1. Diġà smajna li din is-sena ser ikun hemm ferm iktar miljuni msejħa jivvutaw f’pajjiżi varji. Għaddejja analiżi ta’ dak li qiegħed iseħħ u ta’ dak li għad għandu jiġi. Mhux faċli taqta’, u daqshekk ieħor tibdel dak li tqis li hu għaddej u li ġej. Hawn wisq instabilità ekonomika fid-dinja ġejja minn żidiet qawwija fil-prezzijiet ta’ komoditajiet varji. Effetti diretti u immedjati ta’ dak li hu għaddej fl-Ukrajna u f’Gaża u dak li l-kunflitt minsi ġewwa l-Jemen qiegħed isarraf. Dawk li fihom ninsabu għaddejjin mingħajr tarf ta’ soluzzjoni. Uħud abbandunati għal riħhom. Oħrajn li fihom hemm biss vuċijiet solitarji, bħal dik tal-Papa Franġisku li jibqa’ jsejjaħ b’insistenza għall-paċi u l-ftehim. Hemm nirrealizzaw li hemm kumuli ta’ fatti, eventi, konsegwenzi li għandu jinkwetana. Iktar u iktar meta diversi mexxejja fil-preżent qed iħarsu mingħajr kuraġġ ta’ viżjoni għall-futur. Meta jippreżentaw ruħhom bħala forzi ta’ stabilità u protezzjoni għal futur inċert.
Apparenza
2. F’dan, il-bnedmin li jgħixu l-ħajja normali tagħhom iridu li dan kollu jieqaf. Iridu bidliet li jżommu lura dan il-proċess distruttiv. Jippretendu mill-mexxejja ta’ pajjiżhom u tad-dinja li dan isir. Mhux passi fit-toroq tal-apparenza, imma dawk fis-sewwa. Mhux direzzjoni li terġa’ ġġibek lura minn fejn tlaqt imma li tmexxik ’il quddiem. Diversi drabi t-tweġiba politika ma tkunx f’bidla f’dak li qed jingħad u jsir, imma li kollox jibqa’ wieqaf fil-parenza li miexi. Hemm wisq tattiċi f’din il-linja li ma jħallukx timxi, imma jsiru biss raġuni biex ma jsir xejn. Pożizzjonijiet li jiġu okkupati minn politiċi jidhru li qed jinbidlu l-okkupanti imma fil-fatt ikunu qed jiġġustifikaw lilhom infushom billi jtawwlu.
Il-bidla tbeżża’
3. Ħafna drabi f’dan hemm ir-reazzjoni umana li ilna naraw għaddejja. Dik li minnha joħroġ biċ-ċar li kull bniedem u kull soċjetà jippreferu li jibqgħu kif inhuma. Jippreferu li ma jibdlux dak li għandhom u jibdew jibgħatu l-messaġġ, l-ewwel li kif inhuma jafu imma kif ser ikunu le; u t-tieni li m’hemmx alternattiva vera u allura aħjar tibqa’ b’dak li għandek. Hemm min jikteb u jinsisti li kollox jinbidel minn ġewwa u dan jaħsbu li huwa biżżejjed. Imma fil-verità l-bidla, biex tirnexxi, trid issir sija minn barra kif ukoll minn ġewwa. U din hija iktar ikkumplikata u diffiċli. Ħadd ma jrid jaqbad it-triq ’il quddiem u diversi jridu jibqgħu kif inhuma jew kif jaħsbu li kienu, għax hekk ikun hemm inqas inkwiet. Faċli aktar ma tiċċaqlaqx, imma hekk tkun qed tiftaħ il-bieb għal konsegwenzi oħra. Dawk li huma ferm iktar diffiċli u li jikkundizzjonaw il-possibilità ta’ bidliet futuri.
L-elezzjonijiet huma dak li huma
4. F’dan huwa ċar li elezzjonijiet ġenerali, presidenzjali u lokali jafu li għandhom il-potenzjal li jġibu. Fl-għażla li trid issir bejn li tħalli kollox għaddej jew li tagħżel li tibdel. Fil-verità, fl-esperjenza twila li l-bniedem għadda minnha, huwa jippreferi li jibqa’ kif inhuwa jekk qiegħed jgħix f’dak li jikkunsidra li hija għalih ħajja deċenti. Jippreferi ma jissugrax jitlef dak li jħoss li għandu f’idejh. Ma jitlaqx l-affarijiet għax jaf li se jispiċċa b’xejn. Hekk jidher li għaddej fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Pajjiż fiċ-ċentru tal-kontinent Afrikan. Pajjiż li jħaddan fih madwar mija u tnax-il miljun persuna. Wieħed li għadda minn diffikultajiet kbar f’dawn l-aħħar tletin sena. Wieħed li fih il-faqar imiss il-maġġoranza tal-poplu fil-livell ta’ 60 fil-mija.Wieħed li fih il-korruzzjoni hija parti dominanti tal-ħajja. Wieħed li ilu s-snin, mill-indipendenza tiegħu fl-1960, jara ġlied intern u għadu sallum b’partijiet tiegħu wieqfa minħabba f’dan. Imma fuq l-oħra huwa mimli b’riżorsi bħar-ram raffinat, kobalt, id-djamanti u fejn l-ambjent naturali huwa mill-isbaħ u pulmun qawwi Afrikan.
