9.1.24

PARTI MILL-UNJONI EWROPEA

1. Fi ftit xhur ser inkunu qed nersqu sabiex nivvutaw mill-ġdid biex minn fostna naħtru lil dawk li għandhom ikunu d-deputati fil-Parlament Ewropew. Mhux faċli biex wieħed jiġi elett. Daqshekk ieħor li wieħed jirnexxilu jkun f’żewġ partijiet f’daqqa. Jisma’ dak li jkun għaddej fuq dawn il-gżejjer u fl-istess ħin ikun kapaċi jsarraf dan fl-istituzzjonijiet Ewropej. Biss, huwa ċar li dan huwa eżerċizzju elettorali importanti u li jitlob mingħandna l-attenzjoni. Jitlob, l-ewwel, għax għandna bżonn iktar dożi ta’ Unjoni Ewropea fid-dibattiti nazzjonali; u t-tieni, għax aħna parti minn dan il-kontinent fid-dimensjonijiet sħaħ tiegħu.

Ta’ diversi pajjiżi

2. Aħna parti mill-Ewropa, u fil-ġenerazzjonijiet missirijietna kienu jħossuhom Ewropej. Forsi għax ġejna dominati għal ħafna żmien mill-Imperu Ruman, ukoll minħabba l-fatt li sibna ruħna parti minn min kien jaħkem Sqallija, kif ukoll għax l-istess Kavallieri ta’ San Ġwann kienu ċentru Ewropew. Barra minn dan, meta ġew l-Ingliżi bqajna nħarsu lejn dan il-kontinent nikkunsidraw ruħna Latini. Il-fatt jibqa’ li aħna parti mill-istorja Ewropea, parti minn din il-benniena ta’ ċiviltà, tal-għerf, tal-ħsieb ta’ ħidmet il-bniedem. Storja kumplessa u ħafna drabi, kif qed nerġgħu naraw illum, doloruża. Storja li għaddiet minn triq li rat ġlied, distruzzjoni, għeluq, imma wkoll rikostruzzjoni u bini ta’ strutturi li jibnu Stat u l-ideal tiegħu.

Demokrazija


3. F’dan, il-proċess sħiħ huwa mertu ta’ ideat varji u bnedmin ta’ intelliġenza li minnhom għandna Ewropa miftuħa. Waħda li bniet lilha nfisha mhux f’kunċetti dittatorjali, tiranniċi, imma fi ħdan id-demokrazija. Fi ħdan sistema li tippermetti li l-poter ikun iktar f’idejn il-poplu, li għandu d-dritt li jagħżel, li jneħħi, li jipprotesta u li jippretendi tmexxija tajba. Dik li minnha, fiċ-ċaħda ta’ tmexxiji awtoritarji, kull persuna f’territorju Ewropew huwa garantit fi drittijietu. Huwa protett f’dawk li maż-żmien inbnew bħala drittijiet u libertajiet fundamentali. Hemm bżonn nagħrfu li, qegħdin fejn qegħdin illum, dan hu proprju minħabba proċess twil li l-istorja Ewropea serviet f’demokrazija unika.

Iktar miftuħa

4. Wasalna b’għaqal, b’intelliġenza, b’għerf sabiex għandna bliet aktar miftuħa. Bliet li jikkomunikaw ma’ xulxin u li huma parti minn programmi ta’ koperazzjoni u informazzjoni. F’kull stat membru qed jitwieldu u jikbru ċittadini ġodda u f’ambjent differenti minn dak ta’ qabilhom. Fejn il-kunċett ta’ ċittadinanza Ewropea, flimkien ma’ dik nazzjonali, huwa realtà qawwija. Dik li tippermetti li wieħed jaħdem f’pajjiżi oħra, jitgħallem hemm fis-sistemi edukattivi, speċjalment fl-universitajiet, u li b’hekk tgħaqqad iktar dak li kien qabel iktar mifrud. Hemm Ewropa ġdida li tiġi ffurmata jum wara jum mertu ta’ dak li seħħ fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Hemm iktar bnedmin ġejjin minn realtajiet varji li qed jiġu f’daqqa.

Riflessjoni

5. F’dan il-mument jixraq li nagħmlu riflessjoni fuq il-viżjoni li għandna fil-preżent u dik li sejrin għaliha fil-futur. Dik li minnha ġie estiż iktar il-kunċett ta’ patria, li jżid fil-valur minn dak ta’ wieħed strettament nazzjonali. Dik li tagħti dimensjoni aqwa lis-solidarjetà u lill-ġustizzja soċjali. Dik li ppermettiet żvilupp fejn qabel ma setax iseħħ. Dik li, anzi, ġiebet il-preservazzjoni aqwa tal-wirt storiku u kulturali tal-poplu. Proċess speċjali, u f’ħafna llum wasalna f’dak li ma jistax jiġi mneħħi. Ma nistgħux immorru lura lejn dak li konna qabel, kif dawk li telqu minn ħdan l-Unjoni Ewropea qegħdin, biċċa biċċa jirrealizzaw, fil-kumplikazzjonijiet li daħlu fihom. Kif kien qal tajjeb politiku Taljan xi snin ilu: “Dopo i successi e i traguardi raggiunti in termini di prosperità, solidarietà sociale, abolizione delle frontiere e moneta unica, si tratta di andare avanti lungo la via dell’unità politica, della costruzione di una politica rivolta al mondo intero, per la quale occorre il contributo di tutti, cittadini, politiċi, intellettuali.

Postna

6. Waqt li f’dan infakkru t-tmienja u disgħin sena minn meta, fis-16 ta’ Jannar 1926, kien hemm l-għaqda bejn iż-żewġ partiti li ffurmaw il-Partit Nazzjonalista. Filwaqt li f’dan niftakru wkoll li wieħed mill-għanijiet prinċipali tiegħu kien dak li jġib: “The moral, intellectual and economic uplifting of the social classes on the principles and criteria laid down by Leo XIII in his Encyclical Rerum Novarum.”, nagħrfu aħjar kemm kien pass loġiku u naturali għalina li nħarsu lejn dak li wettqu b’tant kuraġġ, determinazzjoni u viżjoni tlett politiċi Demokratiċi-Kristjani wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Kemm, għalhekk, kien pass fi triqitna li nsiru parti mill-Partit Popolari Ewropew. Kemm kien pass daqshekk ieħor ta’ fiduċja li naħdmu sabiex pajjiżna jsir membru tal-Unjoni Ewropea. Postna huwa fi ħdan l-Unjoni għax aħna partit Demokratiku-Kristjan. Min jiċħad dan il-proċess storiku jkun qiegħed jipprova jibdel dak li verament seħħ u dak li huwa l-iskop politiku tal-eżistenza tagħna.

Ma nżarmawx dak li m’għandux jiġi żarmat

7. F’dan ċertament, l-isfida għalina li bħala partit batejna sabiex pajjiżna jsir indipendenti u wara membru tal-Unjoni, huwa li nipproteġu dawk il-kisbiet. Imma hemm qegħdin, u kif editorjal ta’ The Economist tat-30 ta’ Settembru 2023 bit-titlu ‘Bigger and Better’ kien qal b’tifħir u fil-bżonn ta’ tkabbir: “Joining the world’s most successful club of peaceful, prosperous democracies”, it-theddida għal dawn l-avvanzi rridu nagħrfu li ġejja minn politika li trid tmur il-kontra ta’ dan il-proċess. Il-partiti tal-lemin u dawk tal-lemin lemin jadvokaw, f’xi mument jew ieħor, in-nuqqas ta’ mħabba tagħhom għall-Unjoni. Jarawha bħala dik li ma welldux. Jarawha li flok hija strument ta’ progress soċjali u ekonomiku, għalihom hija xkiel politiku. F’dan, għalhekk, huwa daqshekk ieħor ċar li s-saħħa Ewropea tiddependi minn kemm l-Unjoni Ewropea hija soda.

Sehem attiv

8. Għalhekk f’dan m’hemmx dubju li għandna nagħtu sehem attiv sabiex dan il-pass politiku jkollu aktar suċċess. Sabiex il-pajjiż tagħna jikber u javvanza soċjalment, ekonomikament u kulturalment għandu bżonn ikun hemm bl-aġenda tiegħu. Mhux biss dik nazzjonali, imma wkoll dik Ewropea. Dik li aħna rridu li l-Unjoni Ewropea ssir aktar aħjar u li jkollha tħaddim aħjar tal-valuri etiċi Nsara tagħna. Pajjiżna għandu jifhem li m’għandu xejn inqas minn ħaddieħor. Jifhem li jista’ jibdel id-deċiżjonijiet f’direzzjonijiet aqwa. Proprju għalhekk li għandna nifhmu li għandna bżonn iktar Ewropa fil-politika nazzjonali tagħna, fil-Parlament ta’ pajjiżna. Proprju għax aħna verament parti mill-Unjoni Ewropea.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...