13.2.24

AKTAR DOŻI TA' ĠUSTIZZJA SOĊJALI

1. F’numru ta’ mumenti nipperswadi ruħi li l-pajjiż għandu Gvern mimli wisq b’politika tal-lemin. Ma naħsibx li jiena waħdi, u fl-aħħar mill-aħħar nara li dan qiegħed joħroġ ukoll fl-istħarriġ li minn xahar għal xahar qed naraw fil-gazzetti. F’dan, kien iktar evidenti li l-Partit Laburista qiegħed jagħraf din il-kritika. Kien minħabba dan li fl-aħħar Budget saret enfasi fuq il-prinċipji tal-partit, fis-sens li numru ta’ kelliema, f’diversi mumenti ħadu ħsieb jiddikjaraw li huma Soċjalisti. Kemm ikkonvinċew lill-elettorat, ma nafx. Kemm ħarġu b’ideat ispirati mill-wirt politiku tax-xellug nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, ħafna baqgħu b’dan id-dubju. Hemm wisq lemin f’dak li qiegħed isir li ħadd mhu jemmen, iktar u iktar f’kemm dan il-partit ġie viċin aktar dawk li jinsabu fuqnett fis-soċjetà.

Mitt sena

2. Nifhem li Vladimir Lenin (1870-1924) ma kienx wisq popolari magħna, avolja diversi kienu qalgħu b’rigal, f’dawk iż-żminijiet passati, ix-xogħlijiet sħaħ tiegħu. Anki l-Partit Laburista stess ma kienx sostenitur kbir tiegħu. Biss, uħud kienu qraw u influwenzaw ruħhom bil-politika sħiħa f’dak li huwa x-xellug komplessivament. Ċertament ma setgħetx tinqabad xi forma ta’ art hawn, fuq dawn il-gżejjer, għal dik il-politika. Biss hemm lok, anki jekk mhux daqshekk qawwi, li niftakru fih fil-mitt sena mill-mewt tiegħu li seħħet fil-21 ta’ Jannar 1924. Inħarsu lejn dak li kiber u żviluppa f’dik li saret l-Unjoni Sovjetika. Il-pedament tal-ideat li għamlu dik l-istruttura organizzattiva, bid-difetti jew bil-vantaġġi li uħud minn tagħha influwenzaw. Il-perjodu storiku li għaddejna minnu ma jistax jiġi injorat. Dak li sar u dak li ġieb miegħu, b’xi mod għadu magħna. Mhux biss, imma miegħu hemm ukoll dak li seħħ wara. Il-ħsieb politiku li żviluppa wara l-waqgħa tal-Ħajt u fit-tmiem ta’ dik l-allejanza Sovjetika, preżentement ġabar warajh parti minn dak li għandna llum. Favur jew kontra hemm qegħdin, u tajjeb li nkunu nafu bihom. Tajjeb li niftakru li Vladimir Putin, li twieled fl-1952, ġie edukat u trabba f’dan l-ambjent. Mhix daqshekk sorpriża l-politika li jħaddan u jipprattika.

Stat u Rivoluzzjoni

3. Dan huwa t-titolu ta’ dak li l-ktieb li nfluwenza ħafna mid-dinja Sovjetika ħareġ mill-pinna ta’ Lenin. Mimli b’ideat u biċċiet ta’ kitbet Karl Marx u Friedrich Engels, u li stabbilixxa influwenza partikolari għax-xellug. F’dan hemm dawn il-kliem, li fiċ-ċirkostanzi tallum, jitolbu attenzjoni: “Noi siamo per la repubblica democratica, in quanto essa è, in regime capitalista, la forma migliore di Stato per il proletariato, ma non abbiamo diritto di dimenticare che la sorte riservata al popolo, anche nella più democratica delle repubbliche borghesi, è la schiavitù salaritaria.” (Aħna favur ir-repubblika demokratika, għaliex din hi, f’reġim kapitalista, l-aħjar forma tal-Istat għall-proletarjat, imma m’għandniex id-dritt ninsew li dak li jiġi fuq il-poplu, anki fl-iktar repubbliċi tal-borgeżija demokratika, huwa l-iskjavitù fis-salarju.) Ideat minn era oħra forsi, imma wkoll parti minn dak li għandna nieħdu wkoll in konsiderazzjoni. Dak li ma twettaqx u dak li ma setax jitwettaq flimkien ma’ dak li għandu.

X’effetti


4. Wara tant snin, wieħed jista’ jasal għal żewġ konklużjonijiet. Fuq naħa kif u x’kienu r-raġunijiet għala dak kollu li nkiteb u ġie maħsub fid-dinja Sovjetika ma rnexxilux iwassal sabiex il-ħaddiem jimxi ’l quddiem. Fuq l-oħra, f’dak kollu li żviluppa, id-demokrazija tagħna fl-Ewropa hijiex waħda soċjali jew baqgħetx ekonomika. Illum il-ġurnata għandna nistaqsu aktar lilna nfusna jekk ngħixux f’soċjetà Maltija u f’dinja Ewropea fejn il-Ġustizzja Soċjali hija prijorità. F’dan għandna niddiskutu kemm hemm elementi li tradizzjonalment huma tax-xellug li jinsabu fil-kalatura tad-deċiżjonijiet li qegħdin jiġu meħuda mill-Gvern preżenti, u konsegwentement, mill-Istat Malti. Għandna aktar, bħala partit taċ-ċentru u Demokratiku-Kristjan, li nagħrfu d-duttrina soċjali tal-Knisja Kattolika bħala fonti ta’ ideat u ispirazzjoni nistaqsu kemm aħna konxji ta’ din ir-responsabbiltà.

Dejjem fil-proċess

5. Il-Ġustizzja Soċjali hija dejjem fi triqitha. Miexja ’l quddiem bħal kull sistema verament demokratika. Mingħajr politika favur il-Ġustizzja Soċjali fl-għarfien sħiħ tagħha u fl-implimentazzjoni daqshekk ieħor intelliġenti tagħha, is-soċjetà tibqa’ lura. Tmur lura jekk ma tkunx il-ħin kollu attenta għal dak li jkun għaddej fis-soċjetà. Jekk ma tistabbilixxix bħala prijorità għaliha li tara u taċċetta li hemm bnedmin fi ħdanha li inevitabbilment qed imorru lura. Li hemm ħafna bnedmin li, indipendentement minn dak li jwettqu huma b’ħajjithom, ser jispiċċaw fil-bżonn ta’ għajnuna mingħand oħrajn. Soċjetà li trid tkabbar id-demokrazija tagħha f’dan trid tagħraf li ma tistax timxi waħedha ’l quddiem mingħajr ma tħares lura. Ma tistax tafda fis-suq li ser ikun xi forma ta’ strument ta’ Ġustizzja Soċjali. Il-verità hija li ma jistax ikun, u fir-realtà nagħarfu li dan, jekk mhux ikkontrollat b’għaqal, jispiċċa joħloq u jqiegħed aktar bnedmin fix-xifer tas-soċjetà.

Inizjattivi

6. F’dan, ċertament, il-Partit Nazzjonalista għandu sehem importanti. Il-Ġustizzja Soċjali hija parti sħiħa mill-kultura u l-valuri tagħna. Dan huwa li jiddistingwina minn ideat politiċi oħra. Inħarsu direttament sabiex naraw li kull persuna fid-demokrazija hija ikkurata u protetta. Id-dinjità umana għandna dmir li nipproteġuha fl-istrutturi sħaħ tas-soċjetà. Dan jitlob iktar mingħandna. Jitlob li nħarsu lejn l-irkejjen tad-dinja Maltija sabiex naraw kif nistgħu ngħinu b’miżuri legali u fi ħdan tal-Istat. Jitlob li nagħrfu li dan huwa dmir naturali u kostanti. Mhux sempliċi miżuri elettorali jew temporanji, imma li jħarsu dejjem fit-tul. Dawk li minnhom kapaċi nżommu l-Istat Soċjali għaddej, rilevanti u attent. Dawk li jwassluna sabiex nibdlu dak li mhux jaħdem u nħaddmuh aħjar. Pajjiżna rridu naċċettaw fis-sħiħ li għandu dejjem il-bżonn ta’ iktar dożi tajba ta’ Ġustizzja Soċjali.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...