1. M’hemmx messaġġ isbaħ minn dan, minn dak li jwasslulna l-kotba u kull ġrajja irrakkuntata minn din. Minn dak kollu li nkiteb fiż-żminijiet tal-eżistenza umana m’hemmx aħbar bħal din. Għada niċċelebraw Jum Partikolari Uniku: Il-Milied. Il-ġurnata li f’sekli twal il-bnedmin fakkru t-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Fl-isfond ta’ dak li l-Evanġelisti jirrakkuntaw ma tistax ma tiqafx biex tifhem u tirrifletti fuq dak li seħħ. F’kif bniedem twieled fl-ifqar kundizzjonijiet immaġinabbli. F’għar f’Betlem, miftuħ għall-elementi mara welldet iben li għallem u mexxa ’l-bniedem. Biddel kollox ta’ taħt fuq u ġieb lura d-dinjità umana. Tana veritajiet li kull min iġarrab fil-ħajja jagħraf li jagħmel sew jekk isegwihom.
L-Għaqal
2. Il-messaġġ uniku tiegĦu jibdilna fil-bżonn li nfittxu l-verità u li f’din it-triq insibuha. Mhux kull min kiteb kotba li jixirqu attenzjoni għandu din is-sejħa fi ħsiebu u fi kliemu. Uħud jaħsbu li jistgħu jgħixu mingħajr verità. Oħrajn jaħsbu li l-verità ma tistax tinstab. Oħrajn li għandhom fihom il-missjoni li jħajru sabiex din it-tfittxija ma ssirx għal raġunijiet varji, fosthom li mhijiex utli. Għix li trid, aħseb li trid, imma tħabbilx rasek għax m’hemmx tama għall-futur. Mentri l-messaġġ Nisrani huwa proprju l-kontra. Tiftix tal-fatti, tas-sewwa, tal-verità sabiex wieħed jifhem aħjar il-ħajja u l-iskop li għalih twieled. Proċess li jinsab fil-fatt moħbi ġewwa kull persuna. Kull bniedem, f’xi mument iħoss dan il-bżonn: li jfittex u jiftaħ biex jinbidel. Isir, fl-għaqal tal-ħajja, aħjar milli kien sejjer lejn il-verità.
Dawl kbir
3. F’dan hemm il-pass sabiex il-bniedem jidħol aktar għal dan id-dawl tal-verità. Għax kull persuna trid tifhem u timxi ’l quddiem. Tifhem fid-dawl tal-ħajja. Tifhem fi kliem il-Profeta Isaija fejn jingħadilna: “Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; in-nies li joqogħdu f’art id-dlam, dawl idda fuqhom.” Fil-lejl li ser ngħaddu minnu hemm dan il-messaġġ qawwi li jingħadilna, imma mhux neċessarjament nagħtu wisq kas tiegħu. Mentri huwa parti mill-qofol dirett u b’saħħtu. Dak li jimmarka biex jibdel il-bniedem fil-qalb u l-moħħ tiegħu. Dak li, kif jiġi spjegat fil-kliem ċar tal-magħruf Monsinjur Dun Lawrenz Sciberras: “Fil-lejl qaddis tal-Milied id-dawl jixhed u juri r-rabta mas-saltna tas-sewwa u tal-grazzja. Id-dlam juri r-rabta mas-saltna tal-ħażen, mas-saltna tad-dnub, mas-saltna tal-mewt.” It-triq li kull persuna għandu fih u li jrid ifittex li jsib u jaqbad hi li jagħżel bejn id-dawl jew id-dlam. Dik li twasslu lejn il-verità u t-tama f’ħajtu u fil-futur.
Ferħ u hena
4. Mhux biss, imma f’dan hemm proċess aktar uniku li kull persuna tmiss miegħu: dak li ssib u li wara tixhed għall-verità. Kull bniedem, fl-użu ta’ kliemu, verbali jew miktub, għandu dan quddiemu. Għandu din l-għażla, li mhijiex dejjem faċli. Trid sforz kostanti. Iktar u iktar fiż-żewġ pożizzjonijiet. L-ewwel meta ma tafx il-verità, u t-tieni meta tkun tafha. Hemm, f’dan, bilanċ fil-qalb u fir-ruħ tal-bniedem, fil-paċi u r-responsabbiltà. Iktar u iktar meta taf il-verità u hemm taf li meta tiddikjaraha tħossok aħjar milli meta tiċħadha, jew taħrabha, jew toskuraha. Fil-verità, issir ħaġa waħda miegħed innifsek. Issir aktar dak li fid-dinjità umana tiegħek għandek tkun. Tagħraf l-hena ta’ dan. Tagħraf il-ferħ li jiġi mill-fatt uniku li tkun wettaqt is-sewwa, anzi, li f’dak il-mument partikolari ssir parti mis-sewwa.
Paċi u Responsabbiltà
5. Il-messaġġ li Jum il-Milied iwassal huwa ċertament dak li għandna nkunu fid-dawl u fil-verità. La nidħku bina nfusna u lanqas bl-oħrajn. Bina nfusna, l-ewwel, fl-illużjoni li mexjin jew sejrin tajjeb meta hemm, fil-fond tagħna nafu li mhuwiex minnu. Meta nibdew, jum wara jum, ngħixu dak li mhuwiex u ntawwlu sabiex ma niltaqgħux mal-verità. Nimxu naħsbu li nistgħu niddeċiedu aħna meta hu l-aħjar għalina li naċċettaw u ningħaqdu mal-verità. Meta, fil-frattemp, il-kumplikazzjonijiet jikbru u l-effetti jsiru aktar diffiċli biex jiġu lura lejn il-paċi. Fit-tieni, lejn l-oħrajn ħutna li lejhom għandna r-responsabbiltà. F’dawn li migħandna jridu l-verità u jħarsu, iduru lejna għaliha. Wara iktar diffiċli, iebsa u kkumplikata f’dawk li jafuk li tfittex il-verità li huma stess jafuha, imma li ma jridukx tgħidhielhom. Dawk li, anzi, jriduk tidħak bik innifsek bħalma jkunu qegħdin, sfortunatament għalihom, jagħmlu huma għalihom infushom. Tgħid xejn biex nibqgħu għaddejjin fid-dlam u għada pitgħada forsi naraw. Imma dan huwa għal kollox kontra l-paċi u r-responsabbiltà tagħna bħala bnedmin fil-ħajja u fid-demokrazija fejn irridu nagħtu kont ta’ għemilna. Fit-tfittxija tal-verità u fl-affermazzjoni tat-tama.
B’rispett u b’qalb miftuħa
6. Hemm, f’dan kollu, id-diffikultà imma finalment il-ferħ li twettaq dan kollu b’imħabba lejn il-proxxmu. M’intix fonti ta’ għerf: trid biss tassigura li tkun xhud tal-għerf. Tgħin fil-proċess uman sabiex wieħed jasal għal ħajja aħjar. Hemm il-pjaċir li jitwieled fil-bniedem li jkun parti minn dan il-proċess sħiħ. Jaħdem mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Jissielet b’perseveranza lejn kif għandna naħdmu u nkunu bħala bnedmin. Jaħdem u jinsisti li hemm bżonn ta’ iktar ġustizzja, ta’ iktar paċi, ta’ iktar dinjità. Jaħdem anki f’dan. Jikteb sabiex din il-gazzetta tkun hija wkoll xhud tal-verità u tad-dawl li din is-soċjetà tant, u dejjem, għandha bżonn. Għax għandna tant f’idejna. Tant għad-dispożizzjoni tagħna li ninjoraw li hemm bżonn li nsibu. Infittxu lura dak kollu li aħna fil-valuri Nsara li aħna nħaddnu. Dawk li jwelldu mill-ġdid fina dak li flimkien m’għandniex ninjoraw il-verità u t-tama.
Nawgura
7. F’dan, nieħu l-okkażjoni sabiex nawgura mill-qalb il-Milied it-Tajjeb, l-ewwel lil dawk kollha li jaqrawni u li jsegwuni fuq il-mezzi soċjali u t-tieni lilek, Sur Editur, u lill-ħaddiema kollha tagħna li jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa twettqu l-ħidma tagħkom b’tant dedikazzjoni u sagrifiċċji personali.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment