Showing posts with label gwerra fl-Iran. Show all posts
Showing posts with label gwerra fl-Iran. Show all posts

28.4.26

KIEN ILU JWISSINA

1. Konna nisimgħuh u ma konniex nagħtu biżżejjed piż għal dak li kien qiegħed jgħidilna. Smajnih imma ma ħadniex ħsieb nagħtuh ir-raġun. Anzi, kif jiġri, diversi drabi ġie njorat għax dak li kien qiegħed jgħidilna ma kienx idoqq għal widnejna. F’ħafna kien vuċi fid-deżert politiku u mondjali. Anki dawk stess li kellhom id-dmir li jsegwuh, huma wkoll għażlu li jibqgħu pass lura. Biss, illum wara sena mill-mewt tiegħu, wieħed irid iħares lura mill-ġdid u jifhem kemm huwa kellu raġun. Mhux minnu naqas. Semma leħnu mal-irjiħat u mal-irkejjen kollha tad-dinja.

Għaddiet sena

2. Fil-21 ta’ April tas-sena li għaddiet ġie nieqes il-Papa Franġisku. Ta’ tmienja u tmenin sena ġie msejjaħ lura lejn il-Ħallieq tagħna lkoll. Wara ħajja ta’ ħidma favur il-bniedem, favur dawk li huma l-inqas fis-soċjetà. Wieħed li fil-kariga kkarga ferm iktar il-vuċi tiegħu. Altru tkun Isqof, altru Kardinal u altru Papa. Bergoglio ħa ħsieb jitkellem u jwassal il-messaġġ tiegħu fuq kull livell. Dak spiritwali, dak pastorali u dak politiku. B’kull mezz possibbli. Kull forma ta’ komunikazzjoni li hemm fid-dinja sabiex il-vuċi tas-sewwa tasal fejn għandha tasal.

Enċikliċi

3. Infakkar fid-diversi enċikliċi li ħa ħsieb li jiġu ppubblikati. Huma f’idejna. Uħud qrajnihom, oħrajn le, imma l-verità hija li għadhom rilevanti sal-lum. Jixraq li jinqraw mill-ġdid proprju għax huma mimlija b’għerf u sustanza. Il-Papa Ljun XIV deher li fehem aktar dan u diġà qiegħed jitlob li fil-Konċistorju li ġej, il-Kardinali jiflu sew l-enċiklika Evangelium Gaudium. Dan sabiex jiġu segwiti l-linji pastorali li huwa indika għalina. Messaġġi ċari, sija fir-rilevanza, kif ukoll li dawn mhumiex parti mill-passat remot, imma mill-preżent attwali. F’dan nibqgħu nifhmu li Franġisku għadu magħna u kliemu huwa ta’ gwida li jesiġu mingħandna li naqrawhom sew. Fortunatament il-Knisja għad għandha l-għerf li ma tagħmilx dak l-iżball li tiskarta u tinsa, imma tagħti piż u rilevanza.

Fid-dinja politika

4. Il-Papa Franġisku kien vuċi qawwija favur il-paċi fid-dinja. Waħda li tħares fl-istorja u tiddikjara li ma hemmx ġid mill-gwerer. F’dinja li flok qed insolvu l-kunflitti, qed nieħdu ħsieb li nkattruhom. Dawk li l-aktar jippontifikaw favur kemm iġibu t-tmiem, huma dawk li bħalissa qegħdin iżiduhom. Ninsabu f’xenarju internazzjonali fejn kull skuża hija tajba sabiex jintużaw l-armamenti. Dawk ta’ kull tip. Li ma tantx jiswew, bħal dawk li l-Ukrajna tuża, jew dawk l-iktar li jiswew, bħal dawk li qed tibgħat l-Istati Uniti. Hemm min jiddefendi u hemm min qiegħed jattakka sew. Hemm min jiddikjara li ser isolvi u hemm min iktar jikkumplika. Il-verità hija li dħalna f’dinja fejn ma hemmx kap jew kuda. Diversi jafu b’dan. Ħafna inkwetati, oħrajn jistennew il-mument opportun biex jintervjenu. Xenarju mill-iktar ikrah, u fil-preżent, kważi permanenti. Ħadd ma jista’ jsib tarf ta’ dak li ninsabu fih.

It-Tielet Gwerra Mondjali

5. Papa Franġisku kien iddikjara diversi drabi li d-dinja qabdet it-triq għat-Tielet Gwerra Mondjali. Qabel ħafna, jien inkluż, forsi rajnih qiegħed jesaġera. Illum però l-pożizzjoni hija differenti ferm. Bi Presidenti bħal Donald Trump fuq naħa, u Vladimir Putin fuq in-naħa l-oħra jew flimkien miegħu, ma hemmx wisq possibilità li l-affarijiet jinbidlu. Meta taġixxi militarment huwa dejjem perikoluż. Ferm u ferm iktar meta tidħol fil-kunflitt mingħajr ma tifhem il-kuntest u l-konsegwenzi tal-aġir sħiħ tiegħek. Tidħol mingħalik li ser issolvi, u minflok, tikkumplika l-affarijiet inti stess. Nibqa’ skantat kemm il-bnedmin idumu biex jifhmu li d-diskors vojt hekk jibqa’: diskors vojt. Iktar minn hekk, dak tar-raġuni u bis-sens, flok imexxuh u jiddependu minnu, jiskartawh.

Ninsabu wieqfa

6. Bħalissa, u iktar minn qatt qabel, ninsabu wieqfa f’xenarju fejn il-gwerra fl-Iran ma tista’ tissolva b’xejn. Ikun aħjar jekk jieqfu l-messaġġi fuq il-medja soċjali u jingħata spazju lid-diplomazija. Xi żball kbir għandna ftit jistgħu jagħrfu. Dikjarazzjoni li ser tinqered ċiviltà ma tagħmel xejn salv li tiftaħ il-bieb sabiex jitħajru oħrajn li jsegwu. Ħadd m’għandu jilludi ruħu. Is-soluzzjonijiet ser jonqsu u l-kumplikazzjonijiet ser jiżdiedu sew. Iktar u iktar meta l-prezzijiet taż-żejt u tal-gass qed jitilgħu u ser jibqgħu jitilgħu. Hija d-daqqa vera li l-poplu Amerikan diġà qiegħed iħoss, u dan, il-Gvern tal-Iran jafu. Huma diġà batew, u m’għandhom l-ebda diffikultà li jgħaddu lill-oħrajn mill-istess tbatija. Proprju għalhekk li d-dinja ser tara l-Istrett ta’ Hormuz iktar magħluq, u miegħu bastimenti wieqfa, jew milquta, jew distrutti. Xenarji xejn sbieħ li qed jassiguraw li l-ħajja tkompli togħla.

Wara dan

7. F’dan kollu, u waqt li naraw li lanqas il-kunflitt fl-Ukrajna mhu ser jieqaf, nistgħu nifhmu li sejrin lejn perjodu itwal ta’ gwerra u fejn l-armi ser jidħlu biex jippruvaw isolvu dak li ma jistax jiġi solvut. Bdiet triq soda li sakemm ma jkunx hemm bidla fil-mexxejja u fil-mentalità, l-affarijiet hekk ser jibqgħu. Forsi l-elezzjonijiet li ġejjin f’dak il-pajjiż ser jibdlu l-imħuħ. Min jaf jekk tirbaħx ir-raġuni jew tibqax telliefa, vittma tal-ġenn uman. Jekk le, nistgħu biss niftakru f’dak li Franġisku kien qalilna. Kien wissiena sew u ma tajniex kasu. Illum ninsabu fi kliemu.

14.4.26

TELLIEFA U REBBIEĦA

1. Bil-waqfien mill-ġlied li nittamaw li jinżamm fl-Iran, id-dinja tista’ tifhem u tistaqsi. Tifhem sewwasew x’ġara u kemm kien hemm tifrik. Tistaqsi jekk xi parti fil-kunflitt ħarġitx rebbieħa jew telliefa. Dawn il-ġimgħat twal li rajna u smajna sa ċertu punt huma indikazzjoni li meta jitkellmu l-armi, id-dinja tmur komplessivament lura. Min daħal direttament effettwa direttament u indirettament lil diversi oħra, li fl-għaqal politiku tagħhom għażlu li ma jidħlux. Diġà d-diversi stati paċifiċi fir-reġjun sabu ruħhom attakkati b’telf ta’ bnedmin u tal-infrastrutturi rispettivi tagħhom. Primarjament żieda konsiderevoli fil-prezz taż-żejt u l-gass u wkoll daqqiet lill-industrija marittima u tat-turiżmu.

Fuq min tista’ tiddependi

2. F’dan iktar wieħed irid jistaqsi u jipprova jifhem min huma dawk li huma stabbli fil-politika barranija tagħhom. L-alleat tradizzjonali, l-Istati Uniti tal-Amerika, f’dawn il-mumenti mhuwiex proprju dak li tista’ taħlef fuqu. Id-deċiżjonijiet li ttieħdu, u kif ġew meħuda iqegħduna fil-pożizzjoni fejn mhux biss niddubitaw imma nibqgħu passi lura. Anki jekk hemm min irid iżarma, jew żbaljatament jattakka pajjiżi li jinsabu ġewwa n-NATO, xorta sewwa għamlu dawk li ma segwewx din l-azzjoni militari. Il-kawtela kienet ispirata mill-għaqal u l-għarfien li hemm storja politika twila li tfakkar li passi bħal dawn f’dak ir-reġjun huma, aktar u aktar u fl-aħħar mill-aħħar, kontro-produċenti.

Alleanzi oħra

3. F’dan ix-xenarju, fejn ilkoll qed naraw l-effetti ekonomiċi negattivi għall-popli. Dawk li ma ħadux sehem, kif ukoll f’dawk li ħadu, id-dinja ser tara iktar tbatijiet minn dawk li ċertament m’għandha ebda forma ta’ bżonn. Wara dak li għaddejna minnu qabel, fis-snin ta’ qabel, wieħed kien qiegħed iħares sabiex ikun hemm iktar stabilità u l-prezzijiet, speċjalment fuq l-ikel, jinżammu l-iktar ’l isfel possibbli. Jista’ ma jkunx hemm limitu jew jista’ jkun hemm permessi varji, imma jidher ċar li iktar pajjiżi ser jiddejnu. Ser isiru fil-fatt iktar ekonomikament vulnerabbli u fil-kważi impossibilità li jieħdu l-arloġġ lura.

Hormuz jew le

4. F’dan, anki jekk il-passaġġ marittimu effettivament jinfetaħ lura u l-prezzijiet taż-żejt u l-gass jinżlu, xorta hemm l-effetti. Dak li ntilef u dak li ntefaq minħabba dak li seħħ sa issa mhuwiex ser jinġieb lura. Minflok ninsabu fil-pożizzjoni li issa li l-Iran u diversi oħra fehmu kemm din ir-rotta ekonomika hija importanti, ma hemm xejn li jżomm, fil-futur, l-użu politiku tagħha. Jekk xi ħadd irid jattakka l-ekonomija mondjali, kull ma jrid jagħmel hu li jassigura li din ir-rotta tiġi perikolata. Jista’ f’dan li dawk li kellhom isofru l-attakki jagħmlu l-kontijiet fi bnedmin u distruzzjoni, imma hemm il-futur. Dan mhuwiex ser ikun kif taħseb il-mentalità ta’ xi wħud. Bidla fir-reġim ma kienx hemm; anzi ġie prodott aktar ir-riskju li din tiġi ssudata iktar minn qabel bi bnedmin li jidħlu fil-vojt li ġie maħluq fis-setturi marbuta mal-estremiżmu. Mhux ser ikun hemm klima differenti milli kellna qabel.

Id-dadi ma jaħdmux

5. Id-dinja politika, għal ħafna snin tagħraf li deċiżjonijiet ta’ din il-portata jitolbu aktar ħsieb. Jitolbu aktar għarfien tal-konsegwenzi tal-passi li wieħed jieħu. Dan jidher ċar li ma ġiex meħud. Ħafna mxew bil-ħsieb li jekk tneħħi lil min jikkmanmda fl-Iran, allura kollox kien ser jikkrolla. Direzzjoni sempliċistika f’settur mill-iktar ikkumplikat. Mhux biss, imma għada pitgħada, dejjem jekk l-attakki effettivament jieqfu, ser naraw l-Unjoni Ewropea aktar b’saħħitha. Dan għax uriet li hija stabbli u ma tistax tinġibed f’kunflitti li ma temminx fihom. B’attenzjoni ser tkun benefiċjarja aktar u aktar għax uriet li hemm distinzjoni bejnha u bejn l-amministrazzjoni tal-President attwali. F’dan wieħed jifhem għala hemm daqshekk interess fl-elezzjonijiet li se jsiru fl-Ungerija. Jekk il-Gvern ta’ hemm jinbidel, allura l-Unjoni Ewropea tkun tista’ timxi aktar ’il quddiem u ma tibqax bi stat fil-pożizzjonijiet li huwa sa issa ħaddan.

Anki jekk

6. Anki jekk ikun hemm lura xi forma ta’ ftehim u aġir fil-paċi, xorta nibqgħu bil-problema tal-kunflitt fl-Ukrajna. Għalkemm minn dan li rajna waqafna nisimgħu bl-istess intensità u f’ċertu sens, intesiet. Imma fil-fatt din hija determinant sabiex l-affarijiet jiġu f’pożizzjoni aħjar. Xenarju fejn, kif inhuwa quddiemna, l-Istati Uniti, bl-iskuża li l-membri l-oħra tan-NATO ma tawhiex appoġġ, ser tkompli tirtira milli tgħin lil dan il-poplu. Rigal fuq platt għal naħa u fl-istess ħin ukoll rikonoxximent li l-armi moderni jiswew flus kbar u trid il-fondi biex issostnihom. Dak li ntefaq fl-Iran hemm prezz ekonomiku għalih anke hawn. F’dan ser naraw xenarju ġdid li jitlob aktar stabilità u viżjoni fit-tul ta’ fejn irridu nkunu u mmorru fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Għad fadal

7. Fl-erba’ snin ta’ din l-amministrazzjoni fl-Istati Uniti għad fadlilna aktar minn sentejn u nofs tagħha. Bdejna nduqu dak li bnedmin f’politika mhux iffurmata fl-istorja tad-dinja u fil-kultura li nġabret, qed jiddeċiedu. Deċiżjonijiet li jżidu ħafna fil-gravità tagħhom proprju għax hemm armament li stati u mexxejja oħra li jista’ jkollhom dawn l-ideat, m’għandhomx. Huwa evidenti li ma hemmx vuċijiet li jwaqqfu u jikkoreġu sabiex ma jkollniex dak li qed naraw. Anzi, huwa ċar quddiemna li kull min b’xi mod kien kontra, jew huwa, tneħħa jew ser jitneħħa. F’dan l-ekonomiji mondjali ser isofru ferm aktar. Għax fir-realtà, quddiem dak li għaddejna minnu u dak li ser ngħaddu minnu f’xenarji oħra, f’kumplikazzjonijiet oħra ma hemmx rebbieħa. Hemm biss telliefa.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...