1. M’għandux ikun hemm dubju li s-sagrifiċċju ta’ dan il-ġuvnott twajjeb jixraq li niftakruh u nirrispettawh. Hemm lok għal ħidma ferm iktar qawwija mis-sempliċi bżonn li nikkommemorawh. Proprju fis-sebgħa u tletin anniversarju minn dak il-5 ta’ Diċembru 1986 għandna nieqfu biex nirriflettu dwar dak li ġara. Kif persuna ta’ tjubija bħal ma kien hu biddel, fil-fatt, l-istorja ta’ pajjiża. Kif missier iben is-Sewwa, flok ħareġ jgħajjat għall-vendetta, insista fuq il-maħfra. Kif il-pajjiż ġie f’sikktu quddiem din ir-realtà u diversi li kellhom opinjonijiet politiċi varji nġabru biex id-demokrazija tant għal qalbna llum il-ġurnata tibda mill-ġdid il-proċess li kien ġie abbandunat.
Għaddejna minn ħafna
2. F’dan, ċertament, ilkoll kemm aħna għaddejna minn ħafna. Ferm iktar milli ħaqqna. Il-ħajja diġà hija kkumplikata, imma l-bniedem kapaċi jżidilha sew. Wara dawn l-azzjonijiet, li fihom poplu jġarrab, jiġi dak il-proċess diffiċli biex iġġib il-ħajja lura għall-ordni. Iġġib lill-bnedmin jifhmu li għandhom jgħixu fil-paċi u l-ġustizzja. Jifhmu li l-ħajja hija aqwa meta tassigura li l-istituzzjonijiet demokratiċi jkunu qed jaħdmu sew u b’hekk jiggarantixxu d-drittijiet u l-ambjent liberu li għandu jkollna. Meta nqatel Raymond Caruana kienet qed tinqatel is-soċjetà tagħna. Kien il-bniedem uniku mimli doni u talenti. Dak li kien mimli b’onestà, ippreparat fil-valuri Nsara li ħaddan, mimli fl-ispirtu liberu li jgħix u jservi lill-oħrajn. Attiv fil-komunità għall-għaqdiet varji li kien preżenti fihom, dak li ried jifforma familja.
Jispikka proprju
3. Kien u għadu jispikka f’dak li kien u f’dak li għandu jirrappreżenta għalina llum. Ngħid li ma’ kull sena għandna fuqna r-responsabbiltà, speċjalment dawk fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, li nħarsu l-memorja tiegħu mhux fl-apparenza esterna, imma l-iktar f’dik interna. Infakkru lill-pajjiż li kien hemm dan l-iben is-Sewwa, imma fl-istess ħin naħdmu sabiex dak li miet għalih jiġi protett. Fid-demokraziji hemm l-istituzzjonijiet varji tagħhom li jissudawha u jiggarantuha. Fost dawn hemm dik tal-partiti politiċi. Kull partit għandu żewġ obbligi prinċipali f’dan. L-ewwel: li jkun strument sabiex id-demokrazija titħares u tissoda; u t-tieni: li fl-intern tiegħu jkun demokratiku billi jaħdem hekk u billi jkun il-vuċi kostanti tal-poplu li jirrappreżenta. Wara l-għawġ politiku li rajna għaddej fiż-żewġ partiti fl-aħħar snin wasal iktar iż-żmien biex niġu lura għal dak li l-pajjiż jistenna mingħandna. U jekk ngħid li hemm min m’għandux il-ħeġġa waħdu għax forsi jaħseb li qiegħed tajjeb biżżejjed, dan għandu jiċċaqlaq meta jħares lejn is-sagrifiċċju uman ta’ dan l-iben is-Sewwa.
Kwalità politika
4. Fil-verità, illum aktar mill-bieraħ, il-punt determinanti fil-ħajja demokratika huwa dipendenti fuq il-kwalità u l-valuri li l-politika qegħda tagħtina. Għaddejna għaxar snin fejn l-ideoloġiji rispettivi ma ġewx mogħtija l-importanza li verament ħaqqhom. L-ideat politiċi ta’ partit, meta jiġu mwarrba ’l bgħid fuq xkaffa, jew agħar abbandunati apposta, is-sistema demokratika ma timxix ’il quddiem. Iktar u iktar fejn illum, xahar wara xahar qed immissu mar-realtà li aktar minn terz tal-pajjiż ma jħossux komdu f’dak li qiegħed jiġri. Qiegħed jiddikjara li jippreferi li ma jivvutax għax mhuwa ispirat minn ħadd minnhom u għalhekk ma jridx jieħu sehem u jerġa’ jivvota għal dak li fehem li ma jaqbilx miegħu. Hemm demm għaddej ibaqbaq f’polz il-poplu li m’aħniex inqisu li dak l-iben is-Sewwa jridna hekk nagħmlu.
Il-vot fejn mar
5. Ħafna llum jgħidulek li dawk li ddeċidew li jibdlu fil-partiti u fil-pajjiż ma ridux dak li qed jaraw quddiemhom. Ħafna nħakmu mill-wegħdiet u mill-prospetti futuri li ma seħħewx. Ħafna, mod jew ieħor jgħidu: “Mhux għal dan ivvutajna. Ippretendejna ferm aħjar minn dak li qegħdin immissu miegħu.” Iktar u iktar fl-affermazzjoni ċara li aħna qegħdin f’demokrazija u mhux f’soċjetà taħt il-monarkija jew it-tirannija. Il-politika ssir mill-politiċi u mhux minn ħaddieħor. Id-deċiżjonijiet isiru fuq il-valur tal-kontenut tagħhom u mhux fuq il-personaliżmi. Illum, aktar minn qabel, il-politika saret waħda li ma tindirizzax l-argument imma tiċċentra ’l-persuna. Flok tara l-valur jew le ta’ dak li jingħad qed nissudaw aktar f’kif ngħidu l-kliem li jċekknu u jneħħu kull kwalità umana f’ħaddieħor. Dan huwa minnu nnifsu aġir uman ta’ dawk li m’għandhomx argumenti, imma daqshekk ieħor huwa wieħed anti-demokratiku li bin is-Sewwa ma kienx jaqbel miegħu.
Wasal il-mument
6. F’dan kollu huwa ċar li hemm bżonn bidliet politiċi li jagħmlu minn pajjiżna wieħed aħjar milli huwa. Bil-loġika u bir-raġuni nemmen li għandna naqbdu l-proċess intern sabiex ninbidlu. Jekk dan ma jsirx, il-pożizzjoni, dik li jsejħu l-“istatus quo”, mhux ser iddur. Għalxejn nilmentaw u nipprotestaw għax m’aħniex nikkonvinċu kif għandna. Qed minflok nassiguraw, anzi aħna stess, il-bini ta’ leġislatura oħra mmexxija minn kif aħna llum. Iktar minn dak li qed naraw u rajna f’dawn l-għaxar snin u li ser ikollna għal ħmistax-il sena. L-istatistika kostanti f’din id-direzzjoni qed teħodna. Nistgħu ninjorawha. Nistgħu naħsbu li għada pitgħada kollox ser jinbidel. Nistgħu naqbdu din it-triq, imma meta nqisu li wara sitt dnubiet mortali, bombi atomiċi politiċi u kwantità kbira ta’ semi-venjali bqajna fejn konna, wieħed għandu jieqaf u jaħseb. Jieqaf u jirrispetta l-valur ta’ bin is-Sewwa.
Insellimlu
7. Għandna fuqna din ir-responsabbiltà li naġixxu u ma naħarbux mill-fatti, anke jekk iebsa ħafna għalina lkoll. Anke jekk jistgħu jiftħu feriti passati, li ngħid li m’għandhomx, xorta rridu lkoll inħarsu ’l quddiem. Iktar ma nibdew malajr dan il-proċess, iktar nistgħu naslu malajr. Iktar viċin fejn dak li l-pajjiż iridna li nkunu u li jistenna u jippretendi mingħandna. Iktar ma ddum ma tfejjaq lilek innifsek, iktar iddum biex tiġi f’tiegħek. Iktar u iktar fl-għarfien li jekk qabel konna qed naraw il-pożizzjoni politika partikolari tagħna, illum hemm l-esiġenzi nazzjonali li rridu naraw. Ngħid li jekk ma nikkunsidraw xejn, għandna naċċettaw li bin is-Sewwa, Raymond Caruana, ħaqqu dan kollu. F’dawn il-jiem insellimlu u nwegħdu li mhux ser nibqgħu lura minn dak li jippretendi mingħandna.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
5.12.23
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment