29.2.24

IL-BIĊĊIET GĦANDHOM JINĠIEBU LURA

1. Ftit snin ilu, fl-1994 Gianni Baget Bozzo (1925-2009) kien ippubblika ktieb bl-isem Cattolici e Democristiani. Un’esperienza politica italiana. Wieħed mimli riflessjonijiet meħuda fil-kuntest ta’ dak li kien qiegħed iseħħ wara l-waqfa tal-Partit Demokratiku Kristjan fl-Italja. Wieħed li kien qiegħed jinkiteb f’ċirkostanzi partikolari, dawk marbuta mal-formazzjoni tal-Partit Popolari ta’ Mino Martinazzoli u dak taċ-Centro Democratico Cristiano ta’ Pier Ferdinando Casini, Francesco d’Onofrio u Clemente Mastella. Ħsibijiet u ideat li forsi llum għandhom iktar rilevanza milli fil-mument li nkitbu. Aktar u aktar għax il-qasma ta’ dak il-partit kbir fiċ-ċentru moderat tal-politika Taljana fetaħ it-triq għall-formazzjoni politika ta’ dak li kellu jibni Silvio Berlusconi.

Il-pożizzjoni

2. Baget Bozzo jgħid sewwa hekk, fost oħrajn: “Non c’è problema più antico del rapporto tra il Cristiano e la politica.” (M’hemmx problema iktar antika mir-rapport bejn il-Kristjan u l-politika.) Għadda ż-żmien, u fil-fatt hekk għadhom l-affarijiet, salv dejjem kif taffrontahom u toħroġ minnhom. Imma dak kien wieħed uniku għax il-partit tal-Kattoliċi, li kien ifforma ruħu u mexxa b’suċċess il-pajjiż kien għaddej minn diffikultajiet. Huwa jgħid hekk: “Si è cochiusa una parte rilevante nella storia del nostro Paese: quella segnata dalla centralità e della egemonia del partito cattolico.” (Ingħalqet parti rilevanti mill-istorja tal-pajjiż: dik marbuta maċ-ċentralità u l-egemonija tal-partit Kattoliku.) Ingħalqet fażi interessanti li ċertament, kif jgħid tajjeb Marco Follini (1954) huwa u jirrifletti fil-ktieb sabiħ tiegħu Democrazia Cristiana. Il racconto di un partito, ma ngħatatx u ma tingħatax spazju u rikonoxximent għal dak li wettqet.

Illum

3. Il-bnedmin li ġew iffurmati u li kienu parti mid-Democrazia Cristiana Taljana u li baqgħu fil-politika huma fil-preżent imxerrda f’formazzjonijiet politiċi varji. Hemm minnhom fil-Gvern u hemm ukoll fl-Oppożizzjoni. Ilkoll, b’xi mod, jispiraw ruħhom lura lejn dak li kien u dak li għaddew minnu. Diversi għadhom, b’xi mod, marbuta mal-mexxejja u l-kurrenti l-antiki. Iktar u iktar illum meta ġew ippubblikati diversi kotba li fihom hemm ħafna iktar informazzjoni ta’ x’wassal għal deċiżjoni u mhux għal oħra. Dawn l-aħħar għaxar snin huma miżgħuda minn dan għal min irid ikompli jaħseb u jeżamina sewwa u f’kemm jista’ dettall dak kollu li seħħ. Hu x’inhu, minn dak li naqra ngħid li hemm żewġ elementi partikolari. Fuq waħda l-għarfien li sar ħafna ġid, u ma hemm xejn żbaljat li wieħed jidentifika l-passat jew il-preżent tiegħu ma’ dawk l-ideat politiċi. Fuq l-oħra hemm forma ta’ nostalġija sabiex dik il-forza ċentrali u moderata li fiha l-Kattoliċi u d-Demokratiċi Nsara jiġu lura sabiex jikkomponuha. Ideat li qegħdin hemm u li nafu li saru u għadhom isiru diversi attentati biex jinbeda dan il-proċess.

Ftit iktar

4. F’dan, iktar u iktar fil-fatt li bil-mewt ta’ Berlusconi, il-partit tiegħu Forza Italia qiegħed fil-fażi fejn irid ifittex identità u pożizzjoni differenti. Ma jistax jibqa’ l-partit identifikat kompletament miegħu. Min-naħa l-oħra wieħed irid jimxi b’kawtela lejn fejn ser tieħu d-diversi li ngħaqdu fis-snin. Din kienet u f’ħafna hija l-isfida li Antonio Tajani (1953) għandu quddiemu. F’ħafna rnexxilu jżomm il-komponenti interni f’daqqa u jaġixxi sabiex iġib oħrajn minn barra lura miegħu. Huwa, bl-istil moderat u mingħajr esaġerazzjoni tiegħu, fil-kungress li fih ġie elett kap ġdid tal-partit kien qal hekk: “Mi sento una grande responsabilità sulle spalle. Non sarò mai Maradona ma ce la metterò tutta per allargare questo movimento.” (Inħoss responsabbiltà kbira fuq spallejja. Mhux ser inkun qatt bħal Maradona, imma ser nagħmel l-almu tiegħi kollu sabiex inkabbar dan il-moviment politiku.)

Sfida xejn faċli

5. Din hija l-isfida xejn faċli li għandha rilevanza mhux biss billi żżomm il-partijiet interni f’daqqa, imma wkoll li ġġib lura lil dawk li ħarġu u li qabdu toroq oħra. Il-ġurnalista Anna Maria Greco tikteb f’Il Giornale tal-Ħadd, u fuq dan tgħid hekk: “Tajani ora deve tenere il partito unito e insistere sul fatto che la sua gestione di Forza Italia sarà democratica, non verticistica, aperta all’ascolto di tutte le componenti.” (Tajani issa jrid iżomm il-partit magħqud u jinsisti fuq il-fatt li t-tmexxija tiegħu tal-partit tkun waħda demokratika, mhux minn fuq għal isfel, imma waħda miftuħa biex tisma’ lill-partijiet kollha.) Ngħid fuq dan li ċertament Tajani għandu, u bena, l-esperjenza politika neċessarja sabiex ikompli jwettaq dan kollu. F’dawn ix-xhur ġabar aktar il-partit f’daqqa u l-vot fuqu kien ukoll akkumpanjat minn ġabra ta’ persuni li ser jgħinuh. Ilkoll ġejjin minn ħdan il-partit u lkoll aċċettati internament u mogħtija vot sħiħ ta’ fiduċja. Partit verament li qiegħed ifittex l-għaqda mhux fil-faċċata, imma wkoll fid-dinamika interna.

Il-futur

6. F’dan verament, ir-responsabbiltà m’hija faċli xejn. Imma hemm vojt politiku li ilu jinħass minn meta spiċċa l-Partit Demokratiku Kristjan. Forsi f’dan ukoll, diversi kwistjonijiet interni li kienu qamu u li kienu ilhom għaddejjin is-snin, issa bdew jintesew. Dan jiftaħ iktar l-ispazju politiku għalih. Għax hemm votanti li mhux qed jivvutaw li jistgħu jinġiebu lura. Hemm dawk li mhux neċessarjament qed jivvutaw għall-partiti l-oħra tal-lemin li jistgħu jinġiebu lura biex jieħdu sehem attiv. Iktar u iktar meta qiegħed jiddikjara li jrid jifetaħ iktar għad-djalogu ma’ soċjetà li tidher li nbidlet, li però għad għandha nostalġiji passati. Ħidma xejn faċli, imma sabiħa. Waħda li Demokratiku Kristjan bħalu jista’ jwettaq. Waħda li anki f’pajjiżna trid tiġi verament ikkultivata. Waħda li nittamaw li minnha nistgħu niddikjaraw u naraw li l-biċċiet għandhom jinġiebu lura.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...