29.2.24

DISKORS TAL-ONOR. ANĠLU FARRUGIA, SPEAKER TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI, WAQT IT-TNEDIJA TAL-KTIEB - CARM MIFSUD BONNICI - 25 SENA FIL-PARLAMENT MALTI

Politiku ta’ very jrid juri l-irġulija ma’ sħabu, mal-kollegi u mal-popluL-Ispeaker Anġlu Farrugia - 7 ta' Frar 2024


Jien nibda biex ngħid li skont iz-zokk il-fergħa. Ta’ età żgħira ħafna kelli x-xorti li nsir naf lil Dr Ugo Mifsud Bonnici. Forsi jkun hawn min jgħidli: “Kif sirt tafu lil Dr Ugo Mifsud Bonnici jekk kont żgħir ħafna?”

Jien missieri kien spiżjar, kellu spiżerija l-Imġarr u darba qala’ ċitazzjoni u qabbad lill-Avukat Ugo Mifsud Bonnici. Dakinhar kienet l-ewwel darba li ltqajt ma’ missierek, il-President Emeritu, li nsellimlu minn hawnhekk.

Konna morna Bormla u ddefendih. Missieri kien weħel ħames xelini – dak iż-żmien kien hemm il-Maġistrat Gouder – għaliex kellu l-isem tal-ispiżerija ‘Spiżerija Mġarr’ minflok ‘Imġarr Pharmacy’. Dan kien fl-1962 meta ma konniex għadna sirna indipendenti. L-Avukat Ugo Mifsud Bonnici kien appella u l-kawża waqgħet għaliex aħna mbagħad sirna indipendenti. Jien lil Dr Ugo Mifsud Bonnici bqajt nirrispettah għaliex kont nammira l-mod kif jaġixxi ma’ kulħadd.

Waħda mill-affarijiet li kont nammira f’missierek – u għalhekk għidt skont iz-zokk il-fergħa – kienet li bħala avukat dan litteralment ma kien iħallsu ħadd, dak li ngħidulu l-pro bonum ta’ kważi kulħadd.

Meta bdejt nikber missieri reġa’ kellu bżonn l-Avukat Ugo Mifsud Bonnici fuq każ ieħor għax ommi kienet ħabtet bil-karozza l-Imsida. Dak iż-żmien kont is-Seminarju u mort nixhed quddiem il-Qorti, fi Triq il-Merkanti.

U din kien baqa’ jsemmihieli anke meta sirt Spettur u kellu wkoll lill-Ministru Ugo Mifsud Bonnici bħala l-Ministru tiegħi. Forsi jkun hawn min jgħidli: Se titkellem fuqu u mhux fuq Dr Carm Mifsud Bonnici? Se niġi għalik, Carm.

Ġie l-Papa Ġwanni Pawlu II, staħbew xi nies fil-Knisja ta’ Bormla, fetħu n-niċċa, ħarġu l-Kunċizzjoni, ad insaputa ta’ kulħadd il-Papa ried jimxi wara l-Kunċizzjoni u nqala’ pandemonju. Niftakar li Dr Ugo Mifsud Bonnici kien inkwetat u qalli: “Il-Papa qed jifraħ bil-Kunċizzjoni.”

Issa ħalli niġi għal Dr Carmelo Mifsud Bonnici. Kif għedt diġà: skont iz-zokk il-fergħa. L-irġulija li kellu Dr Ugo Mifsud Bonnici mhux biss ma’ sħabu, mhux biss mal-kollegi, imma mal-poplu Malti kollu, wiritha ibnu Carmelo. Jien segwejtu lil Carmelo Mifsud Bonnici. Niftakru dieħel fil-Parlament fl-1998, eżattament f’Jum il-Vitorja, it-8 ta’ Settembru. Intom tiċċelebraw il-Kunċizzjoni, imma l-Vitorja għenitek tidħol fil-Parlament.

Niftakar ukoll li dak iż-żmien kont Chairman tal-Kumitati. Dak iż-żmien kien hemm Michael Bonnici bħala Deputy Speaker, imma inti kellek ix-xorti li tmur il-Qorti filgħodu, imbagħad tiġi waqt li jkun hemm il-battibekk, meta jkun hemm il-vot.

Jien ma kellix dik ix-xorti bejn l-1996 u l-1998. Kien hemm Michael Bonnici bħala Deputy Speaker, kont Chairman tal-Kumitati, imma dak iż-żmien is-sitwazzjoni kienet differenti. Kellna lill-Perit Dom Mintoff jaqbeż u jastjeni, eċċ. u rightly so, Dr Eddie Fenech Adami – insellimlu minn hawnhekk, illum jagħlaq sninu – kien bagħat għal Michael Bonnici u kien qallu: “Inti taf li jekk trid tagħmel ruling, trid tivvota for the Motion, jiġifieri trid tivvota mal-Gvern biex tkompli d-dibattitu?”.

Niftakar li kien ġie fuqi Michael Bonnici jitriegħed – Alla jaħriflu – u qalli: Anġlu, ippresiedi int. Allura jien lanqas stajt immur il-Qorti. Kelli nuża l-casting vote għal 26 darba biex ovvjament il-mozzjoni tibqa’ miexja. Jien ammirajt lilek, Carmelo, apparti x-xogħol tiegħek. Nista’ nikkwota biss dak li semma Evarist Bartolo li verament analizza tajjeb il-parti saljenti, meta inti għedt hekk: “F’dawn is-snin tgħallimt aktar u aktar napprezza dawk id-Deputati li jkolli madwari kif ukoll aktar il-passi ebsin li diversi ħadu qabli fil-Parlament. Il-politika tgħallmek li deputati oħrajn huma l-għażla tal-poplu u ma jistgħux jiġu mċekkna jew imwarrba għaliex ma taqbilx magħhom jew għaliex b’xi mod idejquk. Jekk int fid-demokrazija trid tapprezzali kull deputat huwa parti minn dik l-inkarnazzjoni tal-vuċi tal-elettorat, jekk trid taħdem sew u sservi sew lil ħutek li vvotawlek, trid timxi f’dan il-kuntest uniku u ċertament mimli sfidi.”

Dan kollu huwa kif għandu jkun u kif għandha titħaddem id-demokrazija. Inti ovvjament għażilt ħamsa jew sittali ħallewna u għamilt sew. Jien nista’ nsemmi tlieta minnhom li kont nafhom, fosthom li Dr Ċensu Tabone.

Ovvjament ma lħaqtux fil-Parlament imma lħaqtu jpoġġi fl-ispiżerija ta’ missieri, l-Ispiżerija Vilhena, fejn kien tabib tal-għajnejn. Il-karattru ta’ Ċensu kien li jinsa l-politika u jara kif jagħmel il-ġid, tant li fis-sajf kien imur fil-missjoni jopera b’xejn. Lil missieri kien jgħidlu: “Jien għandi dan ix-xahar ma niġix il-clinic.” Aħna konna naħsbu li mar fuq vaganza, menti kien imur jopera volontarjament.

Semmejt lil Guido de Marco; naqqaxtu eżatt. Hawnhekk bilfors irrid nitkellem fuq Guido. Jien kont viċin Guido, kemm meta kont fil-Korp tal-Pulizija u kont għamilt ħafna xogħol miegħu kif ukoll fil-politika. Guido kien il-persuna, kif semmejtu int eżatt, li bilfors tasal f’kompromess miegħu għaliex kien jemmen li inti tista’ tagħmel xi ħaġa u tlestiha u allura kien jinvesti fik.

Niftakar lill-Perit Dom Mintoff jibgħat għalija – ma ninsewx li dawn kienu żminijiet diffiċli – u jgħidli: “Lil Guido kellimtu? X’qallek?” Dan għaliex dan kien persuna li kif għedt, kont tista’ tasal f’kompromess miegħu.

Ovvjament semmejt karattri oħrajn. Nispiċċa dawn il-kelmtejn tiegħi billi nsemmi lil Peppino Cassar, bniedem ġentlom u persuna korretta, persuna bħalek – għaliex jien segwejt anke l-aħħar artiklu tiegħek ta’ Enrico Berlinguer – għaliex inti ma toqgħodx lura milli tipprova tifhem anke lil min ma jaqbilx miegħek jew lil min ma taqbilx miegħu, għax tista’ tieħu l-ġid mingħandu.

Jien insegwihom l-artikli tiegħek, u Chris qalli li jaqrahom imma naħseb mhux Chris biss jaqrahom l-artikli tiegħek. Semmejt il-ktieb C’era una volta Enrico Berlinguer ta’ Veltroni. U Peppino Cassar, bejn l-1996 u l-1998, ilħaqtu l-Parlament, għamel Aġġornament u tkellem fuq ħsibijiet xellugin biex jipprova jasal f’abbokkament man-naħa l-oħra tal-Kamra.

Dak huwa l-politiku serju u dak huwa Carmelo Mifsud Bonnici.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...