6.12.23

MARSAXLOKK – PARK NATURALI TA’ XROBB L-GĦAĠIN - XOGĦLIJIET

13934. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża: Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet saru fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin, f’Marsaxlokk, tul l-2022 u l-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

 

28/11/2023


ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġewwa l-park naturali ta’ Xrobb l-Għaġin għadna kemm inawgurajna Wildlife Rehabilitation Centre ġdid li se jipprovdi ambjent u faċilitajiet aħjar għar-riabilitazzjoni ta’ annimali selvaġġi feruti, kif ukoll se jservi bħala ċentru għar-riċerka u l-edukazzjoni ambjentali. Iċ-ċentru ġie żviluppat b’investiment ta’ €2.5 miljun iffinanzjat parzjalment minn fondi Ewropej taħt il-programm reġjonali ERDF u fondi nazzjonali.

B’rabta ma’ dan il-proġett, fl-aħħar sentejn saru diversi xogħolijiet biex ġiet irranġata l-binja eżistenti kif ukoll sar tisbiħ tal-madwar. Matul l-2022 ix-xogħolijiet kienu jikkonsistu primarjament f’ restawr tal-bini tal-Ex-Deutschewelle fejn tneħħew is-soqfa kollha li kienu kundannati, filwaqt li ġew infurzati l-kolonni li kienu qed iżommu s-soqfa li matul is-snin kienu ddeterjoraw u nagħataw konkos ġdid biex jinfurzahom. Ġiet irranġata wkoll is-sitema li kien hemm tal-effiċjenza tal-enerġija, flimkien mar-restawr tal-faċċata kollha tal-binja.  Matul l-2022, Ambjent Malta kompliet ukoll bix-xogħol fuq il-manteniment tal-parti rurali u naturali fejn tul is-snin kienu tħawwlu aktar minn 20,000 siġra u arbuxell f’dan il-park naturali. Dan ix-xogħol kien jikkonsisti f’tisqija, tneħħija ta’ speċi invażivi, tħawwil ta’ siġar u arbuxell f’diversi żoni ġewwa l-park.

 

Matul l-2023, ix-xogħlijiet intensifikaw fir-riġward tal-interventi strutturali fejn tkomplew il-partijiet relatati mal-finishes  kif ukoll fuq is-sistemi tad-dawl u l-ilma madwar il-binja kollha. Ġew installati sistemi ġodda ta’ pompi li jtellgħu l-ilma baħar għal ġewwa t-tankijiet, li nbnew apposta għall-fkieren li jkun qed jiġu riabilitati fil-Wildlife Rehabilitation Centre.  Ġew attrezzati wkoll kmamar apposta biex iżommu fihom fawna tal-art (bħal qniefed u friefet il-lejl) li jkollhom bżonn kura u interventi mediċi, qabel jerġgħu jitpoġġew fl-abitat naturali tagħhom. Ġew installati sistemi ta’ CCTVs li jimmonitorjaw il-post kollu u sistema elettronika li tkun qed tagħmel monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma baħar li jkun hemm fit-tankijiet tal-fkieren. Inbniet ukoll guva kbira biswit din l-binja biex isservi għar-rijabilitazzjoni tat-tjur salvaġġ. Inbniet ukoll sub-station tad-dawl biex dawn is-sistemi ġodda jkunu jistgħu jaħdmu mingħajr ebda diffikultà.

Ta’ min isemmi wkoll li Heritage Malta nediet proġett relatat mal-iskavar tat-tempju neolitiku li jinsab fi Xrobb l-Għaġin.

Ix-xogħlijiet li saru jfisser li reġa’ nfetaħ spazju ta’ 150,000 metru kwadru bħala park għall-pubbliku.

 

Seduta  186

05/12/2023

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...