1. Ma nafx kemm ftakruh jew kemm iċċelebrawh tul din is-sena. Ma segwejtx biżżejjed, imma dan ma jfissirx li aħna ma nistgħux inwettqu dan. Ma jfissirx li m’għandniex nitkellmu fuq bniedem li influwenza ġenerazzjoni ta’ bnedmin. Għadda, anzi, aktar aħjar, l-imħabba li huwa kellu lejn il-kultura, l-arti, l-istorja. Dak kollu li wieħed jista’ jġib f’daqqa biex jgħid li jinsab f’ċiviltà jew fi preżenza ta’ oġġetti li huma parti integrali minna, li jixhdu għalina. Bniedem li forsi stajna injorajna fil-ħajja noramli tal-umanità. Imma b’kif ġew l-affarijiet sab ruħu segwit, mitkellem u ikkunsidrat sew. Minn bniedem tal-akkademja, tal-kitba tad-diskorsi mgħallma sar wieħed tal-mezzi ta’ telekomunikazzjoni. Wieħed li eżerċita influwenza kbira fuq l-opinjonijiet u l-ideat ta’ dawk li jagħrfu jew jixtiequ aktar li jkunu parti minn wirt uniku.
Ridt aktar
2. F’dan saħħaħt aktar id-determinazzjoni li nfakkar ħajjet Kenneth Clark (1903-1983). Infakkru għax jaħbat il-mija u għoxrin sena mit-twelid tiegħu l-erbgħin sena minn mewtu. Żewġ appuntamenti li jitolbu attenzjoni f’din is-sena li sejra, biċċa biċċa, lejn it-tmiem tagħha. F’dan stajt nikteb qabel, però ma ħassejtnix biżżejjed ippreparat fir-riċerka li nxtaqt nagħmel. Dan għax nammetti li nħoss li ħalla legat uniku warajh. Kiteb diversi kotba interessanti u sbieħ fuq l-arti. Fosthom li nħosshom li għamlu impatt hemm Leonardo da Vinci: An account of his development as an Artist (1939); Ruskin Today (1964) u Rembrandt and the Italian Renaissance (1966, fost diversi oħrajn. Affermat sew fid-dinja tal-arti u mgħarraf sew bl-ideat partikolari tiegħu. Uħud għolla bl-istima tiegħu; oħrajn ħalla wara fin-nuqqas tiegħu. Biss huwa magħruf l-iktar għax wettaq dak li ħadd ma kien irnexxilu qablu.
Suċċess partikolari
3. Akkademiku ċertament kien ukoll, imma wkoll il-bniedem li ġie fdat sija mill-Istat kif ukoll mis-settur privat fi proġetti u ħidmiet varji. Kien dak li ta’ età verament żgħira ġie maħtur direttur, l-ewwel tal-Ashmolean Museum ta’ Oxford u wara tan-National Gallery ta’ Londra. Żewġ tempji tal-arti u l-kultura Ewropej. Fil-fatt ħa ħsieb jippreserva l-kollezzjoni tat-tieni tul it-Tieni Gwerra Dinjija billi ħadhom f’għar fond, moħbija u ippreservati. Waħda li reġgħet ġiet esposta differentement kif ried hu u f’ċertu sens jista’ wkoll jiġi identifikat bħala dak li ddefendiha u li ġiebha lura għad-dawl. Ngħid aktar dan quddiem il-fatt li għalkemm huwa minnu li kien hemm kittieba oħra qablu u warajh li ħallew diversi kotba tal-arti u l-kultura mill-iktar sbieħ, interessanti u li titgħallem minnhom, biss hu mmarka parti oħra. Dan għax fehem il-potenzjal u minn hemm għalhekk daħal fid-dinja tat-televiżjoni ta’ żmienu. Programmi varji li ma kinux tas-suċċess li xtaq minnhom, imma li indirettament wasslu l-messaġġ li min jikteb fuq l-arti jrid jidher ukoll jiddiskutiha u jesponiha b’intelliġenza. Linja li segwew, kif naraw, Simon Schama (1945), Vittorio Sgarbi (1952) jew Andrew Graham-Dixon (1950) fost oħrajn.
Civilisation
4. Kien fl-1969, mertu tal-inizjattivi ta’ persuni varji bħal David Attenborough (1926) mill-BBC li beda proċess sabiex isiru numru ta’ programmi ta’ kultura. Wara ikla li saret bejniethom beda dan il-proġett uniku li wassal għal tlettax-il programm kulturali bl-isem ta’ Civilisation. Wieħed li ġieb udjenzi kbar isegwuh. Wieħed li tarah kemm-il darba tarah jgħaddilek ideat u punti ta’ viżta differenti. F’ħafna, ċertament, iħajrek taqra aktar. Iħajrek tħobb dak li tara u tifhem aktar għala bnedmin varji mexxew ’il quddiem il-progress intellettwali tagħna. Niftakarni narah meta dan ġie mxandar l-ewwel darba, naħseb fuq l-istazzjon nazzjonali Taljan. Kien u għadu għal qalbi, jispirani u jħajjarni nfittex fih mill-ġdid.
Bniedem uniku
5. F’dan, ċertament, dak li kiteb u dak li nsibuh jgħid huwa evidenza li l-bniedem kien ippreparat u fl-istess ħin lest li jgħaddi dak li jaf lil ħaddieħor. Aspetti varji tiegħu li sibt waqt li qrajt partijiet tajba taż-żewġ volumi awtobijografiċi tiegħu: Another Part of the Wood (1974) u The Other Half (1977). Fihom minjiera ta’ informazzjoni varja li tgħinek tifhem lilu u lill-bnedmin li kienu madwaru, mill-ħajja politika għal dik kulturali, ekonomiku u reliġjuża. Xtaqt niċċita biċċiet varji tagħhom imma ħassejt li meta tkellem dwar dan il-programm jiddeskrivi kemm ġie milqugħ tajjeb, huma indikattivi. L-iktar fil-missjoni tiegħu li biha rnexxilu jġib l-arti lill-poplu. Mhux dinja ta’ dawk li huma affluwenti, imma ta’ kull persuna. Difatti, huwa jgħid: “A success like this is always hard to explain. I believe that the average man was pleased when someone spoke to him in a friendly, natural manners about things that he had always assumed were out of his reach. This communication with simple people was one of the things about the programmes that particularly annoyed intellectuals of the left, who believed that they had a prescriptive right to speak to the working classes.”
Dikjarazzjoni
6. Biss ħassu iktar sod mhux biss fl-udjenza li ried jasal għaliha, imma aktar fis-sustanza tal-ideat. Fil-bżonn li jfiehem li hemm ideat b’saħħithom wara kull opra tal-arti. Imma mhux biss. Fil-fatt, fit-tlettax-il programm jiddikjara numru ta’ punti f’forma ta’ konklużjoni: “I hold a number of beliefs that have been repudiated by the liveliest intellectuals of our time.” (Nemmen f’numru ta’ ideat li l-aqwa intellettwali attivi ta’ żmienna huma kontra tagħhom). Ħsibijiet li nistgħu, u anzi għandna, naqblu magħhom. Dan iktar meta jgħid li huwa jaqbel mal-ordni u mhux mal-kaos, mal-ħolqien iktar minn mad-distruzzjoni. Jippreferi l-ġentilezza mill-vjolenza, il-maħfra mill-vendetta. Li l-għerf huwa ferm aħjar mill-injoranza u li hu iktar sabiħ: “I am sure that human sympathy is more valuable than ideology.” (Ċert li s-simpatija umana hija ta’ valur aqwa mill-ideoloġija.)
L-Istorja
7. Forsi b’aktar enfasi imma li tiġbor f’ħafna ħidmet ħajtu hemm ċentrali l-importanza tal-istorja. L-iktar fl-iżbalji li l-bniedem jaqa’ fihom meta jabbanduna l-lezzjonijiet tal-passat. Huwa jgħid hekk: “I believe that in spite of the recent triumphs of science, men haven’t changed much in the last two thousand years; and in consequence we must still try to learn history. History is ourselves.” (Minkejja t-trijonfi reċenti fix-xjenza nemmen li l-bnedmin ma nbidlux f’dawn l-aħħar elfejn sena u fil-konsegwenza għandna nibqgħu nitgħallmu l-istorja. L-istorja hija aħna stess.) Ideat, dikjarazzjonijiet li flimkien ma’ ħafna juruh bħala dak li serva lill-poplu biex jinfluwenzah għat-tajjeb, għall-imħabba tal-istorja, tal-kultura, tal-arti u tal-bniedem. F’dan, ċertament nagħraf li dan l-artiklu waħdu ma jagħmillux ġustizzja għall-ħajja iddedikata tiegħu, imma jista’ forsi jservi biex ma jiġix minsi. Forsi, anzi fl-iktar miegħu il-bżonn li nikkultivaw, nissudaw, nagħrfu u mhux niddistruġġu ċ-ċiviltà li nħaddnu u li aħna parti minnha.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment