5.12.23

FTIT JIEM OĦRA

1. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar wieħed ikollu l-ħin sabiex jirrifletti dwar il-ħajja. Jifhem, forsi ftit aktar dak li għadda minnu u lill-bnedmin li kellu madwaru. Jifhem dawk li influwenzawh: dawk fit-tajjeb, u dawk inqas. Jifhem li hemm triq fil-ħajja tiegħu li ma jistax jiddeterminaha, imma jista’ jaħdem u jistinka fiha. Jistinka biex issir aħjar għal dawk ta’ madwaru u f’dan għalih innifsu. Tagħtih skop u linja li kuljum tqajmu biex jaħdem u jaġixxi. Tressqu iktar lejn il-ferħ li kull persuna taħdem u taspira għalih. Imma, kif nafu mill-esperjenza personali, aktar minn hekk, dan huwa proċess ikkumplikat. Kull bniedem huwa magħluq fih innifsu. Għandu pożizzjonijiet li oħrajn ma jistgħux jaraw u ħafna drabi huwa stess idum biex jagħraf miegħu nnifsu.

Ifittex biex isib

2. Ħafna, għalhekk, huma dawk li jfittxu biex jagħrfu iktar dak li huma. Daqqa waħedhom u daqqa fi ħdan l-oħrajn. Daqqa jispiraw ruħhom mill-kitba u daqqa mill-eżempji li ħajjiet oħra jagħtuhom. Mhux faċli ssib lilek innifsek fil-passi li taqbad. Daqshekk ieħor tifhem għala tgħaddi minn ċerti eventi jew ċirkostanzi. Dawk li jimmarkawk fil-fond tiegħek, li ġimgħa wara ġimgħa, jew jekk hux jum wara jum, terġa’ tara u terġa’ tiftakar fihom. Hemm dawk li taħseb li tista’ ssib spjegazzjoni għalihom u hemm ferm oħrajn li ssib biċċiet li joħorġu naħa jew oħra. Hemm iktar, f’dan, id-dubji varji li joħorġu miegħek fuq jekk kellekx tieħu triq jew kellekx taqbad oħra jew tibqa’ wieqaf. Mhux faċli. Taf biss li jrid ikollok il-fidi biex tfittex kemm tiflaħ biex issib. Kif ngħadilna fil-bidu ta’ dan l-Avvent fit-tama u d-dawl sabiħ li aħna tafal f’idejn il-Fuħħari, li “aħna lkoll għemil idejk”.

Kull persuna differenti


3. F’dan, però, kumplessa kemm hija l-ħajja u l-għarfien tagħha, tagħraf fiha li ħadd ma nħalaq ta’ xejn. Tagħraf iktar li hija x’inhija l-forma tiegħu għandu skop u missjoni ċara. Waħda li mhux dejjem iħossu li jagħraf, anzi li jittama li jsir aktar konxju ta’ dak li hu u fejn ser jasal. Imma l-verità hija li ħadd m’hu l-istess, anke jekk jista’ jixbaħ esternament lill-oħrajn jew sempliċment ieħor. Ngħid iktar dan kollu quddiem il-fatt li ftit jiem oħra l-Papa attwali, Papa Franġisku, fis-17 ta’ Diċembru jagħlaq sebgħa u tmenin (87) sena. Quddiem il-fatt li din is-sena għalaq għaxar snin jipprova jmexxi u jagħti direzzjoni lill-Knisja Kattolika. Responsabbiltà u missjoni xejn faċli, mhux biss għalih, imma nagħrfu wkoll għal dawk kollha li ġew qablu jew li ser jiġu warajh. M’hemmx forma jew mudell uniku li minnhom joħorġu dawk li jiġu maħtura papiet.

Magħżula apposta


4. Kif nagħraf dan dejjem iktar. Kif nifhem dan f’dawn il-jiem waqt li qiegħed naqra kitbet Evelyn Waugh (1903-1966) dwar il-qaddis San Edmund Campion (1540-1481). Waqt li wieħed jirrifletti fuq dak li jmiss u jagħżel. Kif fil-fatt kull Papa li f’dawn is-snin fejn, bil-mezzi tallum rajna ferm iktar mill-viċin minn qatt qabel, nagħrfu li kellu kwalitajiet partikolari. Anzi nagħrfu aktar mal-qari u l-ħsieb tagħna li nħatar proprju għax kapaċi jaffronta dak li l-Knisja tkun qegħda tgħaddi minnu u fl-istess ħin kapaċi jmexxiha ’l quddiem. Anzi, f’dan kollu, proprju llum il-ġurnata meta ħajjet il-papiet hija aktar taħt skrutinju u attenzjoni. Fejn kull ġurnata jsib ruħu fil-mezzi tax-xandir u f’dan ma jistax ifalli, anqas fil-preżenza fiżika tiegħu, li ma jridx jagħti spjegazzjoni. Tifhem dejjem iktar il-piż li għandu u jġorr fil-qies sħiħ tiegħu.

Moħħ ċar immens

5. F’dan hemm min għandu l-interess li jkerraħ ħidmietu b’dubji varji u f’numru ta’ pre-kunċetti, fosthom dawk li ġejjin minn kultura fejn il-papiet huma attakkati f’forma ta’ identità nazzjonali. Imma llum għandna kull mezz sabiex nagħrfuh f’dak li hu, u mhux f’dak li ħaddieħor jgħid dwaru. Għax għalkemm għaxar snin ilu batejna fl-Ewropa tagħna biex nifhmuh, dan m’għadux il-każ. Għandna lista twila ta’ kotba għad-dispożizzjoni tagħna miktuba minn oħrajn dwaru u minnu stess. Għandna iktar diversi intervisti li sarulu, fejn wieħed jista’ meta jrid u x’ħin irid jarahom. Proċess li jmexxina sabiex nagħrfuh iktar fil-kwalitajiet uniċi u mill-isbaħ li għandu. Dawk li minnhom kapaċi jispjega u fl-istess ħin jiċċara dak li aħna nikkumbattu fih u għalih. Mhux kliem fieragħ, anqas duħħan fl-arja, imma wieħed sod u preċiż.

Ħniena

6. F’dawn is-snin li għaddejjin minn fuqna, waqt li narawh għaddej m’għandux ikollna dubji li huwa veritier u interpretu preċiż tal-messaġġ Nisrani. Ċertament iktar b’dożi varji ta’ ħniena li jesponi għalina fil-ħajja. Kif naraw u niġġudikaw lilna nfusna u lill-oħrajn madwarna. Kliemu huma dejjem rilevanti għal min irid jgħix ħajja aħjar. M’hemmx ġudizzji iebsa imma hemm kliem li jingħadu bl-awtorità morali ta’ min irid verament il-ġid komuni għall-oħrajn. Gwida determinata u kuraġġuża. Vuċi fuq ix-xenarju internazzjonali li tmexxina lkoll, Insara jew le, li nifhmu li nistgħu nibnu soċjetà aqwa milli għandna. Stinka u għadu għaddej fil-kriżijiet kollha li ġew quddiemu. Ma joqgħod lura xejn minkejja l-età u l-kundizzjonijiet mediċi li ġarrab. Għadda minn operazzjonijiet varji u xorta żamm il-kolp waqt li kien għaddej fihom.

Alla li jħabrek għal min jittama fih

7. Qatt ma naqas milli, anzi, jibgħat messaġġi ta’ tama. Iħeġġeġ lill-bnedmin ikunu aħjar milli huma. Jassigura li l-Knisja Kattolika tkun aħjar milli hija. Dik li verament ixxandar l-Aħbar it-Tajba. Fejn ilkoll nabbandunaw l-eżempji żbaljati tal-passat u nħarsu lejn it-tajjeb li nistgħu nwettqu fil-futur. Min imur jiltaqa’ miegħu jaf li ser isib ruħu kkonfrontat minn dak li mhuwiex jagħmel sewwa u jaffronta wara dak li huwa mistenni minnu li jwettaq. Vuċi unika li tmiss il-kuxjenza ta’ dawk li jisimgħuha. Vuċi li hemm min għandu l-interess li jċekken fl-effett li għandha. Proprju għalhekk li ftit jiem oħra ningħaqdu biex nifirħulu, u fl-istess ħin insostnuh f’ħidmietu.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...