1. Għandu raġun l-Arċisqof Charles J. Scicluna li qiegħed isejjaħ sabiex jikber iktar is-Sens tal-Istat (Sense of State) f’ħidmietna bħala politiċi f’pajjiżna. Għax l-interessi tal-poplu jimxu ’l quddiem mhux fuq linji politiċi partiġġjani, tal-mument, imma meta jkunu jaħsbu fit-tul. Meta jikkunsidraw fil-fond u b’attenzjoni dak li jkunu ser iġibu fuq il-bnedmin fis-soċjetà. B’għarfien lejn dak li hu u dak li għandu jkun. Dak li huwa nazzjonali u dak li huwa biss paġna fil-politika indirizzata biex togħġob temporanjament parti mill-elettorat. Ħidmietna għandha tkompli tkun indirizzata li nħarsu lejn dak li bih ikun hemm iktar sewwa, iktar ġustizzja u iktar ordni u stabilità. Iktar sens li aħna għandna nservu interessi aktar nobbli u superjuri li bihom jitwettaq il-ġid.
7 ta’ Jannar 2024
2. Dik l-intervista ħarġet fl-ewwel Ħadd tas-sena u bl-ideat u bil-pożizzjonijiet varji tagħha ġiebet diskussjoni f’pajjiżna u barra. Fl-istess jum, f’pajjiż ieħor seħħew eventi li minnhom wieħed għandu jifhem kemm is-Sens tal-Istat huwa importanti f’soċjetà demokratika. Ngħid dan fil-kuntest ta’ dak li seħħ fl-Ekwador. Wieħed li huwa ’l bgħid minna fid-distanza, imma li jitlob riflessjoni fil-qrubija tiegħu. F’dik il-ġurnata, f’dak il-pajjiż ħarab mill-ħabs ċertu Adolfo Marcias, magħruf bħala ‘Fito’. Kien qiegħed iservi sentenza ta’ sitta u tletin sena ħabs fuq kundanni varji marbuta mat-traffikar tad-droga. Il-bniedem huwa figura ċentrali fl-aġenda ta’ dak li huwa magħruf bħala ‘Los Choneros’, il-grupp ċentrali tad-droga fil-pajjiż u fil-madwar.
Ħidma xejn faċli
3. Din il-ħarba ġiebet magħha forma ta’ gwerra ċivili interna li l-President Daniel Naboa (1987) qiegħed jaffronta. Huwa l-iżgħar President, elett ta’ ħamsa u tletin sena, li għadu kif ħa l-ġurament fit-23 ta’ Novembru 2023. Kif fuq dan iddikjara stat ta’ emerġenza u kuntrast lil dawn l-organizzazzjonijiet terroristiċi, fid-9 ta’ Jannar il-pajjiż ra grupp armat iwaqqaf programm fuq stazzjon segwit sew. Segwa l-ġlied fit-toroq u ftit jiem wara, fis-17 ta’ Jannar, inqatel Cesar Suarez (1985-2024), prosekutur li kellu diversi kunflitti ma’ setturi kriminali tan-narkopolitika. Is-sitwazzjoni m’hi faċli xejn, speċjalment għal din il-ġenerazzjoni żagħżugħa li qed taffronta stat kriminali fi Stat leġittimu.
Kibret
4. Is-sitwazzjoni kibret u ikkumplikat ruħha sew. Il-gazzetta prestiġġjuża The Guardian, fuq dan kollu qalet hekk: “Few Ecuadoreans were prepared for just how swiftly and steeply the security situation in their country could plummet. Murder and violence linked to drug trafficking has soared, as the country has become one of the most dangerous in Latin America.” (Ftit Ekwadorjani kienu ippreparati għal kif b’daqstant ħeffa kellha togħdos ’l isfel is-sigurtà ta’ pajjiżhom. L-omiċidji u l-vjolenza marbuta mat-traffikar tad-droga kibru b’mod qawwi, hekk kif il-pajjiż sar wieħed mill-iktar perikolużi fl-Amerika Latina.) Dan fih iktar piż meta wieħed iqis li Naboa ġie elett preċiżament għax għandu l-aġenda politika tiegħu li biha jitnaqqas il-konsum tad-droga u li jipprovdi iktar mezzi għat-trattament mediku tal-abbuż li hija ġġib.
Kif inbidlu
5. Ftit snin ilu, fl-2019, dan kien il-pajjiż li kien ikkunsidrat bħala l-iktar wieħed sigur, fejn il-kriminalità kienet l-iktar baxxa. Imma dan inbidel, mertu tal-korruzzjoni qawwija u politika favur id-droga. Waħda li flok tavversa l-konsum, inkorraġġietu. U kif nafu, dan jibdel ix-xenarji. Flok ikun hemm il-miżuri ta’ kontroll ikun hemm dawk li jgħinu, jiffaċilitaw it-traffikanti mondjali. Kif intqal tajjeb fl-aħħar edizzjoni ta’ The Economist: “Ecuadorean gangs have generated cashflows by establishing a lucrative foothold in Europe, where cocaine consumption is growing.” (Ċorom Ekwadorjani iġġeneraw id-dħul ta’ ħafna flus billi stabbilew ruħhom ġewwa l-Ewropa fejn il-konsum tal-kokaina qiegħed jikber.) U dawn huma armati: “They possess machineguns, rifles and grenades that enable them to take on Ecuador’s poorly trained armed forces.” (Dawn għandhom fil-pussess tagħhom machineguns, azzarini u granati li permezz tagħhom huma kapaċi jisfidaw l-armata tal-pajjiż li mhix imħarrġa biżżejjed.)
Diana Salazar
6. Il-pajjiż għaddej minn żmien diffiċli ħafna, proprju minħabba din il-politika żbalajta li flok tikkuntrasta qed tħajjar it-teħid tad-droga. Il-piż waqa’ iktar fuq l-Avukat Ġenerali, Diana Salazar (1981), li għalkemm diġà kellha suċċessi varji passati, is-sitwazzjoni ta’ issa hija ferm iktar diffiċli u ikkumplikata. Permezz ta’ ħidmietha spiċċaw il-ħabs diversi persuni nvoluti f’din il-linja ta’ narkopolitika, fosthom membri tal-ġudikatura u tal-korpi dixxiplinati. Din hija verament sfida ferm iktar qawwija għaliha – waħda ta’ ħajja jew mewt. Però jidher ċar li taf fejn sejra. Mhux biss fid-direzzjoni, imma wkoll fil-viżjoni sħiħa tagħha. Anzi aħjar, fis-Sens tal-Istat tagħha meta iddikjarat: “The criminals, the terrorists, will not hold back our commitment to Ecuadorian society.” (Il-kriminali, it-terroristi mhux ser iżommuna lura mill-impenn u dmirijietna lejn is-soċjetà Ekwadorjana.)
Lezzjonijiet
7. Dak li seħħ u li hu għaddej minnu dak il-poplu għandu jservina ta’ gwida. Sfortunatament, pajjiżna llum huwa mifni bid-droga. It-traffikar tagħha kiber b’passi sproporzjonati, kif jaf kulħadd. L-eroina waħedha titkellem. U dan kiber minħabba numru ta’ raġunijiet, fosthom il-messaġġi indiretti mill-Gvern. M’hemmx dubju li dan ġieb ukoll iktar kriminalità organizzata u sofistikata magħna. Id-droga ma tistax tiġi biss minn toroq legali. Kif din tiġi stabbilita, jidħol kukkużejt baħar inkontrollabbli. F’dan diġà qed naraw li hemm żoni fejn il-forzi tal-ordni ma jistgħux jintervjenu kif iridu. B’dak li qiegħed jiġi propost f’White Paper dwar id-droga, ċertament issa l-pożizzjoni ser taggrava. Fl-opinjoni tiegħi huwa diġà irresponsabbli li tvaraha, iżda huwa daqshekk ieħor ferm u ferm iktar irresponsabbli jekk tiġi implimentata legalment.
Nifhmu
8. Proprju għalhekk is-Sens tal-Istat għandu jagħtina d-direzzjoni neċessarja biex dak li ġej għalina jitwaqqaf. Jekk irridu nġibu lura l-ordni f’ġajjiżna. Jekk irridu nikkumbattu l-kriminalità li hawn irridu nikkontrollaw it-traffikar tad-droga, u mhux nissudawh. Għax soċjetà li jkollha fiha bnedmin maħkuma mid-droga titlef. Titlef fl-abbiltajiet umani. Titlef fis-settur tal-ekonomija n-nadifa. Titlef fin-normalità u tkabbar l-inkwiet. Bl-emendi li saru qbadna triq perikoluża u jekk se nibqgħu sejrin b’dak li qed jiġi propost se niġu f’dak li ma jistax jiġi ikkontrollat. Tikber fina ż-żerriegħa tas-sikrana, li diġà qed tħarbat u tkisser familji u persuni varji. Jikbru biha s-serq u d-delinkwenza varja. Nispiċċaw bi Stat ġewwa Stat. Stat Kriminali li jitpaxxa jgħix fuq il-ġid u s-saħħa li Stat leġittimu u demokratiku kapaċi jipproduċi.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment