1. Jekk wieħed ikollu jdur l-artikli varji li ktibt tul dawn is-snin li ilni nagħti sehmi fid-dinja politika jinduna. Jinduna li diversi drabi ktibt u faħħart ħidmet Eddie Fenech Adami. Hemm fihom spunti varji li f’ħafna rbatt ma’ dak li kien għaddej fuq il-linja nazzjonali. Salv dak li kont ktibt meta ġie nominat u maħtur President tar-Repubblika ta’ pajjiżna. Hemm faħħart ħidmietu u sostnejt il-pożizzjoni li kien pass politiku loġiku li huwa jiġi hekk maħtur. Għalkemm deher li huwa fl-aħħar fażi tal-karriera politika u pubblika tiegħu, fil-fatt ma kienx. Baqa’, kif jiddikjara fil-ktieb li kien inħareġ bl-isem ta’ Inservi. Ħidma Politika 1969-2009 (2009) ta’ Michael Schiavone u Leonard Callus. Baqa’ l-bniedem li jgħix man-nies u li kapaċi jifhem il-polz tal-poplu, iservihom.
Tul il-ġimgħa
2. Nikteb aktar dan fid-dawl tal-fatt li matul din il-ġimgħa ser ikun qiegħed jagħlaq disgħin sena. Proprju nhar l-Erbgħa, is-7 ta’ Frar, ser inkunu qegħdin niċċelebraw dan il-mument importanti. Wieħed li huwa, ċertament, wieħed ta’ ferħ meta wieħed jiftakar dak li dan il-bniedem, minkejja d-diversi kumplikazzjonijiet li kellu jaffronta, irnexxilu jasal għalih. Ferħ għall-fatt li għadu magħna, jgħix u jfakkarna f’dak kollu li għadda minnu. Xiehda ħajja għaliha, u fl-istess għal dak kollu li ġarrab pajjiżna. F’dak kollu li għadda minnu sabiex inġiebet lura t-triq it-tajba bid-diversi bidliet li kellhom bżonn isiru. Irnexxilu, bl-għaqal kostanti tiegħu, iġib progress soċjali u ekonomiku li l-pajjiż, fil-kumplikazzjonijiet sħaħ tiegħu, kien jiflaħ. Ċertament mhux kull deċiżjoni li ħa ġiet aċċettata minn kulħadd, u f’mumenti ġie ikkontestat ukoll, imma meta wieħed iħares lejn ħidmietu komplessivament ma jistax ma jirreġistrax li pajjiżna mexa sew ’il quddiem bil-merti tiegħu.
M’għandekx tirtira
3. F’ħafna, meta wieħed iħares lejn il-karriera politika tiegħu, jifhem iktar il-kliem ‘determinazzjoni’ u ‘perseveranza’. Għamel diversi sagrifiċċji, u miegħu l-familja, sabiex imexxi ’l quddiem partit mimli kumplikazzjonijiet u poplu daqshekk ieħor ikkumplikat. Kif biddel il-linja politika u fl-istess ħin żamm il-kolp fid-diffikultajiet u l-isfidi li s-snin ta’ bejn l-1981 u l-1987 ippreżentaw. Għamel mill-partit wieħed iktar uman, moderat, taċ-ċentru u li jaħrab l-estremiżmi li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk, kien faċli ħafna li wieħed isib ruħu fihom. Fortunatament kien kapaċi jħares ’il quddiem u japprezza lil dawk li kellu madwaru. Jifhem fejn iridu jmorru, u fl-istess ħin jagħraf kif jeħodhom. L-impenn ħawtiel u kostanti tiegħu ma naqasx. Ma kienx jistenna l-eventi, imma kien ikun protagonist fihom. Fuq kollox, wara snin fil-politika bi tmien elezzjonijiet warajh wera dak li jgħidilna tajjeb The Economist tal-ġimgħa li għaddiet: “Why you should never retire.” Dan għax, sena wara sena, baqa’ jsib il-pjaċir u l-entużjażmu li jaqbeż għall-oħrajn u jmexxi b’ħeġġa dejjem iktar soda.
Niftakar
4. Għalkemm ta’ żagħżugħ kont indum imqajjem nistenna lil missieri jiġi lura mill-Parlament jew mil-laqgħat li kien ikollu fil-ħajja politika, f’dak iż-żmien jiena ma kontx involut. Kont insegwi dak li kien ikun għaddej u nifhem iktar id-diffikultajiet varji li kienu qegħdin jiġu affrontati mill-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni. Biss, ma kontx nattendi għall-attivitajiet salv darba, meta missieri kien ħadni f’wieħed mill-aħħar mass meetings li kien sar mill-partit f’Ħal Qormi, taħt il-Kap Dr George Borg Olivier qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-1976 meta diversi partitarji spiċċaw imsawwta talli marru jivvutaw. Dawk li spiċċaw id-dar tagħna, li kienet saret forma ta’ kastell ta’ protezzjoni u affermazzjoni. Biss, wara l-elezzjoni tal-1981, meta għall-ewwel darba ivvutajt u l-Partit Nazzjonalista, għalkemm ġieb iktar voti xorta ma kellux il-maġġoranza tas-siġġijiet, bdejt nagħti sehmi sew.
