhux jaqbeż is-serbut. Wisq aktar il-lezzjoni li int li tinsab viċin il-poter u l-finanzi tiegħu ma tistax tmisshom biex tieħu vantaġġ int jew dawk l-iktar madwarek. Fil-verità, tant dan huwa importanti u din l-imġieba mistennija mill-poplu tagħna, li anki jekk politiku, ministru għandu “dritt” ċar u leġittimu għal xi ħaġa, xorta jkun dejjem aħjar li jagħżel li joqgħod pass lura. Il-personali tibqa’ dik li trid tiġi sagrifikata f’isem il-pubbliku li inti, bħala politiku, tirrappreżenta. F’dan forsi aktar ukoll irridu nifhmu li hemm bżonn kultura politika ffurmata biex tagħżel timxi tajjeb f’dak li l-ħajja tagħti. Dejjem iktar tifred il-personali minn dak li huwa tal-pubbliku.
Esperjenza
3. L-esperjenza politika turi li kull partit irid, f’xi mument, jieħu r-responsabbiltà ta’ dawk li għandu miegħu. Id-deċiżjonijiet f’dan, illum jew għada, wieħed jistenna li inevitabbilment għandu jagħti rendikont tagħhom. Hemm punt kruċjali ta’ trasparenza li f’demokrazija moderna huwa inevitabbli. Ma tistax taħrab minnu. Forsi tittardja, imma llum jew għada hemm dak l-appuntament inevitabbli. Dan dirett f’min ma jkollux esperjenza hu jew inkella ma jiġix iggwidat sewwa. Fil-fatt nagħrfu li jispiċċa jdaħħal ruħu fl-isqaq li ma joħroġx minnu. Dak li flok jagħraf li ma għandux jieħu, jispiċċa fil-fatt jaqa’ fih. Il-politika vera, awtentika, tgħallmek li l-iżbalji, illum jew għada ser joħorġu barra. Jew toħroġhom int, inkella joħorġuhomlok.
Tnejn
4. F’dan hemm iktar responsabbiltà politika meta tikkunsidra ċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ. Għax huwa magħruf li Ministru jista’, fin-nuqqas ta’ attenzjoni jew fl-attenzjoni żejda, jagħti preferenza lil min m’għandux. Dak fih il-piż tiegħu. Imma meta jkollok tnejn li “jgħinu” lil xulxin, allura hemm piż politiku akbar. Mhux biss, imma meta f’dik il-linja jsir il-“pjaċir” li qed jgħin sabiex min m’għandux jitħallas minn fondi pubbliċi, il-pożizzjoni ssir waħda aktar serja. Turi nuqqasijiet li ma jagħmlux ġieħ, u la lilhom stess u wisq inqas lill-Gvern li jirrappreżentaw. Iktar u iktar meta l-poplu jagħmel distinzjoni ċara bejn il-politiku u l-persuna li l-aktar għandu qrib tiegħu. Il-poplu jivvota għall-politiku, u mhux għal min huwa viċin tiegħu. Ir-responsabbiltà hija tiegħu, u fuqu.
Tibni rabja
5. Mhux fuq min wettaq biss, imma aktar fuq min hu mistenni li jiċċensura u li jieħu l-passi neċessarji fil-konfront ta’ min wettaq li wettaq. Meta jkun hemm toroq oħra li jittieħdu, l-iktar dawk li tipprova tgħid li kollox huwa sew għal intalbet skuża, il-kwistjoni tikkomplika ruħha aktar. Mhux faċli tiddixiplina lil min għandek madwarek. U taf ukoll li anke jekk twettaq dak li għandek, xorta se jkun hemm min jeħodha kontra tiegħek. Imma hemm dejjem il-konfort li dmirek wettaqtu. F’dan proprju fil-linja li ħa l-Gvern li hemm, kif ingħad tant tajjeb minn Evarist Bartolo, il-proċess ta’ rabja li tinbena fil-kwiet tad-djar tal-poplu. Dawk li josservaw dak li jkun għaddej u jiddeċiedu. Dawk li jistgħu jagħżlu, fil-kundanna tagħhom, li ma jkomplux jappoġġjaw lill-Gvern. Dawk li jistgħu jastjenu, inkella li jibdlu l-preferenza tagħhom.
M’għandniex
6. F’dan kollu però huwa iktar ċar li dak li huwa sempliċi rnexxielna nikkumplikawh. Il-linja li hija dritta tgħawwġet b’mod u manjiera li l-fiduċja fit-tmexxija politika qegħda tonqos sew. Il-Gvern qiegħed fi kriżi permanenti li ma jistax isib lil min joħorġu mid-deżert li daħal fih. Iktar u iktar fid-dawl li din kienet sena li tulha, xahar wara xahar, għaddejna minn lista ta’ nuqqasijiet gravi. F’dan, għalhekk, huwa leġittimu li wieħed jimmarka li f’dawn it-tnax-il sena skorruti, il-pajjiż ma tantx mar ’il quddiem fil-kwalità tat-tmexxija politika. Dan huwa magħruf u aċċettat minn ħafna. Proprju aktar f’dan, il-pożizzjoni politika timmerita li tinbidel sew, għax pajjiżna jixraqlu ferm u ferm aħjar.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment