3.1.24

LEJN DAK LI ĠEJ

1. Kif jiġri f’dawn il-jiem, wieħed jipprova jieqaf jaħseb fuq dak li kien u fuq dak li ġej. Iħares lejn l-eventi li għadda minnhom fil-ħajja privata u personali tiegħu. Iħares ukoll lejn dak kollu li għandu madwaru li jsawwru fid-deċiżjonijiet li jara li għandu bżonn jieħu. Iħares fl-għarfien sħiħ li l-bniedem jipproponi ħafna, u ħafna drabi wara jsib ruħu fid-diffikultà li jwettaq. Imma f’din it-triq normali hemm ukoll l-arja t-tajba li wieħed jirrifletti fuq dak kollu li hu u dak li jixtieq aktar li jkun. Ċertament is-sena li qed inħallu warajna ma kienet faċli xejn. Kienet mimlija b’kumplikazzjonijiet u sfidi, uħud megħluba u oħrajn le.

Sena differenti

2. F’dan, kull sena tiġi bid-differenzi sħaħ tagħha. Din li għaddiet fetħet il-bieb għal kunflitt militari ieħor. Diġà ilna naraw it-tbatija li l-gwerra tal-Ukrajna qegħda toħloq lil kull persuna. Direttament lil dan il-poplu li bi sforzi xejn faċli qegħdin iżommu lura l-avvanz ta’ forza ikbar minn tagħhom. Lilna wkoll, fl-għarfien li rajna diversi prodotti jżidu fil-prezz fis-suq, f’dan l-għoli tal-ħajja li qiegħed jirbaħ jum fuqna wara jum. Issa, bl-attakki li għaddejjin f’Gaża, il-pożizzjoni m’hi se tkun xejn aħjar. Proċess li jidher għaddej u li ħadd ma jista’ jwaqqfu, jew li min qiegħed fih ma jridx. Proċess ta’ distruzzjoni li ma jgħin xejn fl-istorja umana u li minnu qed tinżera’ aktar iż-żerriegħa tal-mibgħeda.

Paċi u Ġustizzja

3. F’dan, il-prijorità tagħna tibqa’ dik li nħarsu li nkunu parti minn sforzi varji li jwasslu lejn il-waqfien mill-ġlied. Jekk il-kunflitti jieqfu u l-partijiet jinġiebu madwar mejda, is-sitwazzjoni tinbidel. Il-paċi fid-dinja tkabbar lill-bniedem. Tmexxih ’il quddiem fl-iżvilupp li tant hemm bżonn li jsir. Fl-Ukrajna u Gaża ċertament programmi varji ta’ rikostruzzjoni. Imma f’dawn is-sentejn id-dinja ħasset hija wkoll il-kolp u qed tfittex sabiex terġa’ tara d-dawl. Il-progress soċjali, ekonomiku u kulturali huwa dipendenti fuq il-paċi u l-ġustizzja. Mingħajrhom m’aħniex f’pożizzjoni li navvanzaw ’il quddiem bħala bnedmin fid-dinja. Ftit jifhmu sew dan il-kunċett, imma min jaqra u josserva l-istorja jirrealizza kemm dan huwa minnu.

Xenarji oħra

4. Dan, minnu nnifsu, huwa diġà ikkumplikat. Imma daqshekk ieħor dak li qiegħed f’pożizzjoni li jiżviluppa fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. F’dawn il-ġranet għandna mdendel l-eżitu tal-elezzjonijiet presidenzjali. Il-President attwali, Felix Tskisekedi, qiegħed jiġi dikjarat li diġà rebaħ mandat ieħor imma l-Oppożizzjoni mhix taċċetta dan f’elezzjoni mimlija b’nuqqasijiet elettorali. Minn dak li jidher bil-protesti li għaddejja, il-pajjiż jaf jidħol lura fi gwerra ċivili. Diffikultà akbar f’pajjiż li jgħodd mal-erbgħa u sittin miljun ruħ. Wieħed li fih hemm aktar minn 64% tal-popolazzjoni li jgħixu fuq inqas mill-ekwivalenti ta’ żewġ ewro kuljum. Faqar qawwi f’pajjiż sinjur sew li mhuwiex kapaċi jqassam aħjar il-ġid materjali tiegħu. Jekk dak li qiegħed jinbena ser ikompli għaddej ser naraw iktar bnedmin jaħarbu mill-pajjiż u jiġu lejna għar-rifuġju.

Determinazzjoni

5. F’dan kollu, fil-prijorità hemm l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li ser immissu magħhom sew fl-ewwel sitt xhur tas-sena. Pajjiżna ħa diversi benefiċċji mill-fatt li sar membru sħiħ. Għamlitlu differenza sija soċjalment, kif ukoll materjalment u politikament. Aħna, mingħajr ma nifhmu biżżejjed, nagħmlu parti sħiħa mit-tfassil tal-politika Ewropea interna u esterna. Għandna sehem fil-kontribut tal-ideat li għandna nieħdu ħsieb li nifformulaw aħjar u li għandu jkollna l-kuraġġ li naħdmu għalihom. Proċess li hemm bżonn li jsir għax nara dejjem il-bżonn ta’ iktar diskussjoni fuq dak li għaddej fl-Unjoni Ewropea.

Iktar Ewropa

6. Trid tidħol f’dan il-prattika li qabel, jew almenu wara numru ta’ laqgħat li l-Ministri jattendu għalihom hemm, li ssir diskussjoni parlamentari fuq dak li ser ikun hemm u l-pożizzjoni tagħna. Fuq dan ninsabu sajmin, salv għall-Prim Ministru, li jiġi bi stqarrijiet għad-diskussjoni. Proċess li naħseb li huwa fih innifsu tajjeb li però jista’, l-ewwel issir aħjar b’aktar ħin għad-dibattitu; u t-tieni billi Ministri oħra jagħmlu l-istess, anki jekk ikunu fil-Kumitati. Ngħid li forsi ma nirrealizzawx kemm persuni jsegwu regolarment dak li jkun għaddej minn fuq l-istazzjon parlamentari. Jippruvaw jifhmu dak li nkunu qed ngħidu u jimxu magħna fid-dinja demokratika tagħna. Ma nistgħux nistennew li l-pajjiż jieħu sehem attiv meta niddeċiedu aħna, imma jrid ikollna d-determinazzjoni li ninfurmaw aktar u aħjar sabiex dan iseħħ.

Inkun qed nonqos

7. Ma xtaqtx ngħaddi għas-sena li ġejja mingħajr ma nieħu ħsieb infakkar il-memorja ta’ persuna li, fortunatament, iltqajt miegħu. Ngħid dan għax l-għada tal-Milied ġie nieqes Wolfgang Schauble (1942-2023). Kelli x-xorti li nsir nafu fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Ministru tal-Intern Ġermaniż, bniedem dejjem ippreparat u kapaċi jesponi l-ideat tiegħu bl-aktar mod ċar u dirett. Bniedem li kien importanti f’pajjiżu. Ikkunsidrat għal ħafna żmien bħala s-suċċessur ta’ Helmut Kohl. Kien hu li nnegozja mal-awtoritajiet Sovjetiċi sabiex il-pajjiż jingħaqad lura f’daqqa. Għal dan ħallas prezz għoli għax sparawlu u spiċċa paralizzat.

Wolfgang Schauble

8. Biss, fid-determinazzjoni tiegħu li skoprejt direttament, dan ma żammux lura milli jidħol lura jaħdem u jservi f’karigi differenti, fosthom dik ta’ Ministru tal-Finanzi fl-iktar żmien diffiċli għall-Unjoni u wara bħala Speaker tal-Bundestag. Kellu karriera twila b’ħidma varja. Ħidma li minnha pajjiżna ibbenefika diversi drabi minnha. Kien mertu tal-appoġġ deċiżiv tiegħu fil-kamp tal-Immigrazzjoni Irregolari li stajna niftħu kapitoli li sa qabel kienu magħluqa għalina. F’dan niftakru waqt laqgħa li kellna f’Pariġi. Vjaġġ li ġie preċiż qabel wieħed ġewwa Kiev fuq is-suġġett fejn kulħadd ma tantx kien favur il-proposta tagħna, u anzi kien hemm lista twila ta’ dawk li riedu jaqtgħulna qalbna. Imma fil-Kapitali Franċiża, bl-intervent dirett tiegħu, biddel il-pożizzjoni ta’ pajjiżu. Bqajt in kuntatt miegħu sakemm il-karigi rispettivi ippermettew. Minn dawn l-esperjenzi tgħallimt sew, u ta’ dan nagħti kredtu lilu.

Inħarsu lejn il-futur

9. F’dan għandna d-dmir li nħarsu sew ’il quddiem. Li nibnu aħjar il-programm ta’ ħidma li għandu jkollna fl-Unjoni Ewropea. Schauble huwa parti integrali minn dan. Serva lil pajjiżu, imma serva wkoll sew lill-Unjoni Ewropea. Il-ħidma tiegħu wieħed irid janalizzaha f’dak li kienet u jifhem kemm wettaq ġid. Fuq dan hemm bżonn dejjem iktar li nibnu programm ta’ ħidma aħjar lejn dak li ġej għalina. Waħda li titlaq minn dak li l-poplu ta’ dawn il-gżejjer jippretendi li jkun hemm. Fis-sitt xhur li ġejjin, u fid-dibattiti li ser inevtabbilment joħorġu, ikun żball jekk ma nagħrfux fihom l-esperjenzi passati u ma nħarsux sew lejn il-futur li ġej għalina.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...