Fl-Eżekuttiv
5. Mingħajr pjan jew ħsieb kont sirt membru tal-MŻPN, u f’inqas minn xahrejn membru tal-Eżekuttiv tal-istess u f’dak tal-partit. Sibtni mill-ewwel preżenti fid-diskussjonijiet politiċi xejn faċli li dak l-organu tal-partit kien qiegħed jiddiskuti. Stajt nisma’ l-ideat varji, nara l-impostazzjonijiet politiċi u lill-politiċi l-iktar prominenti ta’ dak iż-żmien jitkellmu. Fhimt iktar lil missieri f’dak li kien qiegħed jipprova jwettaq. Fhimtu fl-ideat u fl-azzjoni li l-għaqal jitlob li jittieħdu. Kien hemm min jaqbel u min le. Fl-aħħar, il-vot kien jiddetermina. Biss, f’dan ix-xenarju kont nara lill-Kap tal-Partit, Eddie Fenech Adami, jesprimi ruħu u jmexxina lkoll sabiex id-deċiżjonijiet jiġu meħuda. Kien żmien mill-iktar interessanti, li minnu tgħallimt ferm iktar milli stajt naħseb. F’dan kont inżomm posti u ma kontx inlissen kelma waħda. Attent f’dak li kien qiegħed isir.
Relazzjoni
6. F’dan kollu bnejn relazzjoni umana miegħu. Kien attent f’dak li kien qiegħed jagħmel u kont inħoss li huwa kellu fiduċja fija. F’dan niftakru meta attendejt għall-Kungress tad-Demokrazija Kristjana ġewwa Ruma, meta kont smajt lil Ciriaco De Mita (1928-2022), li kien ukoll is-segretarju tal-partit, għaddej għal erba’ sigħat sħaħ bir-rapport nazzjonali tiegħu. Niftakar li kont xtrajt numru ta’ kotba mingħand ic-Cinque Lune u hu wara qabadhom f’idejh jiddiskutihom, speċjalment dak dwar Don Primo Mazzolari (1890-1959). Niftakru jordnali li għandi mmur miegħu nieklu ma’ avukat Taljan u jgħidli li rrid noqgħod attent sew, billi riedni hemm bħala xhud u mhux għall-kumpanija. U hekk mort, u hemm tgħallimt iktar mingħandu. Kif iġġib ruħek u taffronta argumenti tal-Istat. Kien ċar għalija li kellu l-kwalitajiet kolllha.
Ma waqaftx
7. Naf li fl-Elezzjoni Ġenerali tal-1996 riedni noħroġ bħala kandidat, u li għalkemm kellimni u bagħtli l-messaġġiera, bqajt lura. Biss, meta fl-1998 aċċettajt, u sibt ruħi membru parlamentari f’distrett diffiċli, ftaħt kapitlu ieħor miegħu. Wieħed isbaħ. Fis-sens li bħala deputat kelli aċċess għalih. Kont, diversi drabi, nistaqsi lil dawk li kienu b’tant dedikazzjoni jieħdu ħsiebu. Jibgħatuni fil-kamra nistenna, u wara ftit, kienu jsejħuli. Hemm kont inressaq il-każ tiegħi u hu, li kien mimli bil-paċenzja miegħi, kien iħallini nipperswadih. Biddel numru ta’ pożizzjonijiet politiċi. U wara dik l-elezzjoni kien sar ferm iktar sensittiv għal dak li l-bażi tal-partit kienet qegħda titlob minnu. Iktar u iktar meta ried imexxina lkoll sabiex nidħlu bħala stat membru fl-Unjoni Ewropea. F’dan, mhux l-ewwel darba jew tnejn li l-ministri fil-Kabinett kienu jgħiduli li kien faħħarni fuq xi artiklu jew diskors li nkun għamilt.
Serva sew
8. Għamel diversi miżuri tajbin għal pajjiżna. Ħa ħsieb iġib fis-seħħ riformi varji. Mhux kulħadd fehmu, u kien hemm min ħadha miegħu. Biss, kont nibqa’ skantat f’kemm kelli ħbieb u kostitwenti li kienu jċemplulu direttament. Mhux darba jew tnejn kienu jgħiduli li kellmuh u li kienu mxew mal-pariri tiegħu. Kien il-Prim Ministru tal-gżejjer tagħna. Ġieb, u għadu jġib sallum, ir-rispett nazzjonali kif ukoll dak internazzjonali. Niftakar kif diversi politiċi barranin, li f’xi mument jew ieħor iltqajt magħhom, kienu jfaħħruh u jistaqsuni dwaru. Għamel il-ġid lil pajjiżna u mhux għalih innifsu. Dan għax għandu talenti uniċi inimitabbli. Iż-żarbun li libes ħadd ma jista’ jidħol fih. F’dan jixraq proprju li tul din il-ġimgħa nġibu quddiemna dan kollu u nirriflettu fuq kemm bnedmin ta’ valur kapaċi jagħmlu d-differenza fil-ħajja ta’ bnedmin oħra.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment