18.12.23

IL-VALURI DEMOKRISTJANI TAGĦNA

1. Ma naħsibx li ħbejt jew ippruvajt nidher mod ieħor. Ma naħsibx li waqajt lura fil-pożizzjoni ċara li għandi f’moħħi. Tul dawn is-snin fejn akkumulajt aktar esperjenza u esperjenzi politiċi varji żammejt ma’ din l-ankra ta’ valuri. Dawk li fis-sħiħ tagħhom tawni direzzjoni, u fl-istess ħin żammewni naħdem għal dawk li rajt u ħassejt li l-iktar għandhom bżonn. Iktar u iktar f’partit li jiddikjara ruħu Demokratiku-Kristjan mingħajr tlaqliq ta’ xejn. Dak, anzi, li fl-esperjenzi politiċi pożittivi tiegħu ra politika demokristjana titwettaq. Dak, anzi, li għadu jħares lura b’ammirazzjoni u tifħir lejn politiċi preċedenti li proprju għax kienu demokristjani servew unikament lill-poplu tagħna.

Fid-dubji preżenti

2. Dak li huwa ċar għalija napprezza li mhuwiex hekk għall-oħrajn u f’dan nifhem li l-vuċi ta’ dawk li huma Demokristjani ma tkunx popolari għalihom. Però, trid tinstema’ sew. Dan iktar u iktar fil-kurrenti interni li inevitabbilment iqumu. Dawk, l-ewwel, li twieldu minn jekk il-partit għandux jinbidel biex isir wieħed li mhuwiex. Liberali fis-sens ideoloġiku tal-kelma, iktar u iktar wara s-suċċess inizjali u apparenti tal-amministrazzjoni Laburista ta’ Joseph Muscat, kif ukoll f’dawk li jħalltu kontinwament bejn li tħobb il-libertà u li tmur għal-libertinaġġ. It-tieni, dawk li jiġu minn kurrenti barranin li jinfluwenzawna f’dak li għaddej fl-Italja ta’ Giorgia Meloni, fir-Renju Unit li kienet ta’ Boris Johnson u f’pajjiżi varji oħra li sejrin lejn iktar lemin mil-lemin. It-tielet, dak li jqum mill-fatt li kull min ikun kontra l-Gvern, għandu x’għandu ideat politiċi jinġabar taħt umbrella waħda tal-partit tal-Oppożizzjoni.

L-Ideoloġija


3. F’dan qrajt lil min, tul dawn is-snin barra minn pajjiżna, u wara b’eku jew HMV li l-ideoloġiji politiċi spiċċaw. Infetħu bibien iħeġġu lejn forom varji ta’ politika ibbażata fuq dak li llum huwa identifikat bħala populiżmu fil-kuntesti u forom varji tiegħu. Il-politika mingħajr linja ċara u ibbażata fuq ix-xejn żbalji twettaq. Dan huwa mill-iktar evidenti quddiemna f’pajjiżna wkoll. Il-Partit Laburista stess qiegħed jifhem dak li daħal fih u b’xi mod jidher li hemm min irid ifakkar lilu nnifsu u lill-oħrajn li huwa soċjalista jew soċjal-demokratiku. L-ideoloġija politika hija essenzjali biex wieħed jimxi ’l quddiem f’linja ta’ ideat u programm evidenti. Diskors li aħna stess għandna nifhmu fil-kuntest sħiħ ta’ dak li aħna verament. Għandna struttura mibnija fuq il-blat tal-linja demokratika-kristjana. Jista’ jkun li hemm min irid minflok jibni fuq ir-ramel u, kif nafu, mal-ewwel maltemp jaqa’ kollox.

Grazzi Mario


4. Għandu raġun f’dak li qal bl-iktar mod ċar Mario de Marco fl-aħħar Kunsill Ġenerali tal-partit. Aħna partit taċ-ċentru, u nżid miegħu, wieħed moderat. M’aħniex dawk li jħajru jew iħeġġu lejn id-diskors dispreġjattiv u dak li jitwieled mill-mibgħeda. M’aħniex populisti jew estremisti tal-lemin. Inħarsu lejn l-użu intelliġenti tar-raġuni. Inħarsu lejn li nwettqu l-ġid lil kull persuna fis-soċjetà tagħna. Inħarsu li jkollna amministrazzjoni fejn tikber il-ġustizzja u mhux il-vendetta. Inħarsu lejn it-tisħiħ kontinwu tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Inħarsu li nkunu dawk li jwieġbu għar-realtà ta’ madwarna. F’dan niftakru iktar f’dak kollu li diversi mexxejja u politiċi demokratiċi-kristjani wettqu. M’għandniex eżempji ħżiena quddiemna. F’dan m’għandniex minn xhiex nistħu. Għandna, minflok, il-bżonn ta’ iktar dikjarazzjonijiet li aħna demokristjani u li hemm bżonn li l-politiċi tallum u ta’ għada jifhmu dan il-patrimonju nazzjonali.

Ninkwetaw


5. Imma ninkwetaw meta niġu assoċjati mal-lemin estrem u l-populiżmu varju tiegħu. Ninkwetaw li nsibu ruħna, bħala Partit Nazzjonalista, assoċjat ma’ dan il-moviment żbaljat, bħalma rajna fil-gazzetti tal-Ħadd li għadda. Ninkwetaw li aħna niġu mbiċċra politikament fuq dan, imwaqqa’ għar-redikolu u, iktar minn hekk, ma jkun hemm reazzjoni ta’ xejn. Ninkwetaw li qisu seta’ kien hemm min għoġbitu li jista’ jkun assoċjat mal-eżempji ħżiena ta’ kif tmexxi pajjiż u jgħaddi kollox. Li seta’ kien hemm min ma ddejjaqx li l-partit ikun imqabbel ma’ dawk li ma jħobbux id-demokrazija u li ma jirrispettawx id-dinjità tal-bniedem. Li qisu xi affermazzjoni ta’ poter jew suċċess. Jiddispjaċini, bħal diversi oħrajn barra fit-triq li jarawna fejn aħna. Hemm diversi li jifhmu u jridu jimxu biex il-pożizzjoni tiċċaqalq lejn dak li aħna verament. Hemm sejħiet varji li jimmiraw f’direzzjoni waħda.

Ir-riħ idur

6. Nistgħu nkunu lura fir-riżultati, imma kif nafu, id-dinja tinbidel u l-politika hija wkoll pendlu. Biss, fil-frattemp, irridu nifhmu li hemm bżonn iktar vuċijiet demokristjani li jinstemgħu. Mhuwiex aċċettabbli li diversi jiġu esklużi minn dak li qed jaħdmu għalih. Li ma jiġux mistiedna proprju għax għandhom dawn l-ideat daqshekk ċari f’moħħhom. Dawk li jiddikjaraw ruħhom fil-kontra ta’ dak li qiegħed isir, u dan mhux b’kapriċċ jew pjaċir, imma għax iridu l-ġid lil dan il-partit. Dawk li qed jifhmu, jum wara jum, li għandna dmir ninbidlu biex inwieġbu għal dak li l-maġġoranza tal-poplu jrid. Dawk li qed jindunaw li hawn prijoritajiet nazzjonali li l-Gvern jinbidel. Dawk li qed jifhmu li fl-aħħar tal-leġislatura ser ikollna partit li ilu ħmistax-il sena fil-poter u sejjer lejn ħames snin oħra. Ċert li bil-ħidma t-tajba, b’dik intelliġenti, ir-riħ ser idur.

Nikkultivaw, għalhekk, dak li aħna

7. Nistgħu niġu kkritikati minn diversi. Dan m’għandux ikun forza ta’ debbulizza, imma ta’ tisħiħ. Huwa neċessarju li naqbdu, illum qabel għada, il-proċess li bih nifhmu min aħna u nimxu ’l quddiem. Nifhmu li l-politika t-tajba ssir fuq is-sens u s-sustanza tagħha u mhux fuq l-apparenzi. Nifhmu li aħna m’aħniex moħħna fid-diskors mimli arja imma fuq il-valur tal-ideat li għandna. Nifhmu aktar li l-politika t-tajba ssir minn isfel għal fuq, u mhux bil-kontra. Nifhmu aktar minn qabel li aħna partit b’valuri uniċi li huma għad-dispożizzjoni tagħna. Valuri li għandna niskopru mill-ġdid u nġibuhom lura fis-seħħ. Valuri li jekk nibqgħu lura minnhom ser jitilfu mis-saħħa tagħhom u dan meta t-tessut politiku Malti qiegħed, iktar u iktar minn qatt qabel, jitlobhom. Għandna patrimonju uniku li huwa għad-dispożizzjoni tagħna. Dmirna huwa proprju dak li nħaddmuh għall-ġid ta’ pajjiżna. Dak li nassiguraw li naffermaw il-valuri Demokratiċi-Kristjani tagħna.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...