19.12.23

DAWK LI MA JIĠUX LURA

1. F’dawn ix-xhur xitwin li naqbdu, biex ngħidu hekk uffiċjalment għada, jiġu lura f’rasi numru ta’ esperjenzi umai li jekk ma nfakkarhomx naħseb li jissugraw li jintesew. Dak li fil-fatt bnedmin oħra qabilna għaddew minnu mertu tad-deċiżjonijiet żbaljati ta’ mexxejja daqshekk ieħor żbaljati. Dawk li mietu intortament f’kampijiet tal-battalji li dittaturi varji, fl-illużjonijiet tagħhom tal-glorja futura ġiebu. Dawk il-persuni li rajna, speċjalment fl-aħħar Gwerra Dinjija jitilfu ħajjithom, dik li għandna bżonn li nibqgħu nfakkru. Dik li għandna dmir biex naffermaw il-valuri li jsawwruna fid-demokrazija tagħna. Aktar u aktar fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fil-valuri demokristjani tiegħu. Dawk li ħaddan sew mill-bidu tiegħu u afferma f’diversi dokumenti uffiċjali tiegħu.

Mument partikolari

2. Tul l-aħħar xhur qrajt wara xulxin żewġ kitbiet mill-iktar interessanti u li nissuġġerixxi lil dawk li jħobbu l-istorja li jaqraw. It-tnejn jirrakkuntaw minn perspettivi differenti dak li kellhom jgħaddu minnu s-suldati Taljani waqt li qed jirtiraw mill-front Russu. Żewġ rakkonti meħuda min-noti ta’ suldati li ġarrbu l-istess traġedja. Dawk li f’ħafna ħaduni lura, f’ċertu sens, għall-kitba mill-isbaħ ukoll ta’ Mario Rigoni Stern (1921-2008), Sergente nella Neve. Qrajt f’din il-linja l-ktieb ta’ Eugenio Corti (1921-2014) I Più non Ritornano (1947) u wara l-ieħor ta’ Nuto Revelli (1919-2004) La Guerra Dei Poveri – Il Fronte Russo (1962). It-tnejn ġejjin minn ambjent, trobbija u edukazzjoni differenti. It-tnejn f’pożizzjonijiet partikolari fi ħdan l-Armata Taljana. It-tnejn però salvaw u kellhom il-kuraġġ li jħarsu lura. Jirrakkuntaw b’mod ċar u preċiż dak kollu li, sfortunatament, għaddew minnu.

Linja differenti

3. Il-kitba ta’ dawn il-bnedmin tispjega tajjeb ħafna dak li għaddew minnu huma nfushom, kif ukoll f’dak li raw iseħħ b’għajnejhom lill-oħrajn. Taw xiehda ta’ dak li ħaddieħor ma riedx li jkun magħruf. Irrakkuntaw kemm l-Armata Taljana ma kienet ippreparata xejn, u anzi, fi stat ta’ abbandun, speċjalment fil-konfront ta’ diversi suldati u uffiċjali li sabu ruħhom jikkumbattu waħedhom aktar minn għadu wieħed. Fuq naħa s-silġ u x-xitwa Russa bit-temperaturi mill-iktar kiefra tal-1943. Fuq l-oħra l-Armata Tedeska, li ma kellha stima xejn lejn it-Taljani u u ttrattathom verament ħażin. Ma’ dawn aktar l-Armata Russa tavvanza fuqhom minn kull naħa. Sitwazzjonijiet mill-iktar diffiċli u li għalihom ħallsu b’ħajjithom diversi bnedmin. Mietu f’ċirkostanzi traġiċi. Ħafna fis-silġ li raqdu fih, imlibbsin ħażin u li għalhekk, fl-eżawriment fiżiku tagħhom baqgħu ma qamux minnu. Oħrajn feruti b’ximod li ħadd ma seta jgħabbihom u jeħodhom għall-kura. Diversi li nqatlu mill-għadu. Aktar u aktar għax l-armamenti Taljani ma kienu tajba xejn. Aktar u aktar minħabba l-inkompetenza ta’ diversi bnedmin fid-deċiżjonijiet militari. Aktar fil-vojt tal-pompożità u r-retorika ta’ Mussolini.

Eugenio Corti (1921-2014)

4. Kitbietu jixhdu l-għeruq Kattoliċi tiegħu. Bniedem li kellu jabbanduna l-istudji tiegħu biex isir avukat. Deċiżjoni li ġiet proprju minħabba l-gwerra li fiha għażel li jmur iservi fuq il-Front Russu biex jifhem aħjar il-Komuniżmu. Bniedem li mill-bidu kellu s-sejħa għal kitba tajba. Fil-fatt dan il-ktieb, għalkemm huwa mimli memorji iebsa ħafna, issibek taqrah b’ħeffa kbira. Rakkonti li fihom, f’ħafna drabi jirrikonoxxi li salva mertu tal-intervent Divin fit-talb kontinwu tiegħu għall-għajnuna. Diversi mumenti jdur fuqu nnifsu jistaqsi kif irnexxielu jibqa’ ħaj, jeżisti, minkejja dak li kien għaddej. Jirrakkonta mumenti u ħajjet bnedmin oħra miegħu. Imma jolqtok aktar għax jiddikjara, lejn l-aħħar ta’ kitbietu, li kif wasal lura l-Italja sab sitwazzjoni iktar gravi: “Cominciò il tormento delle lettere, innumerevoli lettere di madri disperate, di padri, di parenti che affannosamente cercavano notizie intorno a coloro che non tornavano. Alcune strappavano veramente il cuore. Chi non ha visto da vicino l’affanno delle famiglie, non può comprendere questa in tutta la sua crudeltà.”

Nuto Revelli (1919-2004)

5. Il-linja ta’ dan l-awtur hija differenti mhux fis-suġġett li jittratta, li huwa identiku, imma fid-direzzjoni li jieħu. Dan ġej minħabba l-fatt li kien hu li għażel li jieħu l-karriera militari. Ta’ għoxrin sena daħal f’dak li kien jissejjaħ ‘Regio Esercito’. Sab ruħu fi dmirijietu bħala uffiċjal tal-karriera fil-Front Russu. U hemm ra b’għajnejh diversi suldati, uffiċjali jinqatlu bl-aktar mod atroċi, abbandunati, ħafna inqas midfuna. Il-kitba hija mhux biss mimlija dettalji, imma l-iktar hija għajta kbira ta’ protesta. L-iktar kontra d-diskors vojt ta’ Benito Mussolini u l-illużjoni traġika tal-Faxxiżmu. Trid taqrah biex tifhem mill-aspett ta’ persuna li ġie mħarreġ għall-gwerra, bħala seħħ dan kollu. Il-kitba hija wkoll sabiħa u b’pinna daqshekk ieħor effettiva. Għax għalkemm is-suġġett huwa ikrah minnu nnifsu, huwa jispjegah b’mod luċidu, dirett, u f’ħafna, sempliċi. Ir-rakkont jagħlaq fl-aħħar tal-irtirata, b’eluf mejta quddiem l-insult li wara li mietu tant persuni, il-famuż Duċe bagħat konsenja ta’ tuffieħ bil-kliem: “Vi porto un pò di sole d’Italia” b’dawn il-kliem: “Quello che più conta, le mele del duce. Cialtroni! Più nessuno crede alle vostre falsità, ci fate schifo: così la pensano i superstiti dell’immensa tragedia che avete voluto. Le vostre tronfie parole vuote non sono che l’ultimo insulto ai nostri morti. Raccontatela a chi più pensa come voi: chi ha fatto la ritirata non crede più ai gradi e vi dice: “Mai tardi ... a farvi fuori.

Nibqa’ nistaqsi

6. F’dan iż-żewġ bnedmin, li daħlu lura pajjiżhom, ħadu sehem wieħed fl-Armata u l-ieħor fir-Reżistenza sabiex jilliberaw pajjiżhom mit-Tedeski. It-tnejn ma damux anqas biex kitbu dak li raw. Riedu, anzi, li jkunu xiehda ħajja ta’ dak li seħħ sabiex jikxfu biċ-ċar l-iżbalji u fl-istess ħin ifakkru fis-sagrifiċċju ta’ diversi Taljani li tilfu ħajjithom. Aġir erojku fih innifsu. Imma aktar minn hekk, xiehda ta’ dak li jseħħ meta d-dinjità umana tispiċċa. Meta l-bniedem isir oġġett. F’dan nibqa’ nistaqsi: kif jibqa’ jkun hemm min jammira dan l-iżball politiku. Min jibqa’ jaħseb li l-lemin estrem u l-lemin lemin li qed naraw illum iqum bil-libsa populista tiegħu huwa xi forma ta’ soluzzjoni għall-problemi soċjali tal-bnedmin.

Niftakruhom

7. Quddiem il-fatt li din is-sena kienet it-tmenin sena minn dik it-traġedja umana u li dik li ġejja ser tkun l-għaxar sena mill-mewt ta’ Corti u għoxrin sena minn ta’ Ravelli għandna dmir niftakru. Għandna dmir f’dan li nfakkru lil dawk li jridu, konvenjentement, jinsew u ninfurmaw lil dawk li ma jafux. Niftakru li bnedmin bħalna mietu issagrifikati f’kawżi politiċi żbaljati. Bnedmin li ma jistgħux jiġu lura magħna.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...