Showing posts with label Jacques Pirenne. Show all posts
Showing posts with label Jacques Pirenne. Show all posts

4.2.26

ELF, MITEJN U TNAX-IL SENA ILU

1. Fil-proċess tal-istorja umana, dik li tħares lejn dak li seħħ u kif hekk fl-eventi partikolari tagħha hemm bnedmin li jżommu l-pożizzjoni tagħhom. Dawk li tiltaqa’ magħhom meta tkun għad fl-iskola primarja jew sekondarja u jibqgħu miegħek. Tiftakar fihom u fl-istess ħin jiġbdulek interess. Dawn f’kuntrast mal-ismijiet ta’ mexxejja jew ħassieba varji li jew tisma’ bihom u taqra dwarhom imma tinsihom, inkella dawk li tiskopri aktar ’il quddiem. F’dan ninsab grat għall-formazzjoni ekukattiva li ħadt, għalkemm nammetti li tulha kelli għatx għal iktar. Ċerti drabi, flok ħassejtni qiegħed nimrah aktar, sibtni wieqaf ma’ dak li ma tantx kien jinteressani. Imma f’dan xorta sibtni, minn dak li l-għalliema, il-kotba u l-ġurnali varji għaddewli, miexi ’l quddiem.

Wieħed partikolari

2. Niftakarni f’dan naqra u nerġa’ naqra artiklu twil dwar ħajjet Charlemagne (Karlumanju) (748-814 WK). Ħajtu, għemilu, kif kien jaħdem, jaqra u jqatta’ l-ġurnata. Kienu kitbu li kien qasam il-ġurnata fi tlieta. Tmien sigħat qari, tmienja eżerċizzju, u l-oħrajn irqad. Persuna dixxiplinata u li ġiebet lura l-ordni u l-għaqda ta’ diversi partijiet tal-Ewropa. Dak li kien il-mexxej tal-Franki u li fil-Milied tas-sena 800 ġie nkurunat Imperatur. Niftakarni nara l-varji kitbiet dwaru u l-ħsieb li telaq minn iben mexxej u gwerrier li assigura li jitgħallem jikteb u jaqra. Il-firma tiegħu tant partikolari kont ippruvajt ukoll nimitaha fil-pożizzjoni distinta tagħha. Karattru interessanti li saħħarni għal ħafna u li segwejtu kemm stajt.

Kotba varji

3. Wara kont xtrajt il-ktieb tal-istoriku kontemporanju Einhard (775-840 WK), The Life of Charlemagne. Qrajtu, huwa mimli b’informazzjoni u ammirazzjoni. Ħajtu ġiet ukoll f’hekk marbuta u mmexxija għal idejna ma’ dik ta’ dan l-Imperatur tant kbir. Anzi, inħoss li mertu ta’ din il-kitba, l-attenzjoni baqgħet ħajja u attwali. Baqgħet rilevanti u ebda storiku sussegwenti ma seta’ b’xi mod jinjora. Fil-fatt nammetti li sibtni b’numru ta’ kitbiet li fihom kull darba hemm referenza u riferenza għalih. Ħadd ma jinjorah, għalkemm mhux kulħadd jagħtih l-istess piż jew importanza. Proċess li ma jdejjaqniex għax fil-fatt mhux biss issiġillah f’dak li kien, imma wkoll serva sabiex oħrajn wara jivverifikaw dawn il-fatti li ġew miktuba minn Einhard. Peter Munz (1921-2006) jikteb proprju hekk: “The history of the history of Charles began with Einhard’s Life. There is much solid history in Einhard and it is in conceivable that any historian of Charles’s regin could ever think of dispensing with his work.” (L-istorja tal-istorja ta’ Karlumanju tibda mill-ħajja ta’ Einhard. Hemm ħafna fatti veri f’Einhard u huwa inkonċepibbli li xi storiku ta’ Karlumanju jista’ b’xi mod iwarrab fil-ġenb).