Fl-aħħar tas-sena
5. Pajjiż li kellu forma ta’ stabilità bil-President Joseph Kabila (1971), li serva bħala President għal tmintax-il sena, bejn l-2001 u l-2019. F’dan, lejn l-aħħar tas-sena, il-pajjiż għadda sabiex jeleġġi l-President u l-Parlament tiegħu. Kien hemm tlett kandidati, li minnhom jidher li ġie rielett Felix Antoine Tshisekedi Tsihilombo (1963), li mexxa l-Union for Democracy and Social Progress. Dwar dan il-proċess elettorali kien hemm id-dubji, u l-kandidati l-oħra Martin Fayulu (1956) u Moise Katumbi (1964), it-tnejn ipprotestaw kontra r-riżultat. Aktar u aktar fid-awl li fl-aħħar elezzjoni tal-2018 il-Knejjes Insara kienu ddikjaraw, minn dak li raw u kkontrollaw, li kellu jkun Faylulu u mhux Tshisekedi li kellu jiġi elett. Però hemm wisq interessi strateġiċi u ekonomiċi u dawk, flimkien mal-korruzzjoni, ma tantx iqegħdu l-prospetti tajba. Ħafna pajjiżi, irid jingħad ukoll, li jippreferu li jkun hemm stabilità fil-pajjiż għax hemm jibqa’ assigurat il-bejgħ ta’ dawn il-materji primi. Biss trid għajnuna varja għax din l-ex kolonja Belġjana, fejn il-lingwa Franċiża tiġi mitkellma, ilha tara interventi barranin varji sija fil-politika interna tagħha kif ukoll mill-estern b’attakki militari varji.
Unité, Securité, Prosperité
6. F’dan kollu jidher li l-Qorti Kostituzzjonali, fuq talba ddikjarat li Tshisekedi ġie elett demokratikament. Diversi stati, fosthom l-Afrika t’Isfel u l-Istati Uniti ferħulu u ddikjaraw li jridu jaraw, fil-futur, il-bidu ta’ proċess iktar trasparenti u wieħed li mhuwiex diffiċli li jiġi kontrollat mill-abbużi. Waqt li pajjiżna qiegħed, nittama, fil-proċess li jkollu strateġija fir-rigward tal-kontinent Afrikan, oħrajn jafu fejn iridu jmorru. Il-figuri juru li hemm skambju qawwi fil-kummerċ ma’ pajjiżi varji: Ċina, Stati Uniti u l-Afrika t’Isfel fuq quddiem. Hemm bżonn iktar ħidma mill-komunità Ewropea u pajjiżna. Dan iktar u ikar għax is-sitwazzjoni mhijiex mimlija b’ħafna stabilità. F’dan, il-President iddikjarat elett jaf li jrid jaħdem sew biex jara ċaqliq fid-direzzjoni tal-kliem elettorali li huwa għażel: “Unité, Securité, Prosperité”.
Passi ’l quddiem
7. Pajjiżna għandu l-opportunità li jagħraf aktar dan kollu u wieħed għandu jimxi ’l quddiem fih. Huwa fl-interess sħiħ tagħna li jkollna relazzjonijiet dipolomatiċi iktar qawwija ma’ dan il-pajjiż. Il-proċessi tal-iżvilupp u dawk tal-progress demokratiku u soċjali jiddependu wkoll minn dak li pajjiżi bħal tagħna jistgħu jikkontribwixxu għalih. Fl-għarfien li l-istabilità demokratika hija ferm importanti llum, u li għandna naħdmu għas-soċjetà ta’ għada. Hemm futur li rridu naħsbu fih. Mhuwiex wisq ’il bogħod, imma b’ħidmietna nkunu qed nuru li nemmnu li l-istabilità hija importanti li tiġi ikkultivata għax il-passi ’l quddiem isiru fil-kalma u l-gradwalità, u mhux fil-kontra.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
16.1.24
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment