Showing posts with label Vladimir Putin. Show all posts
Showing posts with label Vladimir Putin. Show all posts

28.4.26

KIEN ILU JWISSINA

1. Konna nisimgħuh u ma konniex nagħtu biżżejjed piż għal dak li kien qiegħed jgħidilna. Smajnih imma ma ħadniex ħsieb nagħtuh ir-raġun. Anzi, kif jiġri, diversi drabi ġie njorat għax dak li kien qiegħed jgħidilna ma kienx idoqq għal widnejna. F’ħafna kien vuċi fid-deżert politiku u mondjali. Anki dawk stess li kellhom id-dmir li jsegwuh, huma wkoll għażlu li jibqgħu pass lura. Biss, illum wara sena mill-mewt tiegħu, wieħed irid iħares lura mill-ġdid u jifhem kemm huwa kellu raġun. Mhux minnu naqas. Semma leħnu mal-irjiħat u mal-irkejjen kollha tad-dinja.

Għaddiet sena

2. Fil-21 ta’ April tas-sena li għaddiet ġie nieqes il-Papa Franġisku. Ta’ tmienja u tmenin sena ġie msejjaħ lura lejn il-Ħallieq tagħna lkoll. Wara ħajja ta’ ħidma favur il-bniedem, favur dawk li huma l-inqas fis-soċjetà. Wieħed li fil-kariga kkarga ferm iktar il-vuċi tiegħu. Altru tkun Isqof, altru Kardinal u altru Papa. Bergoglio ħa ħsieb jitkellem u jwassal il-messaġġ tiegħu fuq kull livell. Dak spiritwali, dak pastorali u dak politiku. B’kull mezz possibbli. Kull forma ta’ komunikazzjoni li hemm fid-dinja sabiex il-vuċi tas-sewwa tasal fejn għandha tasal.

Enċikliċi

3. Infakkar fid-diversi enċikliċi li ħa ħsieb li jiġu ppubblikati. Huma f’idejna. Uħud qrajnihom, oħrajn le, imma l-verità hija li għadhom rilevanti sal-lum. Jixraq li jinqraw mill-ġdid proprju għax huma mimlija b’għerf u sustanza. Il-Papa Ljun XIV deher li fehem aktar dan u diġà qiegħed jitlob li fil-Konċistorju li ġej, il-Kardinali jiflu sew l-enċiklika Evangelium Gaudium. Dan sabiex jiġu segwiti l-linji pastorali li huwa indika għalina. Messaġġi ċari, sija fir-rilevanza, kif ukoll li dawn mhumiex parti mill-passat remot, imma mill-preżent attwali. F’dan nibqgħu nifhmu li Franġisku għadu magħna u kliemu huwa ta’ gwida li jesiġu mingħandna li naqrawhom sew. Fortunatament il-Knisja għad għandha l-għerf li ma tagħmilx dak l-iżball li tiskarta u tinsa, imma tagħti piż u rilevanza.

Fid-dinja politika

4. Il-Papa Franġisku kien vuċi qawwija favur il-paċi fid-dinja. Waħda li tħares fl-istorja u tiddikjara li ma hemmx ġid mill-gwerer. F’dinja li flok qed insolvu l-kunflitti, qed nieħdu ħsieb li nkattruhom. Dawk li l-aktar jippontifikaw favur kemm iġibu t-tmiem, huma dawk li bħalissa qegħdin iżiduhom. Ninsabu f’xenarju internazzjonali fejn kull skuża hija tajba sabiex jintużaw l-armamenti. Dawk ta’ kull tip. Li ma tantx jiswew, bħal dawk li l-Ukrajna tuża, jew dawk l-iktar li jiswew, bħal dawk li qed tibgħat l-Istati Uniti. Hemm min jiddefendi u hemm min qiegħed jattakka sew. Hemm min jiddikjara li ser isolvi u hemm min iktar jikkumplika. Il-verità hija li dħalna f’dinja fejn ma hemmx kap jew kuda. Diversi jafu b’dan. Ħafna inkwetati, oħrajn jistennew il-mument opportun biex jintervjenu. Xenarju mill-iktar ikrah, u fil-preżent, kważi permanenti. Ħadd ma jista’ jsib tarf ta’ dak li ninsabu fih.

It-Tielet Gwerra Mondjali

5. Papa Franġisku kien iddikjara diversi drabi li d-dinja qabdet it-triq għat-Tielet Gwerra Mondjali. Qabel ħafna, jien inkluż, forsi rajnih qiegħed jesaġera. Illum però l-pożizzjoni hija differenti ferm. Bi Presidenti bħal Donald Trump fuq naħa, u Vladimir Putin fuq in-naħa l-oħra jew flimkien miegħu, ma hemmx wisq possibilità li l-affarijiet jinbidlu. Meta taġixxi militarment huwa dejjem perikoluż. Ferm u ferm iktar meta tidħol fil-kunflitt mingħajr ma tifhem il-kuntest u l-konsegwenzi tal-aġir sħiħ tiegħek. Tidħol mingħalik li ser issolvi, u minflok, tikkumplika l-affarijiet inti stess. Nibqa’ skantat kemm il-bnedmin idumu biex jifhmu li d-diskors vojt hekk jibqa’: diskors vojt. Iktar minn hekk, dak tar-raġuni u bis-sens, flok imexxuh u jiddependu minnu, jiskartawh.

Ninsabu wieqfa

6. Bħalissa, u iktar minn qatt qabel, ninsabu wieqfa f’xenarju fejn il-gwerra fl-Iran ma tista’ tissolva b’xejn. Ikun aħjar jekk jieqfu l-messaġġi fuq il-medja soċjali u jingħata spazju lid-diplomazija. Xi żball kbir għandna ftit jistgħu jagħrfu. Dikjarazzjoni li ser tinqered ċiviltà ma tagħmel xejn salv li tiftaħ il-bieb sabiex jitħajru oħrajn li jsegwu. Ħadd m’għandu jilludi ruħu. Is-soluzzjonijiet ser jonqsu u l-kumplikazzjonijiet ser jiżdiedu sew. Iktar u iktar meta l-prezzijiet taż-żejt u tal-gass qed jitilgħu u ser jibqgħu jitilgħu. Hija d-daqqa vera li l-poplu Amerikan diġà qiegħed iħoss, u dan, il-Gvern tal-Iran jafu. Huma diġà batew, u m’għandhom l-ebda diffikultà li jgħaddu lill-oħrajn mill-istess tbatija. Proprju għalhekk li d-dinja ser tara l-Istrett ta’ Hormuz iktar magħluq, u miegħu bastimenti wieqfa, jew milquta, jew distrutti. Xenarji xejn sbieħ li qed jassiguraw li l-ħajja tkompli togħla.

Wara dan

7. F’dan kollu, u waqt li naraw li lanqas il-kunflitt fl-Ukrajna mhu ser jieqaf, nistgħu nifhmu li sejrin lejn perjodu itwal ta’ gwerra u fejn l-armi ser jidħlu biex jippruvaw isolvu dak li ma jistax jiġi solvut. Bdiet triq soda li sakemm ma jkunx hemm bidla fil-mexxejja u fil-mentalità, l-affarijiet hekk ser jibqgħu. Forsi l-elezzjonijiet li ġejjin f’dak il-pajjiż ser jibdlu l-imħuħ. Min jaf jekk tirbaħx ir-raġuni jew tibqax telliefa, vittma tal-ġenn uman. Jekk le, nistgħu biss niftakru f’dak li Franġisku kien qalilna. Kien wissiena sew u ma tajniex kasu. Illum ninsabu fi kliemu.

9.9.25

ID-DINJA NBIDLET?

1. Wara ċ-ċelebrazzjonijiet li saru fiċ-Ċina fit-2 ta’ Settembru biex ifakkru t-tmenin sena minn meta l-Ġappun ċeda u ffirma d-dikjarazzjoni ta’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, wieħed jifhem iktar li hemm tibdil. Hemm il-messaġġ ċar ħafna li l-bilanċi ġeopolitiċi li drajna, issa qed jieħdu triq oħra. L-iżviluppi li rajna tul dawn is-snin biddlu ħafna. L-iktar dawk li huma mwielda madwar il-gwerra li għaddejja ġewwa l-Ukrajna. Fir-realtà hija l-konsegwenza tal-kawża li twieldet mill-fatt li meta, b’xi mod, tattakka lil diversi, dawn jispiċċaw jingħaqdu kontra tiegħek. Anki jekk ma jkollhomx għalfejn, b’ħidmietek timbuttahom f’ħoġor xulxin.

Sakemm

2. Sakemm kien hemm l-għajnuna finanzjarja u militari lil dan il-pajjiż attakkat mill-Federazzjoni Russa kien hemm ekwilibriju li ma bidilx ix-xenarju. Biss, il-kwistjonijiet marbuta u mibnija madwar il-loġika jew le tat-tariffi mposti unilateralment oriġinarjament mill-Istati Uniti tal-Amerika ġiebu dan. Waqt li qabel konna nemmnu fil-globalizzazzjoni tal-kummerċ, fis-suq liberu u fl-iskambju ta’ merkanzija mingħajr tariffi, issa le. Jekk l-Oċċident estiż kien iċ-ċentru li minnu li wieħed jibda u jkompli fl-analiżi u fl-eżempju, issa m’għadux daqshekk. B’dak li rajna u smajna f’Beijing, mill-passi, mill-iffirmar tat-trattati, u fuq kollox mid-diskors preċiż u dirett ta’ Xi Jinping, ma tħalla l-ebda dubju fejn, jew lejn fejn iridu jimxu diversi stati.

Tlett mexxejja

3. F’dawn il-gżejjer insibu ruħna maqtugħin minn ċerti aħbarijiet. Imma l-fatt li Vladimir Putin (1952), Xi Jinping (1953) u Narendra Modi (1950) dehru f’daqqa huwa sinjal qawwi. Tlett mexxejja li għadhom kemm qabżu s-sebgħin sena, mimlija b’esperjenzi politiċi varji u fl-aħjar tagħhom. Il-Federazzjoni Russa, iċ-Ċina u l-Indja f’daqqa titlob analiżi u attenzjoni. Iktar il-fatt li ġew iffirmati għoxrin ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn iċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa. Pożizzjonijiet li jkun żball jekk jiġu injorati mill-Oċċident. Jista’ jkun li, kif ġiet definita, din hija “a global initiative to reshape the world order” (inizjattiva globali biex tagħġen mill-ġdid l-ordni mondjali). Imma wieħed ikun għaqli li jsegwi x’intqal fid-diskors attent, preċiż u kawt tal-President Xi Jinping. Hemm tifhem li l-pożizzjoni mhijiex ta’ alleanzi militari strateġiċi, imma forsi aktar tweġibiet għar-realtajiet tal-ġurnata.

X’ingħad

4. F’dan, diversi mumenti ingħad li dan seħħ minħabba ’l hekk imsejjaħ “bullying behaviour” tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump (1946), u hemm ħafna ‘forom ta’ twissijiet’ f’dan. Iktar u iktar meta huwa ħafna evidenti li ċ-Ċina hija fattur determinanti fl-istabilità mondjali. Jekk ħaddieħor qiegħed joħroġ mil-linji tal-politika barranija tiegħu, dawn mhumiex. Fil-parti ċentrali tad-diskors tiegħu, Xi Jinping iddikjara hekk: “We must uphold the international system with the United Nations at its core and support the multilateral trading system with the World Trade Organization at its core.” (Għandna nżommu s-sistema internazzjonali fi ħdan il-Ġnus Magħquda fl-essenzjal tagħha u nappoġġjaw is-sistema tan-negozju multilaterali fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fl-essenzjal.) Messaġġ ċar sija lill-Federazzjoni Russa, kif ukoll lill-Istati Uniti tal-Amerika.

