13.2.24

L-ART IMWEGĦDA U L-GĦOĠOL TAD-DEHEB - DISKORS TAS-SUR EVARIST BARTOLO - It-Tlieta, 7 ta' Frar 2024

Fi Spoon River Anthology, Edgar Lee Masters iżur iċ-ċimiterju tar-raħal żgħir Lewiston f’Illinois 110 snin ilu. Jippreżentalna lil kull persuna midfuna hemm u r-rabtiet li kellhom meta kienu ħajjin. Jikxef kif anki f’raħal żgħir li minn barra jidher kwiet u kulħadd jgħix ħajja tajba hemm il-korruzzjoni, hemm l-onestà, hemm il-mibegħda, hemm il-qalb tajba, hemm il-virtujiet imma hemm anki l-vizzji, hemm il-lealtà u s-sagrifiċċju, hemm l-egoiżmu u t-tradimenti, l-abbużi sesswali, il-vjolenza domestika, hemm it-tamiet u d-disprament, hemm il-kuraġġużi u l-beżżiegħa. Tant ħadu għalihom b’din il-ħarsa sinċiera lejn il-ħajja fir-raħal ċkejken tagħhom li n-nies ta’ Lewiston ipprojbixxew l-ktieb għal kważi 60 sena.

Ma naħsibx li l-ktieb li qed inniedu llejla se jispiċċa pprojbit. L-iskop tal-avukat Carm Mifsud Bonnici hu differenti minn dak tal-avukat Edgar Lee Masters. Dr Carm Mifsud Bonnici għandu l-valuri Nsara tal-mogħdrija, tal-maħfra u tas-solidarjetà. Huwa ġej minn familja ta’ politiċi li taw servizz lil Malta. Xorob ħafna minnhom, nannuh u missieru. Iżda ma jġibx ruħu qisu membru ta’ kasta superjuri li tiggarantilu siġġu fil-Parlament. Dejjem ikkontesta f’distretti tradizzjonalment Laburisti. Madankollu xorta gawda r-rispett ta’ kulħadd.

Ma jħaġġarx lill-midinbin. Ma jaqbadx il-frosta għal dawk li t-tempju tad-demokrazija għamluh għar tal-ħallelin. In-nuqqasijiet umani jitkellem dwarhom b’dispjaċir, mhux b’rabja. Anki meta jikkritika, mhux negattiv, mhux ċiniku, jibqa’ joffri tama. Għandu umanità kbira. Jemmen li jekk iċċekken lill-ħaddieħor, iċċekken lilek innifsek. Għalhekk meta jsellem lid-deputati li mietu tul il-25 sena li ilu fil-Parlament, ma jagħmilx awtopsja forensika tagħhom u tal-politika li għex u għadu jgħix.

Politiku mhux għodda f’idejn ħaddieħor

L-attitudni u t-ton tiegħu huma ta’ Bin Sirak 2,200 sena ilu meta kiteb:
“Infaħħru issa lil nies ta’ ġieħ,
u lil missirijietna nisel wara ieħor ...
“Uħud kienu jmexxu l-poplu bil-parir tagħhom.”

Dr Carm Mifsud Bonnici huwa l-iżjed bħal Bin Sirak meta dan jgħid:

“Uħud minnhom ħallew isem warajhom,
u hekk tingħad foħrithom.
Imma hemm uħud li m’għandhomx tifkira,
u għebu bħalkieku qatt ma għexu,
u saru bħalkieku qatt ma kienu …”.

Dr Carm Mifsud Bonnici jgħidilna, bħal Bin Sirak, li jrid ifakkar lil dawn id-deputati biex ma jintesewx: “... tul dawn l-aħħar snin ħassejt dejjem iktar li diversi deputati li servew b’dedikazzjoni għal snin twal jew qosra fiż-żewġ partiti prinċipali kif jieqfu jintnesew kważi mill-ewwel. Dak li wettqu u dak li tant ħadmu għalih ħafna drabi ma jingħatawx il-krettu li ħaqqhom għalih. Anzi, kif sfortunatament naraw, jispiċċaw jiġu attakkati.”

Dr Carm Mifsud Bonnici jispjega l-għala jitkellem fit-tajjeb dwar il-politiċi: “... jekk qabel kienet kwistjoni ta’ orgolju nazzjonalist, illum għalija qed tiżviluppa aktar f’dak li qiegħed nara bħala neċessità nazzjonali.”

Huwa jitkellem dwar il-politiċi b’mod uman u fit-tajjeb għax jemmen li l-politiku jista’ jagħmel ħafna ġid meta fi kliemu ma jkunx: “ ... għodda ... f’idejn oħrajn li jinsabu wara l-kwinti li jiddettawlu x’għandu jwettaq fl-interess esklussiv tagħhom.”

Ifakkarni fi tliet ħassieba li mhumiex ġejjin mid-dinja Demokristjana li naf li hu jispira ruħu minnha fil-valuri u fl-imġieba tiegħu. Stajt nikkwota politiċi Demokristjani bħal Don Luigi Sturzo, Giorgio La Pira u Aldo Moro li jien nammira ħafna wkoll. Se nikkwota iżda ħassieba bħal Adam Smith, Karl Marx u George Bernard Shaw għax anki huma jaraw li s-sehem tal-politiku għall-ġid huwa dak li jaħdem għall-ġid komuni u mhux iħalli lilu nnifsu jsir pupu f’idejn in-nies b’saħħithom. Waħda mir-raġunijiet l-għala qed tikber l-isfiduċja fil-politiċi f’pajjiżna u f’pajjiżi oħra hija għax il-politiċi qed ikunu wisq ma’ dawk li huma b’saħħithom. L-ekonomista Skocciz Adam Smith, li twieled 300 sena ilu u kien favur ħafna l-ħolqien tal-ġid u l-kapitaliżmu, xorta wissa: “dawk b’saħħithom jilgħabu bis-sistema politika u ekonomika kontra l-bqija tas-socjetà.”

Meta jiġri hekk, iwissina Karl Marx fil-Manifest Komunista, “l-istat isir kumitat li jieħu ħsieb jaqdi biss l-interessi tal-borgeżija sħiħa.” George Bernard Shaw jgħidilna li meta l-professjonijiet jintużaw biex jakkwistaw prestiġju, poter u flus isiru komplott kontra n-nies l-oħra fis-soċjetà.

F’soċjetà ċkejkna bħal tagħna hu aktar diffiċli għall-politiku li jkun ġust ma’ kulħadd għax spiss ir-rabtiet persunali, dawk magħrufa u dawk moħbija, ikunu b’saħħithom iżjed minn dawk istituzzjonali, fejn suppost li r-regolamenti u l-liġijiet huma l-istess u ndaqs għal kulħadd. Il-periklu ġej ukoll għax m’għandniex finanzjament pubbliku tal-partiti u mhemmx infurzar serju dwar finanzjament tal-kanidati elettorali u allura s-saħħa tan-nies ta’ wara l-kwinti hija qawwija.

Carm Mifsud Bonnici jfaħħar lil dawk il-politiċi li sabu mod kif kienu ġusti u mexxew bla preferenzi fil-ħidma tagħhom. Użaw il-professjoni tagħhom biex iservu liċ-ċittadini. Jgħid: “Il-maġġorparti ma stagħnewx imma żarmaw dak li kellhom.” M’għandux dubju li anki l-politiċi li jfaħħar, żbaljaw “fl-isforzi ġenwini” tagħhom. Jgħid: “Min ma żbaljax ma ppruvax.” U jżid jgħid li jekk il-politiċi tallum ma jitgħallmux mill-iżbalji ta’ dawk li ġew qabilhom huma kkundannati li jirrepetu l-istess żbalji.

Jgħid: “Anki jekk f’dawn l-aħħar snin rajna wisq każijiet ta’ żbalji politiċi mwielda fil-ħama tal-korruzzjoni xorta l-klassi politika jixirqilha tiġi difiża u msoffija.”

Bżonn formazzjoni serja tal-politiċi

Bir-raġun josserva li bħala pajjiż u bħala partiti m’aħniex niffurmaw il-valuri u l-ħiliet ta’ dawk li huma jew iridu jidħlu fil-politika: “Bnedmin li preżentement m’aħniex nikkultivaw kif l-Istat modern, Ewropew tagħna, jitlob, kif ukoll fl-investiment neċessarju għall-klassi politika li titjieb aktar ma jgħaddi ż-żmien għall-futur.”

X’ġara dwar it-taxxi ġodda fuq il-ġarr tal-merkanzija bl-art u bil-baħar għandu jiftħilna għajnejna biex nitgħallmu naħdmu aħjar biex id-deċiżjonijiet Ewropej li jitfasslu flimkien magħna jagħtu każ bis-serjetà l-bżonnijiet tagħna: Gvern, Dar Malta fi Brussel, Membri Parlamentari Ewropej, il-Kumitat tal-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Parlament Malti, l-għaqdiet tan-negozju u l-unions biex nieħdu sehem sħiħ kif jintagħġnu l-liġijiet fl-Unjoni Ewropea biex naraw li jkunu ta’ ġid u mhux ta’ ħsara għalina.

Tipika ta’ ġentlom umli bħal Carm Mifsud Bonnici, ifakkar il-25 sena tiegħu fil-Parlament mhux billi joqgħod jiftaħar bih innifsu. Jiddedika lilu nnifsu inqas minn terz tal-ktieb. Żewġ terzi tal-ktieb huma ddedikati jsellem politiċi oħra. F’terz tal-paġni jitkellem fuq l-esperjenza politika tiegħu, fuq il-ħidma ministerjali, fuq il-proposti għal titjib, fuq l-isfidi kbar tal-gwerra ċivili fil-Libja, l-immigrazzjoni, fuq ix-xitwa tiegħu: il-mard, it-tmiem minn ministru, l-attakki li sofra, it-taqlib intern fil-partit, ir-rebħ u t-telf tal-elezzjonijiet.

Iż-żewġ terzi tal-ktieb huma ddedikati għall-64 deputat miż-żewġ naħat li mietu fil-25 sena li ilu fil-Parlament. Imbagħad jikteb dwar deputati sħabu li kien jaf mill-qrib u fihom ammira l-valuri li ħaddmu għall-ġid; valuri li jħaddem hu stess (din qed ngħidha jien, mhux qed jgħidha hu). Dawn il-valuri huma: l-irġulija, l-onestà, ġenerożità mal-imwarrba, l-imħabba għall-pajjiż, li l-votanti tistmahom ta’ nies mhux ta’ numri, u mhux ta’ voti li trid taqbad bix-xibka tal-pubbliċità u r-reklami. Il-valur li tipprepara proposti għal titjib fil-pajjiż. L-ammirazzjoni għall-politiku li jitkellem u jgħid affarijiet anki mhux popolari u mhux pappagall partiġġjan. Politiċi serji li kapaċi jiċċajtaw u jitbissmu. Jaħdmu għall-governanza tajba, ħolqien u tqassim tal-ġid. Jammira politiċi li huma baħrin tal-maltemp mhux biss fil-ħajja politika imma anki fil-ħajja persunali, kif jiffaċċjaw ngħidu aħna l-mard. Kif jippreparaw ruħhom sewwa. Kif kapaċi jirrispettaw lill-avversarji u jiddjalogaw magħhom għall-ġid tal-pajjiż fl-aktar kriżijiet diffiċli bħal dik tal-elezzjoni tal-1981.

Il-politika tal-art imwegħda

Jammira politiċi umli u ta’ prinċipju. Ifaħħar “membru kostanti, preparat u fil-mumenti diffiċli ġewwa l-Kamra, partikolarment meta din kienet f’daqqa waħda tittrasforma ruħha f’boxing ring, hu kien ikun preżenti. Il-kuraġġ u d-determinazzjoni kienu kwalitajiet li f’ebda mument ma abbandunawh.”

Isellem lil dawk li ħadmu biex ibiddlu lill-PN u jdaħħlu u jsaħħu fil-pajjiż il-valuri tad-demokrazija, tal-ġustizzja soċjali, tar-repubblika. B’politika tal-poplu għall-poplu mhux ta’ xi elite. Ifaħħar il-politiku bħala persuna li tkompli titgħallem u taġġorna ruħha. Ifaħħar lill-politiku li ma kienx bniedem kiesaħ, lanqas rasu mimlija bih innifsu; wisq inqas supperv. Kien intelliġenti u, proprju għax kien hekk, ħaddan l-umiltà, ir-rispett, l-irġulija u s-servizz lejn l-oħrajn. Kien “korrett ma’ sħabu fid-distrett”, kien “bniedem ta’ kuxjenza”. Ifaħħar lil dawk il-politiċi li ma jsirux ċiniċi, anki meta jkunu qed isiru manuvri kontra tagħhom minn sħabhom stess. Jammira politiċi sereni, li ma jagħmlux ħsara u jweġġgħu u li jgħinu bla preġudizzji. Joħolmu biex ibiddlu u jżommu kuntatt mal-poplu u jiġu edukati mill-ħajja, u waqt li joħolmu jibqgħu prattiċi u jaġixxu b’sens komun.

Fuq kollox jidher ċar li għal Carm Mifsud Bonnici il-ħajja hi iżjed mill-interessi persunali tagħna. Iżjed mill-Prodott Gross Domestiku u minn kemm għandna ġid materjali u flus il-bank. Bejn il-politika ta’ Mosè li jmexxi lill-poplu tiegħu lejn l-art imwegħda, anki billi jiġġerra fid-deżert, anki jekk l-art imwegħda mhix se tkun tnixxi l-għasel u l-ħalib, u l-politika ta’ Arun li jagħti lill-poplu l-għoġol tad-deheb biex jiżfnu u jiskru bla ebda kmandamenti jgħixu bil-ġurnata fejn jaħsbu li għada ma jasalx u jistgħu jibqgħu jikkunsmaw u jipproduċu fi gwerra kontra n-natura ... Carm Mifsud Bonnici jagħżel il-politika ta’ Mosè, l-art imwegħda li mhix art imbegħda ta’ destinazzjoni fissa li dejjem titbiegħed. Imma l-politika tal-art imwegħda bħala vjaġġ kontinwu ta’ tfittxija, ta’ ħruġ mill-jasar. Din hi l-politika li għandna bżonn f’pajjiżna llum: kif se naħdmu biex pajjiżna jkun ta’ min jgħix fih wara li dawn l-aħħar 60 sena mindu bejna nmexxuh aħna stess tejjibna ħafna l-ħajja f’dawn il-gżejjer, mertu wkoll – imma mhux biss – tal-politiċi biex imxejna ’l quddiem u għandna l-ogħla livell tal-għixien fil-Mediterran.

Malta hija meqjusa mal-aqwa 25 pajjiż fid-dinja fejn l-aħjar tgħix is-snin tax-xjuħija. Imma rridu naħdmu biex pajjiżna jkun ukoll mal-aqwa tad-dinja biex joffri futur tajjeb lil dawk li għandhom ħajja sħiħa quddiemhom. Għandna sfidi kbar li jekk ma nindirizzawhomx tajjeb immorru lura u nitilfu dak li ksibna. F’dinja li qed tkompli tinbidel irridu naddattaw lilna nfusna biex naqilgħu l-għixien tagħna. Il-forzi politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali tagħna jridu jaħdmu flimkien biex infasslu viżjoni prattika għat t-tieni kwart tas-seklu 21. Irridu nsibu l-kuraġġ inġeddu u ntejbu l-Kostituzzjoni u l-governanza. Dan kollu jitlob politiċi serji, intelliġenti, li jafu mnejn ġejjin bħala poplu u li jirriflettu dwar fejn irridu mmorru u kif.

Irridu politiċi li kapaċi jorbtu flimkien żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali fejn waqt li ma nkomplux nifgaw pajjiżna bil-bini, nibnu soċjetà miftuħa u inklussiva li tkun dar komuni b’diversità ta’ identitajiet u kulturi, li tilqa’ fiha lilna u lin-nies minn kull naħa tad-dinja li qed ngħixu flimkien f’dawn il-gżejjer. Jekk mhux se jkollna din id-dar komuni li ngħixu fiha flimkien nispiċċaw induru kontra xulxin qisna għedewwa flok bżonn xulxin.

Irridu politiċi li jaraw li nibqgħu pajjiż li ma jerġax iservi ta’ bażi tal-gwerra kontra xi pajjiż ieħor f’dinja li qed tinqasam fi blokok kontra xulxin u fejn hu fl-interess tagħna li nkunu fi ħbiberija mal-blokok kollha. F’dinja interdipendenti fejn għandna obbligi Ewropej u internazzjonali xorta rridu nieħdu ħsieb inħaddmu s-sovranità tagħna bla ma nintelqu niġġebbdu minn imneħirna kontra l-interessi tagħna.

Il-politika tal-art imwegħda – vjaġġ kontinwu hi ukoll il-politika li għandna bżonn fid-dinja tagħna, politika diffiċli ta’ ħidma magħġuna minn fidi f’dinja materjalment u spiritwalment aħjar milli hi jew għallinqas inqas agħar milli hi – fejn nitgħallmu ngħixu flimkien bla Farawni moderni li jridu jiddominaw. Insalvaw il-pjaneta billi ntaffu u kemm jista’ jkun infejqu l-ħsara li għamilnilha fil-klima fin-natura, nevitaw il-gwerer u flok jintefqu l-biljuni fuq l-armamenti jintefqu biex aktar bnedmin jgħixu deċenti u ta’ bnedmin, ħielsa mill-biża’ u mill-bżonn.

Inevitabbli li f’demokrazija ta’ kompetizzjoni elettorali u ta’ kaċċa għall-voti, il-politiku jinqabad kontinwament fid-dilemma li jrid jagħżel bejn il-politika popolari tal-gratifikazzjoni immedjata tal-għoġol tad-deheb u tal-politika li taħseb iżjed għat-tul fil-vjaġġ tal-art imwegħda. Jekk jintilef il-bilanċ għal kollox favur il-politika tal-għoġol tad-deheb, jispiċċa jintilef kemm l-għoġol tad-deheb kif ukoll l-art imwegħda. U nidħku bina nfusna naħsbu li l-għoġol tad-deheb hu l-art imwegħda.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...