L-Imperu

4. F’dan kont fortunat li ġew f’idejja l-ewwel il-ktieb tal-istoriku Belġjan Henri Pirenne (1862-1935) bl-isem Mahomet et Charlemagne (bl-Ingliż Mohammed u Charlemagne). Kitba mill-iktar sabiħa dwar il-moħħ ta’ dan il-bniedem straordinarju f’ħidmietu. Waħda li l-awtur lesta mingħajr ma laħaq ippubblika. Ktieb li ibnu Jacques Pirenne (1891-1972) ħa ħsieb u li kien, u li għadu, suċċess. Ftit wara f’dan, fir-riċerka li nħobb nagħmel fil-Librerija tal-Università, li fiha diversi kotba għad-dispożizzjoni. Ħafna, li ċerti drabi niskanta kif ma jiġux mislufa u moqrija, u jibqgħu jiġbru t-trab jistennew. Hemm preżenti fruntieri kbar ta’ ideat, li nibqa’ dejjem iktar ferħan meta jiġu f’idi u nħossni parti minn dak il-proċess akkademiku u kulturali li m’għandniex nabbandunaw.

Oħra

5. Fuq dan issellift, l-ewwel il-ktieb tal-istoriku Taljan Gabriele Pepe (1899-1971), Un problema storico: Carlo Magno (1952). Wieħed mimli riflessjonijiet u li mexxieni sabiex mhux biss f’dan, imma li mmiss mal-ktieb l-ieħor tiegħu Lo stato ghibellino di Federico II (1951), li nittama li ma ndumx ma naqra. Imma aktar f’dan ġie f’idejja, mill-istess xkafef, il-ktieb tal-istoriku Awstrijak Heinrich Fichtenau (1912-2000), The Carolingian Empire (1957). Dak li ntlift naqra fit-tul u fil-paġni mill-isbaħ li fih. Għax għalkemm hemm ħajjet l-Imperatur u kif għex bil-passi li nafu bihom, hemm iktar. Hemm studju iktar profond u spjegazzjoni tal-kuntest storiku li fih kien qiegħed jaġixxi.

Ibda

6. Hemm żewġ punti li jmexxuna f’dan. L-ewwel: iċ-ċentralità ta’ dan il-bniedem f’dak il-perjodu. Il-Kapitolu Charles the Great jibda proprju hekk: “No man’s stature is increased by the accumulation of myths, and nothing is detracted from genuine historical greatness by the consideration of a man’s purely human side. In order to analyse an epoch it is necessary to analyse the man who was at the centre, who determined its character and who was, at the same time, shaped and determined by it. It is therefore not mere curiostiy but an endeavour to fulfil the historian’s task if we strive to pierce and get behind the myth that has surrounded the figure of Charles.” (Ebda statura ta’ bniedem ma tiżdied b’kumulu ta’ miti, u xejn ma jitnaqqaslu mill-kobor storiku veru billi wieħed iħares biss lejn l-aspett uman. Sabiex tiġi analizzata epoka huwa neċessarju li tifhem il-bniedem li kien fiċ-ċentru, li fassal il-karattru u li kien, fl-istess ħin, imsawwar u determinat minnha. Għalhekk mhijiex biss kurżità imma missjoni li twettaq ħidmet l-istoriku jekk nippruvaw nifhmu x’hekk wara l-miti li kienu akkumpanjaw lil Karlu.)

It-Tieni

7. Fit-tieni punt hemm l-ispjegazzjoni ta’ dak li wassal sabiex il-Papa Ljun III (minn Diċembru 795 sal-mewt tiegħu f’Ġunju 816) sabiex jinkurunah Imperatur. Il-pożizzjoni tiżviluppa fl-isfond tal-preżenza tal-Imperu Biżantin f’Kostantinopli. F’lejn min il-Knisja Kattolika u l-Papa setgħu jduru għall-protezzjoni. Il-Franki fil-poter Karolingu kienu f’dan dawk li għażlu li jkunu Kattoliċi. Dawk li għażlu li jiddefendu l-Fidi. L-awtur fil-fatt jindika li Karlumanju kien influwenzat b’kitbet Santu Wistin fil-ktieb De Civitate Dei f’dak li mexxej Nisrani bħalu kellu d-dmir iwettaq fid-dawl tal-wirt li l-kultura Kristjana tagħti. Ikompli jfakkarna li l-bini li l-aħħar Imperatur tal-Lvant fl-Italja, Ġustinjanu l-Kbir ħalla f’Ravenna influwenzah f’dak li bena għalih f’Aix-la Chapelle. It-tielet, fl-għarfien li billi kif jikteb: “Even since the year 754, when the papacy had made them ‘protectors of the Roman Church’, the Carolingians have considered themselves, among kings, specially chosen by God.” (Mis-sena 74, meta l-Papa ħatarhom ‘protetturi tal-Knisja Rumana, il-Karolingi kkunsidraw irwieħhom, fost ir-rejiet, maħtura u magħżula mill-Ħallieq tagħna.)

Meta kont iżgħar

8. Filwaqt li qabel l-inkurunazzjoni ta’ Karlumanju fil-Milied tas-sena 800 kienet għalija tidher aktar parti minn ambizzjoni personali tiegħu, illum nifhem sfond ieħor. Dak li seħħ juri iktar li l-Papa Ljun III riedu jinħatar Imperatur biex ukoll jinqata’ mill-Orjent, u fl-istess ħin assigura li ċ-ċerimonju tkun preċiż bħal ma kienet dik tal-Imperaturi Rumani Nsara passati. Ried li jkun ċert li ma jiġix ikkritikat minn dak iċ-ċentru ieħor Nisrani sabiex ikun ċar li sar u ġie stabbilit wara tant sekli fil-punent “Imperium Christianum”. L-awtur jiddikjara hekk: “Thus Charles was declared emperor of Christendom. From now on he considered himself a true emperor, no longer inferior to any of the earlier emperors of the east.” (Għalhekk Karlu ġie dikjarat imperatur tal-Kristjaneżmu. Minn dak il-mument ikkunsidra ruħu imperatur veru, mhux iktar inqas, jew inferjuri għall-imperaturi preċedenti tal-lvant.)

Dak li seħħ

9. Fir-realtà, meta wieħed iħares lura u jikkunsidra dak li ġara jifhem kemm illum aħna nfluwenzati b’dan kollu. Dik l-inkurunazzjoni biddlet l-istorja tal-bniedem fl-Ewropa, u tagħna magħhom. Stabbiliet rabtiet u assigurat l-eżistenza tal-Knisja Kattolika. Karlumanju kellu l-ambizzjonijiet tiegħu u kien gwerrier formidabbli, imma f’dan serva sew. Ġieb paċi u stabbiltà f’soċjetà li għal numru ta’ sekli kellha problemi kbar. Bnedmin bħal dawn kienu u jibqgħu importanti anki wara elf, mitejn u tnax-il sena mit-28 ta’ Jannar 814. Aktar u aktar meta fir-riċerka storika li saret, u li għadha ssir, il-pożizzjoni tiegħu tafferma iktar ruħha fil-fatti ’l bgħid mill-miti u l-leġġendi li naturalment jikbru.

10.1.25

IL-KAPAĊITÀ TAGĦNA FL-2025

1. Jacques Pirenne (1891-1972), f’waħda mill-kitbiet interessanti tiegħu jiddikjara hekk: “History is essentially a continuity and a unity; a continuity that goes on, without men being able to escape it, from generation to generation, and which links our own times to the most distant epochs; a unity, since in any society the life of each man is bound up with the lives of all others, even as in the community of nations, the history of each nation develops, without even being aware of it, as a part of the history of all the nations of the universe.” (L-istorja hija essenzjalment kontinwità u unità; kontinwità li tkompli, mingħajr ma l-bnedmin jistgħu jaħarbuha, minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni, li torbot żminijietna ma’ epoki antiki; unità, għax f’kull soċjetà tal-bnedmin kull persuna hija marbuta mal-ħajjiet tal-oħrajn, anki jekk, fil-komunità tan-nazzjonijiet, l-istorja ta’ kull nazzjon tiżviluppa, mingħajr ma tkun konxja, bħala parti mill-istorja tan-nazzjonijiet kollha tal-univers.)

Is-Sena 2024

2. F’din il-kontinwità u unità, wieħed irid jipprova jirrifletti fuq dak li għaddejna minnu. Fl-aħħar ħarġa ta’ The Economist, fl-editorjal tagħha għal dik is-sena tiddikjara, fost oħrajn, numru ta’ punti ta’ riflessjoni. Fil-qosor, tgħid hekk: (a) “2024 holds a more hopeful message” (L-2024 għandha messaġġ mimli b’aktar ottimiżmu); (b) “... it affirmed the resilience of capitalist democracies” (... affermat is-saħħa tad-demokraziji); (ċ) “... it laid bare some of the weakness of autocracies” (kixfet id-dgħjufijiet tal-awtokrati); (d) “There is no easy road back to the old order.” (Ma hemmx triq faċli lura lejn l-ordni tal-passat.) F’dan hemm affermazzjoni ċara favur id-demokrazija fis-sena fejn il-maġġoranza tad-dinja marret tivvota. Hija dik li kapaċi tibdel u tieħu vantaġġ miċ-ċirkostanzi sabiex tibni aħjar. Skont l-istess, jingħad hekk li hija abbli f’dan: “In 2024 democracies showed that they are built to take advantage of these opportunities – by sacking bad leaders, jettisoning obsolete ideas and choosing new priorities. That process is often messy, but it is a source of enduring strength.” (Fl-2024 id-demokraziji wrew li huma mibnija biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet – billi jneħħu mexxejja mhux tajba, jarmu ideat li huma antikwati u jagħżlu prijoritajiet ġodda. Dak il-proċess jista’ jkun ikkumplikat, imma huwa fonti ta’ saħħa li tibqa’.)

Is-Sena 2025

3. Hemm diversi kitbiet dwar dan kollu, fejn jispikka b’mod ċar li diversi qed jippretendu bidliet sodi. Qed iħarsu li fid-dinja jkun hemm lura l-paċi, l-ordni u l-istabilità. Li jieqfu l-kunflitti koroh li wasslu biss għal iktar telf ta’ riżorsi skarsi umani u mondjali. Diġà parti sew mill-elettorat fl-2024 ivvutat għal min wiegħed il-paċi. Min issa ser ikun strument jew li attwalment ser iġib dan huwa bank ta’ prova. Tmiem ta’ gwerer, dawk li qed naraw fl-Ukrajna, f’Gaża, fil-Libanu, fil-Jemen u fis-Sudan. Ħarsa ’l quddiem lejn dak li jista’ jikber fis-sewwa fis-Sirja. L-ottimiżmu li ġie ssudat iktar bid-dikjarazzjonijiet u diskorsi li smajna fl-aħħar tas-sena mill-“protagonisti”. Id-dinja llum qegħda tistaqsi jekk dan huwiex biss kliem fl-arja jew jekk hemmx passi konkreti sabiex dak li hu għaddej jingħalaq. Jiġi wkoll iddikjarat bħala l-agħar fażi f’seklu li kien qiegħed, fil-proċess globalizzat tiegħu, jimxi ’l quddiem lejn il-progress. Jekk dan verament iseħħ, bil-kumplikazzjonijiet antiki u ġodda, ser jinfetaħ staġun ta’ rikostruzzjoni għas-snin li ġejjin.

Inħarsu lura lejn il-Progress b’wiċċna ’l quddiem

4. F’dan irridu nifhmu li f’din l-esperjenza qarsa li għaddejjin minnha, hemm iktar apprezzament għal dak li gawdejna qabel. Tul din is-sena jkunu għaddew tmenin sena minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Bil-vantaġġi u l-iżvantaġġi li dan iż-żmien ġieb hemm sejħa sabiex l-ordni fil-paċi xejn faċli jidħol lura. Tmiem il-kunflitt tal-1945 telaq b’affermazzjoni ta’ żewġ pilastri: l-ewwel, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem; u t-tieni, il-vantaġġi tad-demokraziji. Dawn l-ankri ser ikunu mill-ġdid determinanti sabiex tinqabad dik it-triq. Però nimxu fiha mhux billi ndawru wiċċna lura u naħsbu li qed nimxu, imma aktar fl-għarfien tal-programmi li l-partiti taċ-ċentru, il-forzi moderati u li jiggarantixxu stabilità jridu jibnu mill-ġdid f’soċjetà li tilfet ħafna mir-ritmi tagħha. Dak li seħħ u għadu barra minn xtutna jaffettwana ċertament. Għalhekk tul l-2025, fil-proċess ta’ kontinwità u għaqda tagħna bħala nazzjon ma’ dawk ta’ madwarna, irridu nifhmu b’attenzjoni dawk l-opportunitajiet li ser jinfetħu. Il-pajjiż immexxi minn dak il-partit li ser ikun kapaċi jifhem dan kollu ser ikun jista’ jwettaq il-ġid.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...