Ottimiżmu

5. Meta titkellem ma’ numru ta’ persuni nvoluti fil-politika Ewropea timmarka spirtu ta’ ottimiżmu. Fis-sens li Vladimir Putin ma rnexxilux jieħu dak li ried mill-Ukrajna, kif ukoll li jista’ jkun hemm bidliet jew lejn forma ta’ trattat ta’ paċi, inkella ta’ ċessjoni tal-ġlied. Imma l-fatt jibqa’ li l-Unjoni Ewropea, bl-inizjattivi varji tal-Istati Membri tagħha, kif ukoll għall-fatt li ma hemmx il-qbil ta’ kulħadd fuq numru ta’ punti, għadha ma rnexxilhiex issolvi s-sitwazzjoni. F’dan, l-aġendi politiċi huma varji ħafna. Barra minn hekk, rajna wkoll wisq bidliet li ma wasslu għal imkien. Huwa evidenti li hemm kumplikazzjonijiet li ma jistgħux jiġu ssuperati u li jridu ħafna snin biex isibu ruħhom lura f’posthom.

Tmiem żmien partikolari

6. Hemm xi wħud li jaħsbu, bħall-istoriku u antropologu Franċiż Emmanuel Todd (1951), li jaħsibha bħalhom u li kiteb hekk fil-ktieb tiegħu La defaite de l’occident (2024), li din il-gwerra qed isservi biex tindika t-tmiem tal-Ewropa demokratika u t-tisħiħ tal-Federazzjoni Russa. Anke jekk l-analiżi tiegħu titlob attenzjoni, xorta m’hemmx sitwazzjoni fejn parti rebħet, jew qegħda tirbaħ, u l-parti l-oħra li qed titlef. Hemm iktar għarfien li d-dinja tal-lum trid timxi f’direzzjonijiet oħra. Jekk kien hemm min ħaseb li r-Russja ser tikkrolla, iċ-Ċina u l-Indja qegħdin, fir-realtà, isostnuha finanzjarjament. Imma iktar minn hekk, fiċ-ċirkostanzi preżenti qed jibnu dak li qabel ma setgħux. Is-swieq rispettivi ser jikbru u jimxu fl-istess avvanz u pożizzjonijiet li l-Unjoni Ewropea, bis-suq komuni tagħha, irnexxielha.

Protezzjoni

7. Fil-fatt, wieħed jista’ jisma’ mezzi ta’ komunikazzjoni Amerikani jew Ewropej li jpinġu dan bħala theddida qawwija jew oltraġġ, imma jista’ aktar ikun wieħed ta’ protezzjoni. Jekk l-Istati Uniti ser jibqgħu bil-politika taż-żidiet sproporzjonati u illoġiċi, u kontra dak miftiehem fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar it-tariffi, din hija miżura ċara fejn ħadd minnhom m’huwa ser jiġi għarkubbtejh. Kien ikun aħjar li kieku kellu jiżdied il-kummerċ b’mod leġittimu, milli tmur f’din id-direzzjoni. Kull mexxej għandu l-karattru tiegħu, imma kull wieħed għandu r-responsabbiltà li jħares l-interessi taċ-ċittadini tiegħu. F’dan huwa evidenti li sakemm il-politika Amerikana ma tinbidilx, jew għax jibdel fehmtu Donald Trump, inkella għax jispiċċa, ser nibqgħu naraw iktar passi f’dik id-direzzjoni. Is-swieq li ser jinfetħu u l-proċeduri stabbiliti jafu jneħħu kull vantaġġ ekonomiku li l-Oċċident għandu llum. Proprju f’dan, għad-domanda inizjali: “Id-dinja nbidlet?”, kollox ser ikun jiddependi fuq x’passi għaqlin l-Oċċident ser jagħraf jieħu.

21.8.25

TRUMP JIEĦU PARIR?

F’dawn il-jiem wara li spiċċajt ktieb ieħor ta’ Norberto Bobbio (1909-2004) De Senectute (1996) ġiet din il-mistoqsija quddiemi. Nammetti li kitbietu fittixthom u sa ċertu punt għadni.

Moħħ legali ċar u fl-istess ħin anki gwida fix-xjenza politika. Introdott fl-Università fil-lezzjonijiet tal-Filosofija tad-Dritt. Kien awtur li għandek tistudja flimkien mal-famuż Hans Kelsen (1881-1973). Dan segwejt fil-professjoni mod, fil-ħajja politika ieħor.

Fl-1995 kont xtrajt u qrajt iż-żewg edizzjonijiet tiegħu Destra e Sinistra (1994) u wara Eguaglianza e Libertà (1993). Imma l-ktieb li kien f’ħafna importanti u determinanti f’diversi deċiżjonijiet u l-imġieba politika tiegħi jibqa’ Il Futuro della Democrazia, fl-edizzjoni tiegħu tal-1995.

Ħsieb kontinwu

F’dan kollu hemm punti li l-awtur baqa’ jirrifletti fuqhom u kostanti fl-ideat tiegħu. Demokratiku konvint, moderat fil-komportament imma ċert f’dak li kien jemmen u jikteb. Kitba bażata l-aktar fuq d-diversi kotba li kien qara u fid-diversi awturi li għallem dwarhom. Attent għal numru ta’ dettalji u vuċi fil-liberal-demokrazija.

Persuna li fl-aħħar għoxrin sena ta’ ħajtu, propju meta fl-1994 ġie maħtur senatur għal ħajtu mill-President Sandro Pertini (1896-1990) li kellu forma ta’ esperjenza politika. Fil-ktieb li għadni kif qrajt u f’dak li għaddej naqra hemm numru ta’ punti li hu kien għamel li jimmeritaw attenzjoni llum.

Djalogu

L-ispirtu demokratiku tiegħu li nħaddan dejjem aktar huwa bażat propju fuq dan. Hu jgħid: “Non pretendo di solito di avere l’ultima parola. Non mi piace e non mi da alcuna soddisfazione. Detesto le discussioni che non finiscono mai, unicamente per motivi di prestigio, e non per necessita dialogica. Dopo lo scambio di opinioni cerco di adoperarmi per evitare la rottura e percorrere la via della conciliazione. Alla fine preferisco tendere la mano che voltare le spalle. Lo scopo del dialogo non è dimostrare che sei più bravo, ma o raggiungere un accordo o per lo meno chiarirsi reciprocamente le idee.” (Is-soltu ma nippretendix li jkolli l-aħħar kelma. Ma togħġobnix u ma tagħtini l-ebda sodisfazzjon. Idejquni d-diskussjonijiet li ma jispiċċaw qatt, unikament għal raġunijiet ta’ prestiġju, u mhux għan-neċessità tal-proċess tad-djalogu veru. Wara l-qsim tal-opinjonijiet nipprova naħdem biex ma jkunx hemm ġlied u naqbad it-triq tar-rikonċiljazzjoni. Fl-aħħar nippreferi nieħu b’idejn persuna milli ndawwar spallti. L-iskop tad-djalogu mhux li turi li int aktar bravu, imma li tasal fi ftehim jew almenu tiċċara l-ideat).

Kliem ċar ħafna aktar konfermati meta jżid hekk: “Ho anche fatto esperienza fra sordi, del dialogo in malafede, del finto dialogo in cui uno dei due interlocutori, se non tutti e due, sa già in anticipo dove vuole arrivare, fermamente convinto sin dall’inizio che non dovra retrocedere di un passo dalla posizione iniziale, del dialogo inconludente, ed è il caso più frequente, in cui alla fine ciascuno resta della propria idea.” (Għaddejt ukoll minn proċess ta’ djalogu bejn t-torox, dak in ‘mala fede’, tad-djalogu taparsi, fejn wieħed miż-żewġ interlokuturi, jekk mhux t-tnejn, jaf diġà qabel fejn jrid jasal, fermament konvint mill-bidu li ma jridx iċedi pass mill-pożizzjoni inizjali, tad-djalogu li ma jwassal imkien, u huwa dak l-aktar frekwenti, fejn fl-aħħar kull persuna tibqa’ fejn kienet fil-bidu.)

Ovvjament mhux kull djalogu jasal fi tmiemu sewwa imma importanti aktar jekk jasal.

Moderati, estremiżmi

Hemm punt ieħor li laqatni. Jiddikjara f’ħafna kotba fuq dawn l-linji. Jgħid: “Sono un moderato, perché sono un convinto seguace dell’antica massima ‘in medio stat virtus’. Con questo non voglio dire che gli estremisti abbiano sempre torto. Non lo voglio dire perché affermare che i moderati hanno sempre ragione e gli estremisti sempre torto equivarrebbe a ragionare da estremista.” (Jien moderat, għax jien segwaċi konvint tal-massima antika fin-nofs tinsab il-virtù. B’dan ma irridx ngħid li l-estremisti għandhom dejjem tort. Ma rridx ngħid dan għax li tiddikjara li l-moderati għandhom dejjem raġun u l-estremi dejjem tort ifisser li tirraġuna ta’ estremista.)

Fejn għalhekk ovvjament is-soluzzjoni tinsab dejjem f’diskussjoni miftuħa u attenta.

Propju llum

Ktibt dan propju fil-kuntest attwali. Għax għalkemm naf li diversi li jaqraw kitbieti m’għandhomx ħafna simpatija mal-President tal-Istati Uniti Donald Trump naħseb li punt waħda għandna nikkonċedu.

Ċertament ġie elett għal numru varji ta’ raġunijiet, kien hemm diversi li ħasbu li kif jieħu l-ħatra l-gwerer se jispiċċaw. Kien hemm il-punt li hu biss kapaċi jasal fi ftehim ma’ Vladimir Putin. Altru dak li tiddikjara fil-kampanja elettorali u kif nafu altru dak li tista’ wara twettaq. F’dawn is-sitt xhur skorruti smajna diversi dikjarazzjonijiet. Daqqa mod u daqqa ieħor. Daqqa kontra daqqa favur. Imma ftit jiem ilu sar dak li nikkunsidra pass importanti.

Biex tiftieħem


Fil-verità hemm żewġ modi ta’ kif tista’ twaqqaf kunflitt bħal dan ġewwa l-Ukrajna, jew billi tvinċi naħa fuq l-oħra nkella bit-triq aktar kumplikata imma neċessarja ta’ ftehim fid-djalogu.

F’dan Trump qabad dak li wieħed jipprova jasal. Mhux ċertament faċli li ssikket l-armi u ġġib il-paċi madwar il-mejda faċli tibqa’ tiġġieled. Hemm kwantità ta’ raġunijiet għal dan.

Huwa vantaġġuż però kwantità oħra biex jiġi pospost u ma jsirx. Minn x’imkien trid tibda biex tasal. Determinazzjoni u volontà ‘tajba’ biex iseħħ. Biss is-sitwazzjoni li żviluppat hija ferm aktar diffiċli milli ningħataw x’naħsbu.

Propju f’dan naħseb li min għandu saqajh mal-art ma setax jippretendi ftehim immedjat fil-15 ta’ Awissu f’Anchorage fl-Alaska. Imma nittama li xi ħadd setgħa qara dak li kiteb Bobbio.

Mhux t-Tieni Gwerra

Is-sitwazzjoni nbidlet u din mhix dik tal-aħħar Gwerra Dinija. Mhux biss imma r-realtà hija li r-Russja kienet u għadha forza li għandha riżorsi li ħadd ma għeleb qabel. Veru hemm dgħjufija f’dak li kien qabel imma xorta ħadd ma jista’ jimmaġina li se jkun hemm kollass immedjat jew assolut.

Quddiem din il-pożizzjoni hemm alternattiva valida waħda li jinbdew l-proċessi neċessarji biex jingħalaq dan il-kapitlu. B’kull parti involuta hemm tipparteċipa. Putin u Trump iridu l-kunsens ta’ dawk involuti u dan jikkumplika aktar imma jrendi aktar stabbiltà fil-futur. Biex ssib punt ta’ qbil dan ma jistax jiġi impost u ħadd ma hu se jaċċetta dak li ma jridx. Kompromessi imma l-iktar triq biex wieħed jibdel dak li għad-deċiżjoni ta’ Putin qiegħed iseħħ.

Fatti, paroli

Għax il-politika hija verament diffiċli u kumplikata meta trid issir bis-serjetà. Mhumiex immaġini sbieħ imma l-abbiltà u l-preparazzjoni biex taffronta dan kollu. Din hija sfida għal Trump li daħal għaliha. Waħda li se timmarkah. Waħda li ma jistax jitlef. Waħda li m’għandniex inkunu kontra imma nsostnu.

Il-paċi fl-Ukrajna mhix faċli biex is-seħħ, imma tista’. Nittama li min hu involut jieħu l-pariri t-tajba ta’ Bobbio biex dan il-kunflitt bla sens jieqaf u l-paċi tirrenja lura.

14.11.24

ĦITAN TA' APPOĠĠ

1. Ftit jiem ilu, dawk li semgħu l-aħbarijiet ġew imfakkra b’dak li seħħ ħamsa u tletin sena ilu. Ġiebu lura quddiemhom, għal dawk li kienu ġarrbuhom, dawk il-jiem li bdew mid-9 ta’ Novembru 1989. Kif f’daqqa waħda, dak li kien jidher tant sod, beda jitmermer f’daqqa quddiemna. Ir-renji, il-poteri politiċi filli jkunu jidhru invinċibbli u filli jikkrollaw quddiemna. Ħadd ma kien jaħseb li dan kien ser iseħħ, għalkemm diversi kellhom dejjem it-tama. Forsi ftit aktar, ċertament ħadd ma basar li dak kien il-mument, wisq inqas li dik kellha tkun it-triq. Dik li twassal, l-ewwel għall-waqgħa ta’ dak li beda jinbena fit-13 ta’ Awissu 1961, il-Ħajt ta’ Berlin, u li fired il-belt fi tnejn. Wara, it-tmiem tal-imperu li kien inbena mill-Unjoni Sovjetika wara r-Rivoluzzjoni.

Straħna

2. Waqt li ċertament ħafna ma ħasbux li ser iseħħ, ladarba twaqqa’ min-nies u l-fruntieri li qabel kienu miżmuma b’saħħa spiċċaw, kienu diversi li straħu. Kien hemm mewġa kbira ta’ arja ta’ libertà. Dik umana. Dik li tippermetti lill-bnedmin jgħixu u jilliberaw ruħhom mill-ħakma Sovjetika. Dik li welldet it-tama li issa stajna ngħixu fil-paċi, ’il bgħid mill-biża’ ta’ gwerra nukleari bejn iż-żewġ potenzi li kellna. Bieb għal futur isbaħ u ħarsa lejn dak li d-dinja issa setgħet tmur fih mhux ixekkla. Forsi f’dan, diversi skoprew realtajiet differenti. Iktar minn hekk kien hemm ukoll min, fil-vantaġġi politiċi tas-sitwazzjoni, mexa u wettaq dak li ma kellux. Biss, f’ħafna, ma konniex ippreparati għaliha.

Riżentimenti

3. F’dan, iktar twieldu riżentimenti, speċjalment fil-mod ta’ kif popli ġew trattati u sfruttati ekonomikament. Kien hemm prezz għal-libertà, imma kien għoli ferm aktar milli dawk li kienu maħkuma setgħu jaħsbu. Is-snin ta’ wara l-liberazzjoni kienu iebsa ħafna, u s-soċjetà nqasmet iktar. Dawk li ġew mid-dinja demokratika damu biex fehmu x’kellhom jagħmlu, u wħud ħasbu li setgħu jumiljaw lil min ma kellhomx. Twieldet żerriegħa li minnha kibru kumplikazzjonijiet oħra. F’dan, ċertament illum qed naraw il-konsegwenzi ta’ dawn l-iżbalji politiċi. Forsi ma flaħniex ngħinu kemm kellna sabiex ikun hemm tisħiħ ekonomiku f’dawk l-Istati. Forsi wkoll ma kienx proprju l-istaġun. Forsi iktar, kien hemm attenzjoni akbar lura lejn l-unifikazzjoni tal-Ġermanja.

Konsegwenzi

4. F’dan illum qed inbatu l-effetti ta’ dawk is-sentimenti ta’ riżentiment. Min b’xi mod ħassu umiljat, aktar tard sab iż-żmien biex jillivella l-pożizzjoni. Dawn il-ħamsa u tletin sena jimmeritaw attenzjoni u studju storiku, iktar fl-aspetti soċjali u ekonomiċi. L-Oċċident Ewropew u Amerikan f’daqqa ma rawx, u ma tawx każ, ta’ dak li kien ġej. Ikkonċentraw fuq ċerti partijiet tal-istrateġija ġeo-politika. L-iktar f’dan kienet l-Unjoni Ewropea, li rat kif tipprova tibni Stati fi ħdanha bħala forma ta’ ħlas lura lejn dawk li batew f’ħamsin sena, mill-1939 sal-1989. Dak li l-kefrija Nażista u Komunista taw. Imma l-fruntieri politiċi ġew mibdula mill-ġdid u baqa’ wkoll naħa kontra l-oħra.

Fil-Ġermanja

5. Forsi f’dawn is-snin, nistgħu ċertament naċċettaw li l-għaqda lura tal-Ġermanja kienet pass politiku determinanti. Wieħed li ġieb ħafna sodisfazzjon, minkejja li fl-Ewropa ta’ dak iż-żmien kien hemm min ma kienx proprju qiegħed jifraħ. Kien bid-determinazzjoni u l-kuraġġ tal-Kanċillier ta’ dak iż-żmien Helmut Kohl (1930-2017) li sar dan. Forsi f’dan inkisru ftehim, l-iktar f’dak li jolqot id-dħul ta’ Stati fin-NATO, li kien hemm fil-proċess tad-diżintegrazzjoni Sovjetika. Imma l-fatt jibqa’ li kontra kull oppożizzjoni, seħħ. Mhux biss, imma s-saħħa fl-Unjoni Ewropea tal-pajjiżi żdied sew. Anki f’dan, għalhekk, fl-istess Unjoni ċ-ċentru nbidel, bil-konsegwenza iktar ċara politikament li fejn il-Ġermanja tmur, hemm l-Unjoni ssegwi.

Fil-preżent

6. Huwa minnu li wieħed illum irid jaħseb mill-ġdid fejn qegħdin u fejn sejrin. Fl-Unjoni Ewropea, bil-Ġermanja li għaddejja minn forma ta’ kriżi politika. B’Olaf Scholz (1958), il-Kanċillier preżenti jagħraf li l-koalizzjoni li kien qiegħed imexxi ġiet fix-xejn u għaldaqstant l-elezzjonijiet ġenerali mhumiex fil-bogħod. Min ser jiġi elett u min ser ikollu f’dan, dejjem jekk ikollu, maġġoranza stabbli huwa iktar importanti. Aktar proprju fil-fatt li Donald Trump, ta’ 78 sena, ġie ri-elett President tal-Istati Uniti tal-Amerika. Dan għax għalkemm fil-mument diversi jinsabu mitlufa jispjegaw x’ġara fir-rebħa elettorali tiegħu, wara, minn Jannar 2025 hemm il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tiegħu. Hemm bnedmin li jinbidlu frott l-esperjenza politika, imma meta tqis dak li ilu jiddikjara f’dawn l-aħħar erba’ snin u dak li wettaq qabel, ma tantx hemm wisq aħbarijiet tajba għall-Ewropa. Il-memorja tal-Ħajt ta’ Berlin, għat-tmexxija tiegħu ma naħsibx li ser tkun għolja ħafna.

Min jista’ jaħseb

7. Hemm min qiegħed jikteb fil-ġurnali ekonomiċi Ewropej li dan ser ikun mument li jibdel u jissoda lill-Unjoni, għax ser titneħħa l-ħela u jista’ jimxi biss min huwa b’saħħtu. Hemm min jista’ jimmaġina li biż-żidiet fit-tariffi fuq il-kummerċ liberu jew fuq in-nuqqas t’appoġġ militari lill-istess Ewropa u lill-Ukrajna ta’ Vladimir Zelensky ser naraw xi forma ta’ tkabbir. Naħseb li teoriji mod jistgħu jidhru sbieħ, imma l-prattika hi ħaġa oħra. F’dan iż-żmien ma nkunux wisq ’il bogħod milli nifhmu li l-piżijiet fuq il-popli Ewropej ser jiżdiedu. Wisq inqas milli nagħrfu li t-tentazzjonijiet lejn iktar tmexxija awtoritarja milli demokratika jikbru.

Nagħrfu

8. Biss f’dan, ċertament, dawn huma iktar bidliet fir-rabtiet li qabel żammew l-Oċċident għaddej. Hemm, f’dan, l-għarfien ċar li kien iktar faċli li nirċievu l-għajnuna u s-sostenn waqt l-eżistenza tal-Ħajt ta’ Berlin. F’dawn il-ħamsa u tletin sena nistgħu biss nirreġistraw li l-burdata nbidlet; l-opinjonijiet inqalbu ta’ taħt fuq. F’mumenti ngħid u nistaqsi x’jaħsbu minn hemm fuq, proprju jekk humiex japprovaw il-Papa, illum San Ġwanni Pawlu II u Ronald Reagan, il-President Repubblikan, li taħthom seħħet il-waqgħa tal-Ħajt. Ma naħsibx, imma dak kien żmien ieħor, li llum m’għadux. F’dan għandna naċċettaw li dak li qabel kien Ħajt ta’ Appoġġ sod u li tista’ tiddependi fuqu, illum mhuwiex aktar hekk.

9.10.24

TELLIEFA

1. Għad hawn min jaħseb li għalih għad fadal il-glorji fil-gwerer li jidħol għalihom. Għad hawn min jilludi ruħu li fid-dinja huma l-kunflitti militari dawk li jsolvu l-problemi soċjali u politiċi. Anke jekk fil-passat dan seta’ b’xi mod kien minnu, għalkemm diversi jiddubitawh, illum ċertament mhuwiex hekk. Fil-pożizzjonijiet li ninsabu fihom hija anzi ħasra li wara tant progress u esperjenzi nibqgħu ma nsibux tarf tal-problemi b’soluzzjonijiet li ilhom ġejjin għandna fis-snin. Forsi lesti wisq li naqtgħu qalbna jew ma nimxux il-pass li jmiss u nħallu bnedmin jissieltu kontra xulxin. Anke jekk ma jiġġieldux bl-armi, xorta m’aħniex lesti li ngħinu, jew b’xi mod nikkollaboraw biex inġibu l-paċi u l-istabilità bejn il-bnedmin.

Fil-preżent

2. Illum ninsabu fejn ninsabu proprju minħabba n-nuqqas ta’ sforzi diplomatiċi, inkella minħabba r-ras iebsa li twieldet u tkattret. Fis-snin imgħoddija smajna dwar diversi inizjattivi li kienu jkunu ser jittieħdu minn diversi, imma kif rajna, il-pożizzjoni baqgħet dejjem l-istess. F’dan iż-żmien ukoll, fil-kontra u sfortunatament, minflok il-prospetti li jista’ jintlaħaq ftehim, kibru aktar fis-saħħa tagħhom l-estremiżmi. Ingħata aktar appoġġ elettorali lil dawk li fil-programm politiku tagħhom kienu qed jintrabtu li ma jilħqux ftehim aktar milli lil dawk li riedu jsibu soluzzjoni. Ninsabu fejn ninsabu proprju minħabba l-intransiġenzi u r-riżentimenti varji li żviluppaw tul dawn is-snin. Ir-responsabbiltà hija ċertament, f’dan ukoll, waħda kollettiva. F’dan, iktar u iktar fuq l-istati l-oħra li, għal raġunijiet varji, flok solvew irnexxilhom ikomplu jikkumplikaw.

Fuq kollox

3. Dan iktar fl-għarfien li ma’ kull ġurnata huwa iktar evidenti li l-avversarji ma tistax, anke jekk tipprova, fil-fatt teliminahom. Tonqsilhom is-saħħa militari temporanjament, imma jerġgħu jqumu u jissudaw f’jiem oħra fil-futur. Bil-pożizzjonijiet politiċi li kibru u żviluppaw, rimedju wieħed veru hemm: dak tan-negozjati. Jekk il-partijiet ma jersqux madwar mejda u jissiġillaw trattati, kollox jibqa’ miftuħ beraħ. Iktar u iktar meta l-gwerer ma jiddependux fuq kemm għandek truppi, imma fuq x’tip ta’ kwalità ta’ teknoloġija militari tħaddan. Dan iktar fl-isfond li hemm ġlieda dwar l-armi sofistikati f’kemm dawn huma “intelliġenti”, kemm hemm bħala kwantità, u min qiegħed iħallas għalihom. Iktar u iktar meta fix-xenarju, apparentement sekondarju, hemm dejjem l-interessi tal-produtturi tal-armamenti biex jaraw kemm dak li qed jipproduċu huwa effikaċi u kif, għalhekk, jista’ jsir aktar devastanti.

Hemm limitu


4. F’dan iktar hemm linja li qegħda viċin li tinqabeż. Il-kunflitti preżenti fiż-żewġ xenarji tal-Ukrajna u dak tal-Medju Orjent waslu f’punt fejn il-kumplikazzjonijiet huma kbar. F’dinja li qegħda l-ħin kollu tara parti sew mir-riżorsi ekonomiċi tagħha jmorri fi sforzi belliċi li għalihom ma hemmx tmiem, hemm min qiegħed jipprotesta. Inkella aħjar jifhem li f’din it-triq, jekk ma niqfux, ser ikun hemm aktar telf ekonomiku. Huwa f’dan indikattiv kif il-ġurnal li ma jirrappreżentax il-ġustizzja soċjali biddel id-direzzjoni tiegħu u issa qiegħed jinsisti li tinstab soluzzjoni fl-Ukrajna. F’edizzjonijiet passati kien hemm sostenn lejn dak il-poplu u l-messaġġ kien li Vladimir Putin kien qiegħed fit-triq it-telliefa.

Editorjal

5. F’editorjal prinċipali reċenti, The Economist jibda b’dawn il-kliem: “If Ukraine and its Western backers are to win, they must first have the courage to admit that they are losing.” (Jekk l-Ukrajna u l-Punent iridu jirbħu, irid l-ewwel ikollhom il-kuraġġ li jammettu li qegħdin jitilfu.) Kliem li fil-fatt qiegħed jipprova jġib lill-partijiet għar-realtà li ż-żewġ naħat qegħdin jitilfu. Anzi aħjar, li kull min b’xi mod huwa nvolut qiegħed jitlef. Ħadd mhu qiegħed jirbaħ. Bit-telfien tal-bnedmin, ta’ distruzzjoni ta’ bliet, infrastruttura u armi militari ħadd ma jista’ jiddikjara li huwa, b’xi mod, rebbieħ. Triq waħda iktar diffiċli u iktar ikkumplikata hemm dik li twassal lill-partijiet biex, bil-krozzi li t-tnejn li huma qegħdin fuqhom, jaslu fi ftehim.

Dik id-direzzjoni

6. L-istess editorjalista, ġustament jikteb li dan huwa l-futur, meta jgħid hekk: “Whether or not a formal peace deal is signed, that is the only way to wind down the fighting and ensure the security on which Ukraine’s prosperity and democracy will ultimately rest.” (Jiġix iffirmat jew le patt formali ta’ paċi, dan huwa l-uniku mod ta’ kif tasal għall-waqfien mill-ġlied u tassigura s-sigurtà li fuqha, fl-aħħar mill-aħħar, jiddependu l-prosperità u d-demokrazija f’dak il-pajjiż.) B’dak li jista’ jseħħ fl-elezzjonijiet presidenzjali Amerikani, jiġi min jiġi elett, ser ikun hemm ċertament min jaħseb iktar fit-tul fuq iktar fondi militari. Dan mhux biss għax jidher li l-pożizzjoni ma nbidlitx wisq għall-aħjar fuq il-kamp tal-battalja, iżda wkoll għax infetaħ xenarju ieħor. Dak li hu għaddej fil-Medju Orjent juri li l-pajjiż inġibed f’kunflitt ieħor, fejn ser ikun hemm iktar infiq u fondi militari, b’żieda ta’ riskji oħra gravissimi.

Fil-mument

7. F’dan kollu huwa ċar li l-problemi ser ikomplu jikbru proprju għax l-armi ma jsolvux il-problemi politiċi, iżda jikkumplikawhom. Bħala poplu fid-dinja u fir-reġjun għandna dejjem iktar interess li dan jirrisolvi ruħu. Iktar ma jdum, iktar ser naraw dewmien biex naqbdu lura t-triq li twassal għall-iżvilupp u l-progress li jixraq. F’dan għandna nifhmu li iktar milli nieħdu parti, irridu ninsistu li jkun hemm ftehim. Aktar ma jdum ma jasal dak il-jum, aktar nistgħu niddikjaraw fis-sħiħ li ninsabu lkoll telliefa.

15.7.24

MINGĦAJR SENS

1. Waqt li diversi huma aljenati jsegwu l-partiti tal-football u oħrajn qed jistennew il-bidu tal-Olimpjadi, wieħed irid jieqaf jistaqsi. Jgħarbel jara jekk dak kollu li qiegħed jiġri madwarna huwiex jagħmel sens jew le. Jipprova jifhem, l-ewwel, dak li hu verament għaddej; u t-tieni, jekk dan huwiex fil-fatt sewwa jew le. Minn barra jidher li għaddejjin minn perjodu ta’ nuqqas ta’ loġika u konfużjoni. Aġir varju, sija dak li sar fil-passat li qiegħed joħroġ għad-dawl illum, kif ukoll dak li qiegħed iseħħ preżentement. Bnedmin li tistenna s-sens u l-aġir tajjeb minnhom issibhom fuq in-naħa l-oħra. Ċertament tittama f’futur aħjar, imma fil-frattemp wieħed irid jifhem il-preżent sewwa.

Passi fl-indifferenza

2. F’pajjiżna u fix-xenarju internazzjonali, dak li qiegħed isir mhuwiex jinżel tajjeb ma’ dawk li jridu li l-affarijiet isiru sewwa. Kull persuna fid-demokrazija u fis-soċjetà tippretendi u tinsisti li l-Istat jitmexxa u jiġi amministrat sewwa. Li l-fondi pubbliċi jiġu minfuqa kif għandu jkun. Li ħadd ma japprofitta ruħu. Li jkun hemm sens akbar tal-importanza tal-Istat. Li, fuq kollox, jikber il-mertu u li t-tqassim tal-ġid komuni jsir b’mod iktar ġust. Fuq kollox, soċjetà li tħares li jkollha sistema ta’ ġustizzja soċjali vera, mhux apparenti. Waħda li tirbaħ fil-bżonn kostanti li tfittex tara li min jinsab l-iktar ’l isfel ikun hemm għalih l-għajnuna neċessarja biex jitla’ ’l fuq, u mhux jiġi abbandunat għal riħu. Meta dawn ma jseħħux, allura tikber l-indifferenza fl-elettorat. Jonqsu dawk li jridu jieħdu sehem u jaħdmu għall-bidliet.

Mhux l-ewwel darba

3. Din mhix l-ewwel darba fl-istorja tal-umanità li l-bnedmin raw nuqqas ta’ ordni u konfużjoni prattikati madwarhom. Mhux f’dan iż-żmien biss li l-bniedem qiegħed ikun xhud tan-nuqqas ta’ loġika u tal-aġir żbaljat. Tul din il-ġimgħa fakkarna f’dan San Benedettu, Patrun tal-Ewropa, li għex f’dak l-ambjent u ħa ħsieb jimpenja ruħu sabiex tinbena soċjetà aħjar. Meta taqra kitbietu u dak li diversi oħra kitbu dwaru tifhem kemm kien qiegħed ’il quddiem. Kien dak li ġieb lill-bniedem lura fiċ-ċentru tal-ħajja. Kull persuna, mingħajr distinzjoni. Anzi, mingħajr preferenzi. Ħaddem kitbet l-Evanġelji f’dak li l-persuna umana għandha twettaq f’kull jum tagħha. Għaraf b’messaġġ dirett bil-kliem “Ora et Labora”, li kull ħin u kull mument il-bniedem huwa msejjaħ jaħdem għas-sewwa. Dak li llum il-ġurnata, induru fejn induru, qegħdin immissu aktar miegħu.

Tibdil

4. F’dan huwa iktar urġenti t-tibdil li jrid isir sabiex il-pajjiż jerġa’ jiġi lura f’postu. Għarfien tal-passat fid-dettall u mhux iktar b’diskors ġeneriku li ma jwassal imkien. L-azzjonijiet li seħħew ħa jiġu għad-dawl u kkunsidrati. Ċertament, l-ewwel f’dak li ebda Gvern ieħor mil-lum ’il quddiem m’għandu jara ripetut. It-tieni, fil-konsegwenzi legali li dawn jitolbu skont l-abbiltà u d-dixxerniment uman. Jista’ jkun hemm fatturi ta’ aljenazzjoni, imma f’dawn is-snin il-poplu nbidel. Sar iktar xettiku u f’mumenti, sfortunatament, ċiniku. Ma jafdax anki lil dawk li mhux biss qabel kien jafda, imma wkoll lil dawk li forsi aħjar jekk jafda. Kuljum, l-istejjer ta’ retroxeni m’huma jnisslu ebda fiduċja, imma iktar distakk. Iktar ukoll astensjonijiet, li jidher li jridu jkomplu jikbru.

Xenarju internazzjonali

5. Dak li qiegħed jinkixef lokalment qiegħed jara żieda fil-kumplikazzjonijiet ma’ dak li hu għaddej barra minn xtutna. Fl-Istati Uniti tal-Amerika, fit-triq lejn l-għażla ta’ President f’Novembru. Dak li qiegħed jiġri fi Franza wara l-aħħar elezzjonijiet ġenerali b’sitwazzjoni li tindika diffikultajiet biex jinbena Gvern stabbli. Kif ukoll il-passi li ħadu żewġ mexxejja. L-ewwel tal-Prim Ministru Ungeriż Victor Orban, li fi ftit jiem mar l-ewwel jiltaqa’ ma’ Vladimir Putin, u ftit wara mar iċ-Ċina f’missjoni li mhix ċara, imma li fuq naħa tidher bħala appell għall-paċi. Fuq l-oħra, il-viżta tal-Prim Ministru Indjan Narenda Modi fil-Federazzjoni Russa, li wkoll ma kinitx daqshekk ċara fuq ir-raġuni vera tagħha. Punti li jingħaqdu ma’ oħrajn li ma tantx jgħinu sabiex wieħed iħares b’mod loġiku u ottimist lejn din il-ħidma politika.

Dan il-poplu


6. F’dan kollu, però, hemm iktar il-bżonn ta’ aġir tajjeb u li jibni mill-ġdid dan il-pajjiż u r-reputazzjoni tiegħu. Il-preżent tagħna huwa mimli b’inċertezzi u żbaslji. Dawk li minn dak li qiegħed jidher quddiemna, dan il-Gvern mhuwiex f’pożizzjoni li jġib lura. Minn eżami ta’ dak li seħħ f’dawn is-snin huwa evidenti li kull manuvra u direzzjoni li ttieħdet waslet lura għall-għarfien li l-affarijiet m’huma tajba xejn. Iktar u iktar ċar meta wieħed jara li l-Gvern qiegħed fl-impossibilità li jibdel kif il-pajjiż jippretendi. Ġudizzju li jista’ jingħata wara l-verdett li kellna fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Huwa miktub li l-pajjiż għandu maġġoranza stabbli ta’ dawk li fehmu s-sitwazzjoni u ma jgħarfux li m’hemmx xi rimedju fil-futur. Proprju għalhekk li f’dak li mhuwiex jagħmel sens hemm bżonn ħidma biex dan kollu jinbidel. Ħidma li l-Partit Nazzjonalista jagħraf u fejn irid jimxi biex il-bidla sseħħ.

25.3.24

INFITTXU JIEM TA' PAĊI

1. F’dawn l-aħħar xhur mimlija nkwiet u kumplikazzjonijiet varji, wieħed jibda jistaqsi b’aktar saħħa mis-soltu: fejn verament sejrin? Fejn ser nieqfu naraw, jum wara jum, aħbarijiet ħżiena li jsewwdulna iktar qalbna. Kważi drajna naraw bnedmin jinqatlu u bini jitfarrak trab fix-xenarju li għaddej bl-użu ta’ armi moderni u sofistikati. Armi ta’ distruzzjoni kbira. Kapaċi jwaqqgħu f’daqqa waħda dak li kien ħa s-snin, sekli biex inbena. Feriti fil-qalb, fil-moħħ, u fil-memorja kollettiva tagħna.

Nistaqsu iktar

2. F’dan għandna wkoll id-dritt leġittimu li nistaqsu meta dan kollu sejjer jieqaf. Jew inkella wasalna biex nieqfu naħsbu għax fuq in-naħa l-oħra tant qed naraw li issa nistgħu nħossuna rassenjati li xejn m’hu ser iwaqqaf dan il-proċess inevitabbli għad-distruzzjoni totali. Min ħaddan il-gwerra bħala għodda politika ġieb dan kollu. Daħal, u daħħal lilu nnifsu fi sqaq, fejn jaħseb biss li jista’ jirbħu jekk iwaqqa’ l-ħajt li hemm quddiemu u mhux li jmur lura minn ħsiebu. Proċess li beda fuq sieq u issa żviluppa f’oħra, li propju għalhekk, għadu għaddej.

Produzzjoni

3. M’hemm xejn li qiegħed juri xi linja politika differenti. Hemm biss il-ħsieb li issa ħaġa waħda hija importanti: l-użu tal-mezzi tal-produzzjoni għat-tkattir tal-armamenti. Fejn teknoloġija sofistikata trid tlaħħaq mal-volum ta’ oħrajn inqas tajba. Fejn m’hemmx linja li trid tinġibed. Il-Federazzjoni Russa żiedet fl-armamenti. Naqqset mill-investiment soċjali u rat iktar kif tista’ tirbaħ il-battalja li hija bdiet b’aktar attakki b’armi bħal dawn. Fil-kontinent Ewropew il-prijorità m’għadhiex iktar il-bniedem, imma l-gwerra.

Inevitabbli

4. F’dan, iktar ikkumplikat hemm il-ħsieb ta’ xi wħud li dan huwa proċess inevitabbli. Xejn ma jista’ jżommu lura milli jġib tmiem l-oċċident. Tmiem il-kultura, l-ideat u l-progress li dan il-kontinent irrappreżenta għal ħafna sekli. Xejn ma jidher li f’irjus xi wħud qed jiċċaqlaq il-ħsieb li hemm bżonn li wieħed jittama, kontra kull tama, u jaħdem għall-paċi. Il-vuċijiet favur il-paċi naqsu, u minflok hemm silenzju li jimmarka aktar li għal uħud dan huwa inevitabbli. Ma nemminx li huwa. Nemmen biss li wieħed irid ikompli jipprova u jibqa’ jinsisti sabiex dak li llum jidher ikkumplikat u diffiċli ħafna għada jsir kapaċi jaqbad it-triq għas-sewwa.

Jista’ jieħu aktar

5. Vladimir Putin jista’ jirbaħ aktar kilometri ta’ art Ukrena. Jista’ jipprova jipperswadi lid-dinja li rebaħ elezzjoni demokratika. Jista’ jaħseb li l-gwerra li beda, u li ilu fiha sentejn, ser jirbaħha. Dan kollu jista’ jagħmlu, imma fuq in-naħa l-oħra hemm li mhuwiex għal dejjem. Hemm ir-regoli tal-ħajja li jaħkmu. Fil-frattemp mhuwiex ser ikun f’pożizzjoni li jkattar xi ġid. Irid, anzi, ikompli jkun parti mill-familja tad-dittaturi li f’mumenti jidhru invinċibbli u f’oħrajn jitkaxkru mill-irjiħat tal-bidla. Illum jew għada ser ikun tellief mal-mewt u warajh mhux glorja ser iħalli, imma mrar.

Riżentiment

6. Dak li hu għaddej huwa parti ikbar mill-proċess ta’ riżentiment li baqa’ nieżel mis-snin passati. Dak li għaddej qiegħed ikompli jiżra’ ż-żerriegħa qerrieda li jridu jgħaddu ġenerazzjonijiet twal biex jintesa. Fejn forsi jitqegħdu fuq wara l-atroċitajiet li twettqu u li bħalissa qed jitwettqu. Qisna m’aħniex naraw li f’dan kollu ħadd m’huwa rebbieħ. Kull parti titlef, u ser tkompli. Kumbattimenti li minnhom ma jistax joħroġ ħlief ferm u ferm iktar deni. Jekk però ma jkunx hemm sforzi lejn il-paċi, min aggredixxa ser jispiċċa jieħu vantaġġi li ma ħaqqux.

Fix-xibka tal-avversarju

7. Waqt li għaddej iktar dan kollu, l-Ewropa trid toqgħod attenta li ma tidħolx f’din ix-xibka f’dak li kuljum qed nitolbu bħalissa. Waqt li l-Ewropa għadha tħares lejn it-tkabbir soċjali u ekonomiku tal-popli tagħha, fuq l-oħra hemm dik ta’ iktar ekonomija militari. Iktar armi biex inkomplu nużawhom fi ġlieda li t-tmexxija preżenti Russa ma jaqblilhiex li twaqqaf. L-Ukrajna ħadet daqqiet sew. Biss jekk ikun hemm il-paċi kapaċi tirpilja, tikber u tiżviluppa b’ferm iktar veloċità minn min irid jibdel id-direzzjoni tal-mezzi tal-produzzjoni. Issib aktar is-sostenn Ewropew u fl-aħħar tinbena fil-pajjiż li kapaċi jsir, fil-kuntrasti ta’ dak li ma rnexxilux mill-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin sallum.

Nikkultivaw

8. Anki jekk għal xi wħud nistgħu nidhru li m’aħniex id f’id mar-realtà, xorta rridu ninsistu u nikkultivaw proċess ta’ djalogu. Proċess li jwassal, b’xi mod, lejn il-paċi. Ħadd ma jrid iċedi, ċertament, u m’għandhiex bżonn tkun xi forma ta’ prekondizzjoni. Imma ċert li fuq iż-żewġ naħat, f’dożi differenti fil-kalatura qed naraw li hemm limitu, u li qegħdin jixbgħu minn dan kollu. Hemm wisq familji li tilfu membri għeżież tagħhom li ħadd m’hu ser iġib lura. Dawk huma feriti li ma jingħalqux. Dawk huma sitwazzjonijiet li ħadd ma jista’ jiġġustifika, iktar u iktar fil-kamp tal-Federazzjoni.

Tul din il-ġimgħa

9. Waqt li nibdew din il-Ġimgħa Mqaddsa mimlija rabtiet, b’dawl spiritwali u b’ideat huwa ċertament tajjeb li nittamaw, naħdmu u nitolbu għall-paċi. Mill-gwerra li għaddejja u minn kull waħda oħra ħadd ma jirbaħ. Jitlef biss. Proprju f’dawn ir-riflessjonijiet u fl-għarfien li kull bniedem huwa importanti u li ġie maħluq bi skop għandna iktar nagħrfu li l-paċi hija possibbli u li trid tiġi attivament ikkultivata. Il-paċi possibbli, imma trid issib aktar bnedmin li jaqbżu għaliha. Iktar u iktar għalina, li nafu direttament il-futilità qerrieda tal-gwerra. Fit-tama li dawn il-jiem iġibu magħhom għandna naħdmu ferm iktar għas-sewwa.


13.3.24

IL-PAĊI BISS IĠĠIB IL-PROGRESS

1. F’ċerti mumenti, waqt li tkun qiegħed tisma’ l-aħbarijiet jgħaddilek il-ħsieb li l-bniedem ma tantx jitgħallem mill-iżbalji passati. Jieħu direzzjonijiet li oħrajn ħadu qablu, dawk li żbaljaw fihom. Jirrepeti mudelli li jidhru faċli u konvenjenti, iżda li magħhom iġibu effetti xejn tajba. It-toroq tal-eventi tad-dinja, iktar u iktar illum, iridu jiġbdu lejn distruzzjoni varja. Tkissir ta’ dak li għandna f’isem xi proġett li la huwa mfassal u wisq inqas maħsub. Il-kotba tal-istorja u l-lezzjonijiet varji li joħorġu minnhom jiġu kontinwament injorati. Anzi, fir-realtà, għalkemm jeżistu jidher iktar li mhumiex, b’xi mod, ikkonsultati. Jidher minflok, f’uħud, f’dawk li jafu u li xorta jieħdu l-istess linja, li jibqgħu jilludu ruħhom li ser jirnexxu fejn oħrajn ma rnexxewx.

Formoli ta’ distruzzjoni

2. Jinqabdu linji ta’ ħsieb li fil-fatt irendu biss l-effett dirett u qawwi li wieħed jidħol fid-deżert u flok jiġi mmexxi minn Mosè jifhem li huwa l-Farawni li huwa l-kap. Flok sejrin lejn Ġerusalemm, sejrin iktar induru f’art imwarrba u arida. Waħda li ma tħares lejn xejn, salv li jmutu aktar bnedmin u li minnha titwieled iktar aridità u sterilità ta’ dak li jkun qiegħed isir. Il-prospett tal-futur jitnemnem u l-bnedmin jibdew jirrassenjaw ruħhom li m’hemmx alternattiva għall-ħajja u għall-eżistenza tagħhom. Jipparkjaw ruħhom fil-ġenb, mingħajr tama, u anzi iktar fil-kunċett sħiħ li dik hija li jistgħu jistennew, u xejn aktar. Trid forza differenti u li lesta tibdel biex il-futur jerġa’ jitwieled verament f’qalb u f’moħħ il-bniedem.

Inkabbru l-ħajja

3. Min-natura tiegħu, il-bniedem mhuwiex dak li jħobb id-distruzzjoni. Mhuwiex dak li jieħu gost iċapċap favur il-gwerra. Dik il-forza li toqtol bnedmin oħra, ħafna drabi innoċenti, u tfarrak dak li ħa sekli sħaħ biex inbena. Anqas huwa dak li jifraħ meta jara l-ambjent ta’ madwaru jiġi sfreġjat. Wisq anqas dak li tinżillu tajjeb li jisma’ lill-oħrajn jużaw kliem ta’ mibgħeda, ta’ ħdura u ta’ disprezz lejn l-oħrajn. Il-bniedem jippreferi atti tajba u li minnhom wieħed jista’ jibni futur. Jippreferi lil min jaħdem u li jkollu xogħolu mingħajr għelt. Mingħajr ma jkun fih żball. Jippreferi passi ta’ progress mingħajr distruzzjoni. Imma din mhijiex il-kwalità li qed tmexxi numru ta’ mexxejja f’din id-dinja li qed ngħixu fiha preżentement.

Generare Libertà

4. Ktieb ippubblikat reċentement din is-sena jmiss direttament dan il-punt. Chiara Giaccardi u Mauro Magatti jiddiskutu fih proprju dan: kif għandna nkabbru l-ħajja mingħajr ma neqirdu d-dinja. Kemm hemm eżempji tajba li jifirdu mexxejja li qabdu t-triq tad-distruzzjoni minn dawk li jkabbru l-ħajja. Dawn il-varji li bil-ħidma tagħhom bnew pajjiż u assigurawlu futur. Punti ta’ riflessjoni f’dinja fejn għandna proċess ta’ gwerer li ma jridux jieqfu. F’pożizzjoni li trid tkompli tikber u li magħha trid iġġib iktar tifrik u mwiet. F’sitwazzjoni li trid tifrex aktar lilha nnifisha sabiex tinvolvi aktar stati demokratiċi f’din il-linja li twassal lejn instabilità u tkissir ta’ kull avvanz soċjali jew ekonomiku. Fejn l-istati liberi qed jipprospettaw li jżidu iktar l-infiq tagħhom fuq l-armamenti. Flok żvilupp nikkontribwixxu għal proċess ta’ distruzzjoni.

Żewġ gwerer

5. F’dan huwa iktar ċar li fl-aġenda u l-prijorità nazzjonali u internazzjonali jridu jsiru ferm iktar sforzi diplomatiċi sabiex dak li hu għaddej f’Gaża u fl-Ukrajna jieqaf. Huwa minnu li d-dinja paċifika għandha quddiemha żewġ bnedmin li nxeħtu f’toroq li ma jistgħux iwasslu għal xejn salv għal iktar inkwiet. Żewġ xenarji differenti fiċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom imma li t-tnejn qed ikissru dak kollu li d-dinja tirrappreżenta u tiggarantixxi. Biss, sija Binyamin Netanyahu, kif ukoll Vladimir Putin, mit-tnejn minnhom jiddependi jekk din il-mewġa ta’ distruzzjoni tiqafx. It-tnejn għandhom responsabbiltajiet legali u morali kbar fuqhom. It-tnejn qed ikomplu jwebbsu rashom f’sitwazzjoni fejn issa ma tistax fl-aħħar tiddikjara li dak li qed iwettqu jista’, b’xi mod, jiswa għal xi ħaġa li se ġġib il-progress għall-poplu tagħhom.

Distinzjonijiet

6. Hemm min irid jiddistingwi fiż-żewġ xenarji u hemm punti ta’ differenza. Biss, id-dożi qawwija ta’ suppervja li qed naraw ma jippermettulniex dejjem li niddistingwu. Binyamin Netanyahu forsi jista’ jċedi iktar għall-pressjoni li qed issirlu minn diversi pajjiżi. Bi Vladimir Putin issa iktar diffiċli biex tasal miegħu. Imma anki dawn l-inizjattivi, kemm dawn huma effettivi jiddependi mis-saħħa li qed tintuża. Argumenti u passi sabiex it-tnejn jifhmu li l-massakru li għaddej għandu jieqaf. U ċertament iktar għal Binyamin Netanyahu li jifhem li jekk ma jridx iħalli lil pajjiżu f’dan ix-xenarju kostanti ta’ attakki għandu jħares lejn it-twaqqif veru ta’ Stat Palestinjan. Jifhem iktar li l-prospett tal-progress li l-pajjiżi ta’ madwaru fehmuh. Fehmu li fid-djalogu u l-paċi javvanzaw ’il quddiem il-bnedmin. Dawn huma t-toroq soċjali, kulturali u ekonomiċi li jiggarantixxu l-paċi fid-dinja u li minnhom tinbena l-ikbar sigurtà tal-progress li ma jiqafx fl-ideat, fl-istituzzjonijiet u l-karattru tar-razza umana.

Fejn sejrin

7. F’dan kollu huwa iktar ikkumplikat dak li sejrin għalih. Is-sena d-dieħla, jekk ma jinbidel xejn, f’dan il-prospett ser ikun hemm iktar distruzzjoni. Ninnota li l-passi li qed jittieħdu minn diversi Stati ma jwasslux lejn dak li ser insibu quddiemna. Jekk il-prezzijiet għolew minħabba dawk il-gwerer daqshekk ieħor ser ikomplu, proprju għax mhumiex qegħdin jieqfu. Ser tidħol b’aktar saħħa l-mentalità u l-linji ekonomiċi li jakkumpanjaw gwerra. Ser immissu ma’ aktar tbatija diretta lill-popli Ewropej, aħna ċertament inklużi. Ser naraw dak li naħsbu li ma jistax jintmess, jikkrolla. Ser naraw inqas passi ta’ progress u ser ikollna nikkonċentraw aktar f’li nżommu dak li għandna għaddej. Proċess li miegħu jġib iktar diffikultajiet lil kull persuna, b’mod partikolari u aktar lil min qiegħed l-iktar ’l isfel fis-soċjetà tagħna.

Pjan fit-tul

8. F’dan kollu huwa iktar u iktar importanti li nifhmu r-realtà u nibnu programm u pjan lejn dak li ġej. Min qiegħed jilludi ruħu l-kontra ser isib ruħu jmexxi poplu fid-deżert. Min jaħseb li dan mhuwiex ser imissna direttament, iktar u iktar. Pajjiżna għandu d-dimensjoni tiegħu, imma dan ma jfissirx li ser jgħaddi kollox mingħajr ma jmissu. Anzi, f’dawn iż-żminijiet irridu nifhmu aktar li għandna sehem x’nagħtu. Għandna dak li nkunu vuċi kostanti kontra din il-forza ta’ distruzzjoni li hi għaddejja. Inkunu fost dawk li ma jiqfux jinsistu fid-dinja li bil-paċi biss li tista’ tassigura l-progress. Fiha biss inħarsu biex inkabbru l-ħajja mingħajr ma neqirdu d-dinja.

26.2.24

X'JAĦSEB LI SER JIEĦU?

1. Dħalna fit-tieni sena fl-isqaq li l-oċċident jinsab fih. Illum inqumu biex niftakru li fl-24 ta’ Frar 2022, il-Federazzjoni Russa ddeċidiet li tinvadi l-pajjiż ġar tal-Ukrajna. Niftakru f’dawn ix-xhur twal li minnhom ħsara biss ħarġet. Imwiet, tkissir, devastazzjoni ġenerali u fl-aħħar mill-aħħar kollox jidher wieqaf, b’daqqa naħa u daqqa oħra timxi kilometri fuq l-avversarju tagħha. Iktar gravi f’dan kollu hu l-proċess ekonomiku fejn l-infiq huwa dejjem iktar qawwi fl-armamenti mad-dinja kollha. Il-kontra tal-ispirtu sħiħ ta’ dak kollu li l-Ġnus Magħquda tirrappreżenta. Il-kontra tal-esperjenza kiefra li t-Tieni Gwerra Mondjali tat. Il-memorja kollettiva u ċara, li minnha kien hemm identità komuni biex nimxu lejn soċjetà bbażata fuq aktar ġustizzja u paċi.

M’hemmx waqfien

2. Waqt li nisimgħu bi trattattivi sabiex il-kunflitt f’Gaża jieqaf, u jidher li hemm sinjali li jafu jwasslu lejn ftehim, hawnhekk le. Kull naħa qed tistenna l-mument meta tista’ tiddikjara li hija “rebbieħa” fuq l-oħra. Imma l-eventi ta’ dawn l-aħħar erbgħa u għoxrin xahar juru li dan diffiċli ħafna biex jiġi dikjarat. Jekk ma jibdiex, b’aktar serjetà, il-proċess lejn ftehim is-sitwazzjoni ser tkun iktar ikkumplikata. Hemm il-mument meta, fuq naħa jew oħra, l-impenn u d-determinazzjoni jieqfu. Mhux biss, imma hemm dejjem fir-riskju li l-pożizzjoni tiġi ferm iktar ikkumplikata. Iktar pajjiżi jiddaħħlu direttament fil-kunflitt. L-armamenti ma jirraġunawx ladarba jiġu sparati, u fejn ser ikunu qed joqtlu ħadd ma jaf. Imma fil-frattemp ħadd mhuwa jieħu wisq. Anzi, hemm iktar diffikultajiet u problemi li qed jiżdiedu.

Spiċċaw diversi tamiet?

3. F’dan hemm in-nuqqas tad-dinja demokratika fi ħdan il-Ġnus Magħquda li tifhem il-pożizzjoni. Wisq bnedmin mhux jirrealizzaw li l-ispirtu ta’ tiġdid u tama li din l-organizzazzjoni irrappreżentat issa, f’dawn is-sentejn, qed tonqos u tissogra li tintilef. Hemm dejjem lok għal riformi interni li jistgħu jsiru. Imma fuq in-naħa l-oħra hemm l-impass ta’ pajjiżi li jirnexxilhom iwaqqfu dak li għandu jsir. Fl-1995, rapport ikkummissjonat biex iħares lejn il-futur f’dan kien iddikjara: “We start from a positive assumption. We see that human creativity and invention have made the conditions of life across a good portion of this planet far better than they were fifty years ago. A majority of people today enjoy a standard of living considerably superior, in material terms at any rate, to that of their grandparents. The regions of the world and their peoples, still widely separated only yesterday, face the future as a community drawn ever closer by shared ideas, by communication, by economic exchanges, and we believe, by a common yearning for freedom and peace.

Hemm element ta’ konvenjenza

4. L-għan komuni lejn il-paċi u l-libertà fid-dinja llum, wara kważi tletin sena, irid jiġi eżaminat quddiem din il-prova kbira. Irid jiġi aċċettat li dak li raw, kitbu u ffirmaw Richard von Weizsacher (1920-2015) u Moeen Qureshi (1930-2016) ma seħħx f’dan iż-żmien. Mhux mhuwiex kapaċi jseħħ, imma li preżentement hawn wisq diffikultajiet. L-ewwel f’dan jidher li d-dinja qed tnaqqas mill-pajjiżi li jħaddnu u jħaddmu livell kostanti ta’ demokrazija. Għandna wisq tentazzjonijiet li jeħduna l-bogħod minn dik is-soċjetà li kull bniedem fid-dinja għandu dritt fundamentali għaliha. It-tieni f’dak li qiegħed biċċa biċċa, fost numru ta’ mexxejja jiżviluppa f’forma ta’ konvenjenza. Komdi fil-pożizzjoni sakemm jibqgħu jżommu l-poter f’idejhom. Komdi jistennew, mingħajr l-inizjattivi li għandna bżonn biex id-dinja terġa’ tiġi lura għall-paċi.

Il-gwerer iġibu oħrajn

5. F’dak ir-rapport kien ingħad li meta l-potenzi jingħaqdu u jikkonverġu fl-interess li jkun hemm il-paċi, il-benefiċċji jikbru. Il-ġid soċjali, ekonomiku u kulturali jikber kif dawn jiġu f’daqqa. Hekk kien qiegħed sejjer, biċċa biċċa, jseħħ. Dik kienet id-direzzjoni fl-isfidi varji li missejna magħhom. Imma meta flok dan wieħed jerġa’ jmur lura lejn il-misħuta gwerra, is-sitwazzjoni tinbidel. Iġġib l-eżempju żbaljat u miegħu dak li jħajjar oħra b’ras kbira biex huma wkoll jibdew kunflitti f’reġjuni oħra. Aktar ma l-armamenti jiġu manifatturati, aktar ikunu fil-qabda mondjali u hemm uħud jaqgħu għat-tentazzjoni li mhux biss jixtruhom, imma jużawhom. Proprju f’dan iġibu gwerer oħrajn magħhom.

Soluzzjoni

6. Proprju f’dan huwa mill-iktar żbaljat min qiegħed fid-demokrazija li flok joqgħod attent li ma jinġibidx f’dan, imur warajh. Pajjiżna għandu valur uniku fin-newtralità dikjarata u li tista’ tiġi ipprattikata b’mod intelliġenti. M’għandux għalih innifsu valur li jingħaqad f’organizzazzjonijiet militari. Jista’ jkun li jkollhom oħrajn, imma ċertament mhux aħna. Diskors fil-kontra jibqa’ biss diskors vojt. Jibqa’ dak li flok iġib il-paċi jaqbad it-triq ta’ iktar ġlied. Mhux biss juri li min qalu m’għandu ebda idea tal-istorja li għaddejna minnha flimkien mad-dinja libera. Konna u bqajna l-bogħod mid-dittatorjati. Nittama li ħadd ma jrid, issa, minflok imur fid-direzzjoni kuntrarja. Ingawdu li aħna. Naħdmu f’dak li aħna biex nibdlu s-sitwazzjoni. Inkunu fil-kurrent kuntrarju u nwasslu lejn l-isforzi neċessarji biex ikun hemm ftehim.

Riżultati

7. Il-punt prinċipali f’dan kollu huwa li wieħed irid jaċċetta li t-tmiem tal-kunflitt fl-Ukrajna għandu effetti differenti. Fil-Federazzjoni Russa, kif il-gwerra ma tibqax għaddejja, Vladimir Putin (1952) irid jaffronta r-rabja interna. Dik li ġejja mill-fatt li ma kienx hemm raġuni biex daqshekk ulied Russi jitilfu ħajjithom. Mhux biss, imma mhuwiex ser ikun hemm it-tkabbir ekonomiku li wieħed jista’ jaħseb, iktar u iktar meta llum l-imbuttar ġej mill-manifattura tal-armi. Il-post-kunflitt huwa dak ta’ iktar faqar u kumplikazzjonijiet soċjali. M’hemmx futur f’dan, u proprju għalhekk iktar ma titkompla l-gwerra iktar hija konvenjenti għall-ġerarkija Russa. Fuq l-oħra, Volodymyr Zelenskyy (1978) fid-demokrazija li kibret jaf li fil-paċi jista’ jiddependi fuq l-istess fondi li qed jirċievi iżda minflok f’armi jirċevihom f’ġid materjali. Għandu dan il-prospett iktar probabbli mill-ieħor li wkoll jidħol fl-Unjoni Ewropea. Mhux biss, imma issa ser jinqatgħu iktar ir-rabtiet antiki u tradizzjonali mar-Russja post-Sovjetika.

Fl-aħħar tal-jum

8. F’dan kollu wieħed irid jistaqsi: x’jaħsbu li ser jieħdu magħhom dawn il-mexxejja dittatorjali? X’riżultati ġieb Putin, salv iktar imwiet għal żewġ popli li fir-realtà huma parti mill-istess influwenzi kulturali? Ġieb tkissir, tifrik, tberbiq u indikazzjoni ċara li fit-tiranniji m’hemmx futur. Din hi l-istorja kostanti tad-dinja. Iktar u iktar fil-bżonn li vuċijiet dissidenti, flok jiġu tollerati jridu jiġu eliminati. Il-mewt ta’ Alexei Navalny f’dawn il-jiem hija indikazzjoni iktar ċara li m’hemmx futur f’din it-triq. Il-poplu Russu m’għadux maħkum minn żmien l-Unjoni Sovjetika. Huwa wieħed kapaċi jifhem li hemm toroq oħrajn għalih. Poplu Nisrani u li huwa mimli kultura. Ċert li huwa stess qed jistaqsi: x’jaħseb li ser jieħu?

 

13.2.24

AKTAR DOŻI TA' ĠUSTIZZJA SOĊJALI

1. F’numru ta’ mumenti nipperswadi ruħi li l-pajjiż għandu Gvern mimli wisq b’politika tal-lemin. Ma naħsibx li jiena waħdi, u fl-aħħar mill-aħħar nara li dan qiegħed joħroġ ukoll fl-istħarriġ li minn xahar għal xahar qed naraw fil-gazzetti. F’dan, kien iktar evidenti li l-Partit Laburista qiegħed jagħraf din il-kritika. Kien minħabba dan li fl-aħħar Budget saret enfasi fuq il-prinċipji tal-partit, fis-sens li numru ta’ kelliema, f’diversi mumenti ħadu ħsieb jiddikjaraw li huma Soċjalisti. Kemm ikkonvinċew lill-elettorat, ma nafx. Kemm ħarġu b’ideat ispirati mill-wirt politiku tax-xellug nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, ħafna baqgħu b’dan id-dubju. Hemm wisq lemin f’dak li qiegħed isir li ħadd mhu jemmen, iktar u iktar f’kemm dan il-partit ġie viċin aktar dawk li jinsabu fuqnett fis-soċjetà.

Mitt sena

2. Nifhem li Vladimir Lenin (1870-1924) ma kienx wisq popolari magħna, avolja diversi kienu qalgħu b’rigal, f’dawk iż-żminijiet passati, ix-xogħlijiet sħaħ tiegħu. Anki l-Partit Laburista stess ma kienx sostenitur kbir tiegħu. Biss, uħud kienu qraw u influwenzaw ruħhom bil-politika sħiħa f’dak li huwa x-xellug komplessivament. Ċertament ma setgħetx tinqabad xi forma ta’ art hawn, fuq dawn il-gżejjer, għal dik il-politika. Biss hemm lok, anki jekk mhux daqshekk qawwi, li niftakru fih fil-mitt sena mill-mewt tiegħu li seħħet fil-21 ta’ Jannar 1924. Inħarsu lejn dak li kiber u żviluppa f’dik li saret l-Unjoni Sovjetika. Il-pedament tal-ideat li għamlu dik l-istruttura organizzattiva, bid-difetti jew bil-vantaġġi li uħud minn tagħha influwenzaw. Il-perjodu storiku li għaddejna minnu ma jistax jiġi injorat. Dak li sar u dak li ġieb miegħu, b’xi mod għadu magħna. Mhux biss, imma miegħu hemm ukoll dak li seħħ wara. Il-ħsieb politiku li żviluppa wara l-waqgħa tal-Ħajt u fit-tmiem ta’ dik l-allejanza Sovjetika, preżentement ġabar warajh parti minn dak li għandna llum. Favur jew kontra hemm qegħdin, u tajjeb li nkunu nafu bihom. Tajjeb li niftakru li Vladimir Putin, li twieled fl-1952, ġie edukat u trabba f’dan l-ambjent. Mhix daqshekk sorpriża l-politika li jħaddan u jipprattika.

Stat u Rivoluzzjoni

3. Dan huwa t-titolu ta’ dak li l-ktieb li nfluwenza ħafna mid-dinja Sovjetika ħareġ mill-pinna ta’ Lenin. Mimli b’ideat u biċċiet ta’ kitbet Karl Marx u Friedrich Engels, u li stabbilixxa influwenza partikolari għax-xellug. F’dan hemm dawn il-kliem, li fiċ-ċirkostanzi tallum, jitolbu attenzjoni: “Noi siamo per la repubblica democratica, in quanto essa è, in regime capitalista, la forma migliore di Stato per il proletariato, ma non abbiamo diritto di dimenticare che la sorte riservata al popolo, anche nella più democratica delle repubbliche borghesi, è la schiavitù salaritaria.” (Aħna favur ir-repubblika demokratika, għaliex din hi, f’reġim kapitalista, l-aħjar forma tal-Istat għall-proletarjat, imma m’għandniex id-dritt ninsew li dak li jiġi fuq il-poplu, anki fl-iktar repubbliċi tal-borgeżija demokratika, huwa l-iskjavitù fis-salarju.) Ideat minn era oħra forsi, imma wkoll parti minn dak li għandna nieħdu wkoll in konsiderazzjoni. Dak li ma twettaqx u dak li ma setax jitwettaq flimkien ma’ dak li għandu.

X’effetti


4. Wara tant snin, wieħed jista’ jasal għal żewġ konklużjonijiet. Fuq naħa kif u x’kienu r-raġunijiet għala dak kollu li nkiteb u ġie maħsub fid-dinja Sovjetika ma rnexxilux iwassal sabiex il-ħaddiem jimxi ’l quddiem. Fuq l-oħra, f’dak kollu li żviluppa, id-demokrazija tagħna fl-Ewropa hijiex waħda soċjali jew baqgħetx ekonomika. Illum il-ġurnata għandna nistaqsu aktar lilna nfusna jekk ngħixux f’soċjetà Maltija u f’dinja Ewropea fejn il-Ġustizzja Soċjali hija prijorità. F’dan għandna niddiskutu kemm hemm elementi li tradizzjonalment huma tax-xellug li jinsabu fil-kalatura tad-deċiżjonijiet li qegħdin jiġu meħuda mill-Gvern preżenti, u konsegwentement, mill-Istat Malti. Għandna aktar, bħala partit taċ-ċentru u Demokratiku-Kristjan, li nagħrfu d-duttrina soċjali tal-Knisja Kattolika bħala fonti ta’ ideat u ispirazzjoni nistaqsu kemm aħna konxji ta’ din ir-responsabbiltà.

Dejjem fil-proċess

5. Il-Ġustizzja Soċjali hija dejjem fi triqitha. Miexja ’l quddiem bħal kull sistema verament demokratika. Mingħajr politika favur il-Ġustizzja Soċjali fl-għarfien sħiħ tagħha u fl-implimentazzjoni daqshekk ieħor intelliġenti tagħha, is-soċjetà tibqa’ lura. Tmur lura jekk ma tkunx il-ħin kollu attenta għal dak li jkun għaddej fis-soċjetà. Jekk ma tistabbilixxix bħala prijorità għaliha li tara u taċċetta li hemm bnedmin fi ħdanha li inevitabbilment qed imorru lura. Li hemm ħafna bnedmin li, indipendentement minn dak li jwettqu huma b’ħajjithom, ser jispiċċaw fil-bżonn ta’ għajnuna mingħand oħrajn. Soċjetà li trid tkabbar id-demokrazija tagħha f’dan trid tagħraf li ma tistax timxi waħedha ’l quddiem mingħajr ma tħares lura. Ma tistax tafda fis-suq li ser ikun xi forma ta’ strument ta’ Ġustizzja Soċjali. Il-verità hija li ma jistax ikun, u fir-realtà nagħarfu li dan, jekk mhux ikkontrollat b’għaqal, jispiċċa joħloq u jqiegħed aktar bnedmin fix-xifer tas-soċjetà.

Inizjattivi

6. F’dan, ċertament, il-Partit Nazzjonalista għandu sehem importanti. Il-Ġustizzja Soċjali hija parti sħiħa mill-kultura u l-valuri tagħna. Dan huwa li jiddistingwina minn ideat politiċi oħra. Inħarsu direttament sabiex naraw li kull persuna fid-demokrazija hija ikkurata u protetta. Id-dinjità umana għandna dmir li nipproteġuha fl-istrutturi sħaħ tas-soċjetà. Dan jitlob iktar mingħandna. Jitlob li nħarsu lejn l-irkejjen tad-dinja Maltija sabiex naraw kif nistgħu ngħinu b’miżuri legali u fi ħdan tal-Istat. Jitlob li nagħrfu li dan huwa dmir naturali u kostanti. Mhux sempliċi miżuri elettorali jew temporanji, imma li jħarsu dejjem fit-tul. Dawk li minnhom kapaċi nżommu l-Istat Soċjali għaddej, rilevanti u attent. Dawk li jwassluna sabiex nibdlu dak li mhux jaħdem u nħaddmuh aħjar. Pajjiżna rridu naċċettaw fis-sħiħ li għandu dejjem il-bżonn ta’ iktar dożi tajba ta’ Ġustizzja Soċjali.

6.7.23

PATRIJOTTI JEW TRADITURI

1. Ftit jiem oħra, fis-6 ta’ Lulju, infakkaru l-488 sena mill-mewt tal-qaddis Ingliż Sir Thomas More. Persuna unika fil-valuri, fl-ideat, fil-kitba. Wieħed li jibqa’ mfakkar f’diversi aspetti. Il-bniedem, fuq kollox, li żamm mal-prinċipji tiegħu. Ma bidilx fehmtu għax kien jaqbillu fil-pożizzjoni li kien maħtur fiha, l-ogħla kariga fir-Renju Unit ta’ Enriku VIII. Żmien turbolenti imma li fih, ħafna drabi, l-irġiel jiddistingwu ruħhom. L-għażliet tiegħu jibqgħu ta’ ispirazzjoni, speċjalment għal dawk li jridu jservu tajjeb fil-ħajja pubblika. Patrun tad-deputati u li kull min jidħol fil-Kamra, huwa u jħares fuq id-dħul min-naħa tal-Oppożizzjoni, jara pittura mill-isbaħ tiegħu.

X’kien?

2. Enriku VIII u s-segwaċi tiegħu xlewh bi tradiment. Hu li kien serv fidil tal-Istat u tal-Fidi Nisranija ġie proċessat u kkundannat. Dik kienet l-iskuża legali li għaliha ressqu wkoll xhud lil Richard Rich, li xehed bi żlealtà u falsità kontra More. Il-bniedem li ġie ppremjat f’pożizzjonijiet fl-Istat proprju minħabba dan l-aġir u l-persekuzzjoni li wettaq kontra diversi Kattoliċi. L-istorja turi, anzi, kif dak il-film minsi, A Man For All Seasons (1966) ta’ Fred Zinneman jesprimi tant tajjeb: li altru dak li deher, u altru dak li kien. Fil-proċess, More kien it-traditur u Rich l-eroj. Fl-istorja, proprju l-kontra. Lezzjoni ċara għal min irid jaħdem għas-sewwa fl-avversitajiet li jsib. Dak li jrid imur kontra l-kurrent biex iseħħ dak li huwa tajjeb.

Eżempji

3. Fil-fatt, dawn il-persuni jirrappreżentaw ripetizzjoni kostanti fil-ħajja tal-bniedem. Ċiklu li, żmien wara żmien, joħroġ lura fid-dinja pubblika u politika. Dawk li jżommu mal-prinċipju, anke jekk jafu li ser jiġu mwarrba u attakkati fuq naħa, u fuq l-oħra dawk li lesti jibdlu fehmthom, ħidmiethom biex jakkwistaw. Dawk li jibqgħu sodi fl-ideat u jirrispettaw lill-oħrajn, anke jekk ikunu jafu li ser ikunu żvantaġġjati, u dawk li lesti joħorġu sejf u jdaħħluh f’dahar ħaddieħor, għax b’daqshekk jaħsbu li ser javvanzaw u jakkwistaw. Mhux il-kuxjenza ta’ kull persuna tingħata widen minnu. Mhux kull bniedem għandu fih l-għarfien ta’ dak li huwa tajjeb, dak li huwa ħażin. Jew li jagħraf dak li hu ġust minn dak li huwa nġust. Kull bniedem, f’ħidmietu juri dak li hu. Kif qrajna din il-ġimgħa: “Mill-frott tagħhom tagħrfuhom. Jaqaw jiġbru għeneb mix-xewk, jew tin mill-għollieq? Hekk kull siġra tajba frott tajjeb tagħmel, imma s-siġra l-ħażina frott ħażin tagħmel.” Gwida universali, unika, u li kull min isegwiha ma jagħlix, għax jaf li aħjar ma jiħux dak li jiġi għandu minn toroq żbaljati.

Il-kumplikat

4. F’dan il-proċess, li fih hija l-lealtà lejn il-verità li tgħarbel u xxaqleb naħa jew oħra. Jekk intix lest timxi magħha jew li tiċħadha. Mhux biss, imma kif jiġrilhom dawk li jkunu fil-poter: jibdew jaraw ta’ madwarhom u jfaħħruhom, anki fuq dak li m’għandhomx. Jgħidulhom kemm huma tajbin, anke fejn ikunu żbaljaw. Flok jiftħulhom għajnejhom, iżidulhom fl-għamad. Flok jgħidulhom il-verità, jidħlu fil-proċess li jaħbuha. Dawk li jistgħu jkunu ta’ gwida jispiċċaw mhumiex. Dawk li jistgħu jgħinu, minflok ikomplu jikkumplikaw. It-tiranni u dawk il-mexxejja mimlija bihom infushom faċli jaqbdu din ir-rotta. Faċli jidħlu fil-ħsieb li flok taffronta l-fatt trid, b’xi mod, tasal għall-kompromess li jħallik hemm, flok jibdlek.

Alexander Baunov (1969)

5. Ftakart f’dan waqt li qrajt artiklu interessanti fil-Financial Times ta’ dan l-awtur. It-titlu kien dan: Russia rebellion blurs the line between patriots and traitors. Kif Vladimir Putin u Yevgeny Prigozhin jidhru llum fid-dinja wara dak kollu li ġara u għadu għaddej bejniethom. Fis-sens, l-ewwel, li hemm wieħed minnhom li hu patrijota u l-ieħor traditur. Jew it-tnejn jistgħu jakkużaw lil xulxin li l-ieħor ittradih. Baunov jgħid: “Putin has avoided the worst-case scenario: civil war-style clashes between “patriots”, bloodshed and the shelling of cities by the army.” Dan għax Putin appella lill-armata biex tikkumbatti lit-tradituri tal-kumpanija militari Wagner. Mentri Prigozhin faħħar lill-eroj patrijottiċi tal-Wagner fil-ġlieda tagħhom biex jibdlu dak li qiegħed jagħmel “ħsara” lill-poplu Russu.

It-tmiem?

6. Ma hemmx dubju li dawn iż-żewġ persuni kienu ħbieb ta’ xulxin. Putin iddependa ħafna fuq ħidmet Prigozhin f’din il-gwerra nġusta li telaq fiha. Is-suċċessi militari ta’ wieħed kienu jiddependu mill-ieħor. Sakemm kollox kien sejjer tajjeb kienu t-tnejn patrijoti. Sakemm wieħed kien qiegħed jikkumbatti u l-ieħor jibgħat it-truppi, kollox kien għaddej. Imma issa l-pożizzjoni nqalbet. Min ittradixxa lil min, kull naħa tipponta s-subgħa. Ħadd minnhom, ċertament, ma jista’ jgħid li segwa l-pariri ta’ Sir Thomas More. Ħadd minnhom, ċertament, ma jista’ jgħid li segwa l-pariri ta’ Sir Thomas More. It-tnejn iħobbu l-poter, u t-tnejn lesti li jużaw is-sejf. Ħadd minnhom m’hu leali lejn is-sewwa u l-verità. It-tnejn ġejjin mill-istess ambjenti. Persuni li sakemm jibqgħu ħajja ser jibqgħu moħħhom f’xulxin. Dak li ġie skansat illum, għada pitgħada jrid joħroġ lura. Il-forza militari li kellhom, issa hija żarmata.

Niftakru

7. Waqt li sejrin lejn is-6 ta’ Lulju niftakru li l-politika tagħti minn kollox: dawk fis-sewwa u dawk li jġibu d-dnewwa. Pajjiżna wkoll għandu iktar x’jitgħallem minn dan. Jifhem li, fl-għażliet li jagħmel, iqis lil min jagħti frott tajjeb u min le. Jifhem li altru dawk li jgħidu ħafna u ma jwettqu xejn u dawk li, fis-silenzju, jirnexxilhom jibdlu għat-tajjeb. Iqisu dak li sar u jaraw jekk kienx temporanju jew baqax maż-żmien. Jekk deher li ser jagħti l-frott u baqa’ ma tax. Jekk fil-fatt tax. F’dan, ċertament tajjeb li wieħed jifhem liema huma l-veri patrijotti u liema huma t-tradituri ta’ pajjiżna.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...