Il-politika mingħajr ideoloġija tieħdok f’toroq żbaljati – Id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici, li għadu kemm nieda l-ktieb ‘Carm Mifsud Bonnici – 25 sena fil-Parlament Malti’ – Intervista minn Joe Mikallef, li dehret f’Il-Mument tal-Ħadd, 18 ta’ Frar 2024
“Jekk m’għandekx diġà l-konvinzjonijiet politiċi tiegħek sodi fik tispiċċa titkaxkar u ssib ruħek bla kap jew kuda. Issib li m’għandekx boxxla, la soċjali u lanqas kulturali.”
“Issib ruħek il-bogħod mill-ġustizzja soċjali li tant jibqa’ jkollna bżonn.”
“Nammetti li l-formazzjoni li kelli fi ħdan il-Moviment taż-Żgħażagħ tal-Partit u l-qari li żammejt wara servewni biex nagħraf li d-Demokrazija Kristjana kienet u għadha rilevanti sal-lum. Ħafna soluzzjonijiet billi ħarist lejn id-duttrina soċjali tal-Knisja, u sibt bilanċ ta’ moderazzjoni li għadhom iservuni. Nittama li dan il-ktieb jgħin biex iktar bnedmin jagħrfu li, jekk ma jkunux hekk iffurmati, jiftħu l-irwiefen tal-populiżmu u l-estremiżmu varju.”
Hekk stqarr miegħi d-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici li fil-jiem li għaddew nieda l-pubblikazzjoni ‘Carm Mifsud Bonnici – 25 sena fil-Parlament Malti’.
Għal din l-okkażjoni ħsibt li nitkellem fit-tul ma’ Carm Mifsud Bonnici, li hu kontributur regolari bil-pinna tiegħu fil-ġurnali tagħna u niżvilupa din l-intervista li, fil-verità, fiha ħafna x’wieħed jomgħod:
Kellek diġà kotba oħra li ppubblikajt u dan huwa s-sitt wieħed. X’wasslek għal dan?
Domt naħseb fuq jekk għandix nidħol għal dan il-proġett. Staqsejt lili nnifsi x’inhuwa l-messaġġ li għandi ngħaddi bih. Aktar u aktar għax il-kotba ta’ qabel kellhom ġabriet tajbin ħafna tal-artikoli li nikteb u li ktibt. F’dan iżda ħassejt li għandu jkolli mira prinċipali u sempliċi: dik li nfakkar u nfaħħar ħidmet id-deputat Malti. Dan għax nara wisq diskors kontra tiegħu. Anke jekk kien hemm min ma jġibx ruħu sewa, xorta dan ma jfissirx li l-maġġoranza mhumiex persuni li jservu u servew b’onestà u b’integrità. L-eċċezzjonijiet mhumiex ir-regola.
Fil-ktieb inti tgħid li saret inġustizzja u trid tirrettifikaha. Biss trid taċċetta li kien hemm każijiet ta’ deputati li ma aġixxewx sewwa.
Iva, imma għandna nqegħdu kollox fil-perspettiva tiegħu. Fuq naħa m’għandniex inqegħdu lil kull persuna fl-istess kalatura. Fuq in-naħa l-oħra għandna nifhmu kemm huwa importanti d-deputat fid-demokrazija u kemm huwa essenzjali li t-tajbin jiġu għad-dawl. Sija fil-ħidma tagħhom imma l-iktar fis-sustanza ta’ dak li qed jgħidu. Qiegħed immur kontra l-kurrent, ċertament, għax nagħraf li ġiet żviluppata klima u arja fejn il-ħsieb huwa li għandna nkerrħu u nibdlu s-sistema. Ċerti drabi dan ġej ukoll internament mid-deputat il-ġdid li jkun għadu kif ġie elett, li biex jidher aħjar, jew għax jaħseb li ser jiddistingwi ruħu, imaqdar inġustament dak li kien hemm qabel. Ħafna drabi jsir diskors dispreġġjattiv fuq deputati li m’għadhomx iservu u oħrajn li ġew imsejħa għal dinja oħra u għalhekk ma jistgħux jiddefendu ruħhom.
F’dan titkellem ukoll dwar id-deputat li jista’ jidher li “idejn wara l-kwinti li jiddettawlu x’għandu jwettaq fl-interess esklussiv tagħhom”. Xi trid tgħid b’dan?
Ngħid dan għax fuq naħa nara aġenda stramba li filwaqt li tiddikjara ruħha demokratika, trid tara kif tiddisprezza dak li huwa l-frott tal-vot popolari. Ma nistax nifhem kif fil-medja, ċerti vuċijiet huma iktar importanti għalihom mid-deputati li ġew eletti mill-poplu. Anqas kif uħud mid-deputati, meta jgħidu dak li ċerti gazzetti jridu jisimgħu, anki jekk ikun żbaljat jiġi rappurtat u oħrajn jiġu injorati. Ninkwieta ruħi f’dan u nara kemm deputati tajba verament fil-ħsieb u fl-imġieba, fl-onestà u integrità spiċċaw imkerrħa. Diversi sofrew li ma ġewx ri-eletti meta kien ħaqqhom li jiġu. Il-pajjiż sofra dawn it-telfiet ta’ bnedmin li kienu kapaċi jesprimu l-vuċi u l-polz popolari. F’dan, forsi għax ilni nosserva u nqis sewwa, nara li hemm żewġ forom ta’ aġendi: l-ewwel li telimina lil ċerti persuni, u t-tieni li tkerraħ il-klassi politika sħiħa.
Biss, f’dan nistaqsik: x’jista’ jsir mill-klassi politika?
F’din il-linja tant ċara għalija ħassejt f’dan li għandi naqbeż għal dawk kollha li ġew qabli u li naf kemm servew tajjeb. Ma kinux perfetti, u liema bniedem huwa hekk? Għalkemm f’dan, ħafna li mhumiex deputati dan huwa li jippretendu minnhom. Jiżbaljaw huma, imma d-deputat ma jistax. U dan nafu għax ħakkejt ħajti magħhom, u naf kemm ħadmu u kemm batew. Bnedmin li saru jafu tajjeb il-kostitwenti tagħhom. Dawk il-persuni li jum wara jum qamu magħhom. Għexu ma dak li ġarrbu, bil-kumplikazzjonijiet kollha li l-ħajja ġġib magħha. Dawk li servewhom u akkumpanjawhom fil-funerali varji li wieħed isib ruħu jattendi. Proprju f’dan, għalhekk, id-demokrazija tagħna tiddependi kemm tibqa’ b’saħħitha. Mingħajr dan, il-membru parlamentari ma jkunx aktar fil-qalb tan-nies. Dak li f’dan il-proċess jagħraf l-esiġenzi tagħhom u fl-istess ħin irid imexxihom ’il quddiem. Nagħraf il-bżonn ta’ iktar tifħir għal dawk li servew qabilna. Nagħraf il-bżonn li nfakkruhom u nagħtuhom ġieħ. Ġieħ lis-sagrifiċċju li wettqu fil-ħin twil iddedikat lill-pubbliku. Fis-sagrifiċċji li l-membri tal-familja, diretta u indiretta kellhom jagħmlu biex iservu. Iktar u iktar illum bit-timbru żbaljat li għaddej tal-persuna pubblika li tidher, għall-banek kummerċjali, bħala xi forma ta’ theddida għal ħidmiethom. F’soċjetà li fuq naħa trid li jkollha iktar deputati u persuni fil-pubbliku nodfa u kapaċi, mentri fuq l-oħra żżid il-piżijiet tad-dellijiet.
Tressqet il-proposta li pajjiżna jsir distrett elettorali wieħed. X’taħseb dwarha? Ma tarahiex li tagħmel sens?
Jiddispjaċini li f’dan ma naqbilx ma’ min irid jintroduċi sistema fejn il-pajjiż isir distrett wieħed. Ma naqbilx għax biha tneħħi, l-ewwel, il-vantaġġ li d-deputat irid isir jaf lill-elettorat tiegħu direttament u t-tieni, tneħħi d-diversità fir-rappreżentanza ta’ bnedmin ġejjin minn partijiet varji tal-pajjiż minn setturi daqshekk ieħor varji. It-tielet, tneħħi l-bilanċ delikat bejn iċ-ċentralizzazzjoni tal-poter tal-partit u dak li l-vuċi elettorali tkun trid. Ir-raba’, tkabbar is-saħħa tal-aspett kummerċjali u tneħħi l-element importanti li aħna għandna demokrazija soċjali u mhux ekonomika, għax hemm jidħlu fatturi mhux biss ta’ politika ta’ partit imma ta’ għażla ta’ preferenza ta’ kandidati li huma favurhom. Din mhux ser iġġib sistema demokratika aħjar, imma agħar.
Biss, f’dan kollu, x’inhija l-prijorità tiegħek?
F’dan għalija rridu naraw kif ser niddefendu s-soċjetà biex ikollha iktar politiċi li, fid-dedikazzjoni tagħhom, jersqu ’l quddiem. Kif ser inġibu aktar bnedmin li lesti li jħallu warajhom il-karriera li jkunu għażlu sabiex iservu lil pajjiżhom. Kif ser naħdmu sabiex nikkoltivaw is-Sens tal-Istat, li semma tant tajjeb l-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof Charles Scicluna f’qalb il-bnedmin li jservu. Jekk irridu l-aħjar, irridu nassigurw li nuru li huwa dolce decorum li tagħti ħinek għall-oħrajn. Li huwa sabiħ li tuża l-enerġija tiegħek għall-oħrajn b’ideat għall-ġid komuni. Li hemm il-ferħ li wieħed jista’ jakkumpanja ruħu fih biex jaħdem għall-oħrajn. Dan għandu jkun l-għan tagħna. U huwa f’dan li s-soċjetà tirrikonoxxi aktar il-ħidma ġeneruża, altruwista, tajba u onesta tad-deputat. Proprju għalhekk ġibt lura artikoli li ktibt fuq deputati li dan għamluh kontra kollox. Persuni bħal Jimmy Farrugia, Joe Cassar, Renato Agius Muscat, Michael Bonnici, George Bonello du Puis, Michael Refalo, Tony Abela, Robert Arrigo, Ċensu Tabone, Guido de Marco u diversi oħrajn li nfluwenzawni.
Fil-ktieb titkellem ukoll fuq ħidmietek fil-Parlament. Għala għamilt dan?
Iva, ħassejt li għandi nfakkar, u fl-istess ħin nuri kemm kull deputat huwa kapaċi jservi lil pajjiżu. Għażilt li nsemmi lista ta’ liġijiet li ppilotajt u li ġibt fis-seħħ. Bħal dik li ntroduċiet l-ittra uffiċjali eżekuttiva, li din is-sena qabżet il-ħamsa u sittin elf (65,000) li ġew ippreżentati. Inkella t-tisħiħ taċ-Ċentru tal-Arbitraġġ, li għaddej ġmielu. Inkella dik tal-introduzzjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, li narah kuljum dejjem iktar sod. Imma ktibt ukoll dwar ħidmieti tul il-gwerra ċivili fil-Libja. F’sitwazzjoni mill-iktar delikata fejn pajjiżna ħa pożizzjonijiet mill-iktar ċari favur id-demokrazija u l-libertà, u fl-istess ħin iggarantejna li għall-bnedmin li nirrappreżentaw kollox baqa’ għaddej, soċjalment u ekonomikament. Tgħallimt ħafna u għandi ferm iktar x’nirrakkonta. Għażilt ukoll li nitkellem dwar sehmi għall-fatt li f’pajjiżna għandna aġenzija Ewropea preżenti. Dik li kienet il-European Asylum Support Office, li llum hija l-European Union Agency for Asylum, ilha hawn mill-2011, meta kont ministru. Parti wkoll mill-wirt politiku ta’ Gvern Nazzjonalista li servejt b’unur fih. Suġġetti li nittama li għada pitgħada jkolli l-ħin biex nikteb iktar u fit-tul dwarhom.
Imma issa li ilek ħamsa u għoxrin sena sservi u ġejt elett sitt darbiet ma’ kull elezzjoni, x’miri għandek quddiemek?
Nammetti li jkun hemm min jistaqsini jekk ma xbajtx inservi u ngħin, u nammetti li nwieġeb li le. Kuljum insib fija l-pjaċir tal-ħidma għall-oħrajn, għall-ġid dirett tal-bnedmin. Ibda minn domanda parlamentari, li tibqa’ verament l-għodda l-iktar qawwija f’demokrazija parlamentari, imwieġba jew le, u kompli bid-diskorsi, bl-interventi u l-kumitati varji. Nara li għad hemm numru sew ta’ punti leġislattivi li nixtieq narahom isiru u għalhekk nibqa’ determinat naħdem sabiex dawn isiru. Hemm ħafna passi li jistgħu jidhru żgħar, imma fil-fatt huma l-iktar li jagħmlu d-differenza u li nixtieq narahom iseħħu. Id-demokrazija tagħna għandha bżonn iktar passi ’l quddiem sabiex inkomplu navvanzawha u nħaddmuha sew. Nittama li l-esperjenza li ġbart tiġi utilizzata għall-ġid tal-bnedmin li irrappreżentajt.
Imma x’inhuwa l-parir tiegħek lid-deputati l-ġodda li daħlu fl-aħħar leġislatura?
Kif irċevejt, jew direttament jew indirettament minn diversi deputati ta’ qabli taż-żewġ naħat tal-Kamra, id-deputat irid jiffurma ruħu tajjeb. Irid jibni ankri interni fih li jassigurawlu l-indipendenza u l-kuxjenza. F’dan, għalhekk, li jkollu kultural politika u l-kultura tal-qari. Hawn wisq il-ħsieb li l-qari huwa żejjed. M’għandekx bżonn, għax kull ma trid biex timxi huwa li tidher f’kemm jista’ jkun postijiet u daqshekk. Għalija, il-politiku t-tajjeb għandu jikkultiva fih qari u kitba. Nagħraf, ċertament, li ninsabu f’soċjetà fejn il-kitba fil-gazzetti mill-politiku m’għadhiex daqshekk qawwija jew prijorità. Mentri fil-fatt għandna nagħrfu aktar li l-politika t-tajba ssir ukoll minn dan il-proċess ta’ ħsieb u dibattitu, li jkun żball jekk ma jkomplix isir. Pajjiżna, jekk irid ikollu iktar politika tajba jrid ikollu iktar deputati li għandhom fihom sens u sustanza. Aktar li jkunu mpenjati ideoloġikament.
Imma f’dinja fejn kulħadd qiegħed imur kontra, kif tista’ tadvoka dan?
Il-politika mingħajr ideoloġija hija waħda li tieħdok f’toroq żbaljati. Jekk m’għandekx diġà l-konvinzjonijiet politiċi tiegħek sodi fik tispiċċa titkaxkar u ssib ruħek bħal kap jew kuda. Issib li m’għandekx boxxla, la soċjali u lanqas kulturali. Issib ruħek ’il bogħod mill-ġustizzja soċjali li tant jibqa’ jkollna bżonn. Jekk inħarsu lejn politiċi li l-pajjiż isemmi, bħal Eddie Fenech Adami, Duminku Mintoff, Pawlu Boffa, Sir Ugo Mifsud jagħraf li dawn kellhom valur għax kienu jafu fejn qegħdin ideoloġikament. Mhux fundamentalisti, imma b’pedament sod. Nammetti li l-formazzjoni li kelli fi ħdan il-Moviment taż-Żgħażagħ tal-Partit u l-qari li żammejt wara servewni sabiex nagħraf li d-Demokrazija Kristjana kienet u għadha rilevanti sal-lum. Sibt ħafna soluzzjonijiet billi ħarist lejn id-duttrina soċjali tal-Knisja, u sibt bilanċ ta’ moderazzjoni li għadhom iservuni. Nittama li dan il-ktieb jgħin sabiex iktar bnedmin jagħrfu li, jekk ma jkunux hekk iffurmati, jiftħu l-irwiefen tal-populiżmu u l-estremiżmu varju.
Xi tħares, f’dan kollu, lejn il-futur?
L-ewwel, ippermettili nirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod ħadmu miegħi, u li flimkien wettaqna l-politika t-tajba, kif ukoll lill-familjari tiegħi fis-sagrifiċċji li dan kollu jitlob. Biss, f’dan nagħlaq bil-ħsieb li pajjiżna għandu bżonn ta’ politika tajba dejjem. Illum u għada. Naħdmu għall-preżent u ninvestu fil-futur. Dmirna huwa dak li nikkultivaw li jkollna bnedmin li kapaċi jservu f’din il-linja. Kif fortunatament kellna diversi qabilna, hekk għandu jibqa’ jkollna. Proprju għalhekk ħassejt li nippubblika dan il-ktieb u waqt li nittama li diversi jieħdu eżempju mill-passat, nibqa’ nittama fil-futur sabiex ngħin biex ikun hemm pedament sod għalihom.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment