1. Għaddejjin lejn l-aħħar jiem ta’ din is-sena. Dik li kienet, fil-kumplessità tagħha, waħda ta’ attività umana mill-iktar intensiva. Waħda li fiha, diversi bħali għamlu dak kollu li setgħu biex jgħinu lil dawk li huma l-iktar batuti fis-soċjetà tagħna. Dawk li jinsabu emarġinati u li ftit nisimgħu dwarhom fir-retorika politika tagħna. Hemm sofferenza qawwija li dawn il-persuni għaddejjin minnha. Tbatija li teżisti u li trid tweġiba. Teħtieġ rimedji ġodda fi stat soċjali li jiġġedded u mhux li jibqa’ wieqaf. Trid tmiss direttament ma’ kif tibdel iktar milli toqgħod tħares lejn ta’ min huwa t-tort ta’ dak li jseħħ. Hemm bżonn iktar attenzjoni u dawn, sija jekk huma Maltin u Għawdxin bħalna, kif ukoll jekk le.
Kitba
2. F’dan nibqa’ nemmen fil-forza tar-raġuni. Nibqa’ nemmen li l-pinna hija ferm iktar b’saħħitha minn kwalunkwe aġir ieħor fid-dinja politika. Dak li tgħid u dak li tagħmel jiġu ikkalkulati mal-kitba. Nibqa’, f’dan, nemmen li kull politiku għandu d-dmir li jikteb. Jikteb fil-gazzetti sabiex jinfluwenza b’dak li huwa ġie elett mill-poplu għalih. Meta jibqa’ lura minn dan jagħti spazju lil min għandu ideat differenti minn tiegħu li mhux neċessarjament ikunu tajba għall-ġid tas-soċjetà tagħna. Dawk li jafdawlna l-fiduċja jitolbu li jkunu jafu dak li naħsbu fuq dak li jkun għaddej u dak li naħsbu li għandu jsir. Fir-realtà din hija parti sabiħa mill-ħidma politika vera. Dik li tmexxina ’l quddiem fl-ideat li nesprimu u dawk l-oħra ta’ dawk li ma jaqblux magħna.
Sena ta’ artikli
3. F’dan żammejt l-appuntament magħkom f’dawn l-artikli tal-Ħadd, kif ukoll f’dawk li jidhru f’In-Nazzjon kull nhar ta’ Tlieta. Tiskanta kif jakkumulaw, u fl-istess ħin kif issib l-ispazju biex twettaq dan. Hemm, fuq naħa, l-aspett tal-komunikazzjoni u hemm, fuq l-oħra, dak tal-pjaċir tiegħek stess li taħseb, taqra u tniżżel dak li moħħok ikun qed jieħdok ġo fih. Ħafna drabi frott ta’ ġimgħat ta’ riflessjoni li jimmaturaw, b’xi mod, ġewwa fik. Dawk li jinbtu wkoll mill-kotba varji li jiġu f’idejja. Din is-sena, għalhekk, qbiżt il-mitt artiklu f’dan il-proċess u nħares lura lejn dak li bdejt u dak li nħoss f’qalbi u f’moħħi li għandi nibqa’ ninsisti fuqu. Forsi għandi dożi varji ta’ determinazzjoni fil-perseveranza sabiex isir dak li hu sewwa. Fil-linja li ma ngħixx f’dinja tal-ipokresija imma nħaddan dik tal-verità, kiefra kemm tista’ tidher għalija u bl-istess mod għall-oħrajn. Imma dejjem nipprova nkun sod fl-ideat li nikteb. Sod fir-raġuni u fil-fatti u mhux fl-illużjonijiet jew il-fantasija. Il-politika hija xjenza li trid tikkultiva l-abbiltajiet kbar tagħha biex twettaq il-ġid.
Preparazzjoni
4. Trid verament ħafna preparazzjoni fi triq li tibqa’ dejjem tħossok li għadek ma waslatx fejn tixtieq tasal. Imma dan ma jaqtax il-qalb imma jissudaha sabiex timxi u warajk tiġbed oħrajn, inkella almenu timxi ma’ oħrajn. Pajjiżna għandu bżonn ta’ politika ferm iktar bis-sens u fl-attenzjoni ta’ dak kollu li hemm bżonn. Qegħdin għas-servizz mhux tagħna nfusna imma tal-oħrajn li nirrappreżentaw. Għalhekk, filwaqt li ċertament il-ħajja tbaskatna sabiex insiru fuħħar aqwa f’idejn il-Fuħħari, għandna d-dmir nimxu aħna stess ’il quddiem. Fil-kriżi politika preżenti dan mhuwiex volontarju imma issa huwa iktar neċessarju. Nibqa’, f’dan, ninsisti sabiex isir dak li huwa sewwa u li nibqgħu nikkumbattu dak li mhuwiex.
Viżjoni
5. Dan huwa suġġett li fih innifsu jista’ jsir issa, fl-aħħar tas-sena, waqt li l-bnedmin jaqbdu t-triq ta’ dik li ġejja għalihom. Fil-mument meta mertu tat-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu nieqfu mhux biss biex inżejnu. Mhux biss biex niltaqgħu mal-familja u l-ħbieb varji tagħna. Mhux biss biex nieklu flimkien u nixorbu grokk, imma f’li nieqfu naħsbu. Waqt diversi mumenti li fihom wieħed isib ruħu huwa u sejjer lejn naħa jew oħra jew li jiltaqa’ ma’ oħrajn fid-diskors u l-ideat li joħorġu, wieħed jipprepara aktar ruħu. Ninsabu fortunati f’dan li pajjiżna, għalkemm qiegħed jara kurrenti differenti, jibqa’ marbut mat-tradizzjonijiet Insara. Il-prinċipji etiċi li writna jibqgħu magħna u jibqgħu dawk li l-bnedmin iħarsu lejhom fis-sejħa tagħhom lejn il-ferħ.
Nifirħu
6. Fir-realtà, dan kollu huwa parti mill-perjodu li numru sew minna jassoċjawh mal-ferħ. Għalhekk norganizzaw tant u niġbru lil xulxin biex insibu lura l-ferħ li ħafna drabi, tul is-sena, ma nsibuhx kif nixtiequ. Kull persuna, kif jgħid sewwa Santu Wistin, ifittex il-ferħ, ikun xi jkun u jkollu xi jkollu f’qalbu. F’ħafna, din is-soċjetà qegħda tfittex li ssib lilha nfisha lura. Kif ġew żarmati numru ta’ prinċipji u valuri li aħna nbnejna fuqhom, flok infetaħ il-bieb tal-ferħ jew tal-libertà, morna l-kontra. Nara inqas persuni li għandhom il-burdata t-tajba. Inqas dawk li huma pożittivi. Iktar dawk li jsibu ruħhom ’il bgħid mid-dawl li jfittxu. F’dan, ċertament, bħala politiċi għandna missjoni. Dik li nagħrfu li l-bnedmin fis-soċjetà jsibu l-ferħ mhux fil-materjaliżmu li jibqa’ jipprova jaħkem, imma fil-valuri tas-sewwa.
Inħarsu ’l quddiem
7. F’dan nibqa’ nħares ’il quddiem sabiex il-pożizzjoni, sa fejn possibbli, tinbidel. Il-bniedem fis-soċjetà tagħna qiegħed ifittex dan ferm iktar milli naħsbu. Imma, kif nafu, dan ma jseħħx billi wieħed ma jagħmel xejn. L-affarijiet ma jiġux waħedhom bil-ħsieb ta’ dawk li kienu jgħidu “dare tempo al tempo”. Isiru u jiġu għax ikun hemm l-impenn dirett, xi drabi, kontra l-kurrent. F’dan nista’ nixhed fir-riżultati li nara minn ħidmietna fil-Gvern u fl-Oppożizzjoni. Proprju għalhekk li għandna dmir nifhmu x’inhu mistenna minna, kif ukoll lejn fejn għandna naħdmu minn issa. Iktar ma ndumu biex naffrontaw problemi determinanti, aktar se ndumu biex inkunu nistgħu nibdew nimxu ’l quddiem F’dan, għalhekk, illum nista’ naħdem u nsejjaħ oħrajn biex ningħaqdu f’din it-triq tant importanti. Proprju f’dan inħarsu lejn sena oħra ta’ ħidma li wettaqna u nħarsu ’l quddiem lejn oħra li hu mistenni minna li nwettqu.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
18.12.23
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment