22859. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ jgħid kemm għadda fondi pajjiżna u kull xort’oħra ta’ għajnuna umanitarja lill-poplu fl-Ukraina kemm ilu li qam il-konflitt?
06/11/2024
ONOR. IAN
BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara l-invażjoni tar-Russja
fl-Ukrajna, Malta rreaġixxiet mill-ewwel billi offriet konsenja ta' mediċini u
tagħmir mediku li jiswa €1.4 miljun, li waslet fl-Ukrajna fit-22 ta’ Marzu
2022.
Permezz ta’ fondi umanitarji
u ta’ żvilupp, Malta għamlet kontribuzzjonijiet sinifikanti lejn
organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Maqgħuda li qed jipprovdu assistenza
umanitarja fl-Ukrajna. Lejn it-tmiem tal-2022, Malta xtrat żewġ ġeneraturi li
jiswew €52,000 sabiex tappoġġja l-Proġett ta’ Winterization fl-Ukrajna. Barra
minn hekk, Malta wieġbet għal diversi appelli umanitarji minn
organizzazzjonijiet internazzjonali prestiġġjużi, fosthom aġenziji
tan-Nazzjonijiet Maqghuda, biex tgħin lill-Ukrajna u pajjiżi milquta oħra,
partikolarment fir-reġjuni ġirien li laqgħu influssi ta’ refuġjati Ukreni ġewwa
pajjiżhom.
Bejn Frar u Lulju tas-sena
2023, wara sforz kollaborattiv bejn dawk li kienu, Ministeri responsabbli
għas-Saħħa, għall-Intern, għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, u d-Dipartiment
tal-Protezzjoni Ċivili, Malta bagħtet 20 ġeneratur tal-elettriku addizzjonali u
ammont sostanzjali ta’ tagħmir mediku lejn l-Ukrajna. Bejn April u Ottubru tal-istess sena, intefqu
‘l fuq minn €196,000 bħalha appoġġ għall-inizjattivi umanitarji ta’ tneħħija
tal-mini, li huma kruċjali għall-ħidmiet ta’ rikostruzzjoni. L-għajnuna għadha
sejra mill-ewwel ġurnata tal-invażjoni.
Riċentement, f’Ottubru Malta
ffirmat ftehim ma’ Project Hope, wara li identifikat klinika fil-Kyiv Oblast li
teħtieġ rinnovar immedjat. Project HOPE hija organizzazzjoni globali tas-saħħa
u umanitarja b’aktar minn 65 sena esperjenza fit-titjib tas-saħħa u l-benesseri
tal-komunitajiet madwar id-dinja. Se nkunu qed ninvestu €75,000 din
is-sena. Dan l-impenn juri wkoll appoġġ
konkret wara żjara li għamilt fl-Ukrajna aktar kmieni din is-sena, fejn żort
waħda mill-iskejjel mibnija mill-ġdid tagħhom.
S’issa b’kollox, Malta
kkontribwixxiet €613,814 f’għajnuna finanzjarja umanitarja u €1,905,547 oħra
f’għajnuna in-kind, inkluż provvisti mediċi, tagħmir tal-enerġija, u ditekters
tal-mini. Dawn il-kontribuzzjonijiet huma immirati sabiex itaffu t-tbatijiet
tal-popolazzjoni Ukrena. Malta bi ħsiebha tkompli tindirizza l-konsegwenzi
tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna kemm b’mod bilaterali kif ukoll permezz ta’
inizjattivi multilaterali.
Rigward għajnuna li għamilna
ġewwa Malta li nista’ nsemmi huma dawn:
Malta pprovdiet ukoll kura medika lil 325 ċittadin Ukren li jinsabu
f’Malta. Il-valur tal-kura medika li rċevew jammonta għal €86,310.95.
Permezz tal-Awtorità ta’
Malta għall-Edukazzjoni Ogħla u Aktar Avvanzata, Malta neħħiet €1,970 f’miżati
tal-MQRIC għal 34 applikant Ukren. Is-Servizzi Nazzjonali ta’ Appoġġ
għall-Iskejjel ipprovdew ukoll għajnuna b’materjal edukattiv lil 214 -il
student Ukren, biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fl-iskejjel Maltin.
Din l-għajnuna kienet tikkonsisti f’uniformijiet, ikel, fotokopji, kartolerija
u aċċess għal attivitajiet edukattivi u rikreattivi wara l-iskola. Għas-sena skolastika 2022/2023 din l-għajnuna
kienet tammonta għal €179,042. Barra
minn hekk, iċ-ċittadini Ukreni li għandhom status ta’ Protezzjoni Temporanja
huma eżentati minn miżati internazzjonali meta jkunu rreġistrati studenti
barranin f’Istituzzjonijiet Edukattivi tal-Istat, biex b’hekk jiġi żgurat
l-aċċess għall-edukazzjoni mingħajr piżijiet finanzjarji.
Seduta 284
25/11/2024
No comments:
Post a Comment