1. F’dawn ix-xhur xitwin li naqbdu, biex ngħidu hekk uffiċjalment għada, jiġu lura f’rasi numru ta’ esperjenzi umai li jekk ma nfakkarhomx naħseb li jissugraw li jintesew. Dak li fil-fatt bnedmin oħra qabilna għaddew minnu mertu tad-deċiżjonijiet żbaljati ta’ mexxejja daqshekk ieħor żbaljati. Dawk li mietu intortament f’kampijiet tal-battalji li dittaturi varji, fl-illużjonijiet tagħhom tal-glorja futura ġiebu. Dawk il-persuni li rajna, speċjalment fl-aħħar Gwerra Dinjija jitilfu ħajjithom, dik li għandna bżonn li nibqgħu nfakkru. Dik li għandna dmir biex naffermaw il-valuri li jsawwruna fid-demokrazija tagħna. Aktar u aktar fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fil-valuri demokristjani tiegħu. Dawk li ħaddan sew mill-bidu tiegħu u afferma f’diversi dokumenti uffiċjali tiegħu.
Mument partikolari
2. Tul l-aħħar xhur qrajt wara xulxin żewġ kitbiet mill-iktar interessanti u li nissuġġerixxi lil dawk li jħobbu l-istorja li jaqraw. It-tnejn jirrakkuntaw minn perspettivi differenti dak li kellhom jgħaddu minnu s-suldati Taljani waqt li qed jirtiraw mill-front Russu. Żewġ rakkonti meħuda min-noti ta’ suldati li ġarrbu l-istess traġedja. Dawk li f’ħafna ħaduni lura, f’ċertu sens, għall-kitba mill-isbaħ ukoll ta’ Mario Rigoni Stern (1921-2008), Sergente nella Neve. Qrajt f’din il-linja l-ktieb ta’ Eugenio Corti (1921-2014) I Più non Ritornano (1947) u wara l-ieħor ta’ Nuto Revelli (1919-2004) La Guerra Dei Poveri – Il Fronte Russo (1962). It-tnejn ġejjin minn ambjent, trobbija u edukazzjoni differenti. It-tnejn f’pożizzjonijiet partikolari fi ħdan l-Armata Taljana. It-tnejn però salvaw u kellhom il-kuraġġ li jħarsu lura. Jirrakkuntaw b’mod ċar u preċiż dak kollu li, sfortunatament, għaddew minnu.
Linja differenti
3. Il-kitba ta’ dawn il-bnedmin tispjega tajjeb ħafna dak li għaddew minnu huma nfushom, kif ukoll f’dak li raw iseħħ b’għajnejhom lill-oħrajn. Taw xiehda ta’ dak li ħaddieħor ma riedx li jkun magħruf. Irrakkuntaw kemm l-Armata Taljana ma kienet ippreparata xejn, u anzi, fi stat ta’ abbandun, speċjalment fil-konfront ta’ diversi suldati u uffiċjali li sabu ruħhom jikkumbattu waħedhom aktar minn għadu wieħed. Fuq naħa s-silġ u x-xitwa Russa bit-temperaturi mill-iktar kiefra tal-1943. Fuq l-oħra l-Armata Tedeska, li ma kellha stima xejn lejn it-Taljani u u ttrattathom verament ħażin. Ma’ dawn aktar l-Armata Russa tavvanza fuqhom minn kull naħa. Sitwazzjonijiet mill-iktar diffiċli u li għalihom ħallsu b’ħajjithom diversi bnedmin. Mietu f’ċirkostanzi traġiċi. Ħafna fis-silġ li raqdu fih, imlibbsin ħażin u li għalhekk, fl-eżawriment fiżiku tagħhom baqgħu ma qamux minnu. Oħrajn feruti b’ximod li ħadd ma seta jgħabbihom u jeħodhom għall-kura. Diversi li nqatlu mill-għadu. Aktar u aktar għax l-armamenti Taljani ma kienu tajba xejn. Aktar u aktar minħabba l-inkompetenza ta’ diversi bnedmin fid-deċiżjonijiet militari. Aktar fil-vojt tal-pompożità u r-retorika ta’ Mussolini.
Eugenio Corti (1921-2014)
4. Kitbietu jixhdu l-għeruq Kattoliċi tiegħu. Bniedem li kellu jabbanduna l-istudji tiegħu biex isir avukat. Deċiżjoni li ġiet proprju minħabba l-gwerra li fiha għażel li jmur iservi fuq il-Front Russu biex jifhem aħjar il-Komuniżmu. Bniedem li mill-bidu kellu s-sejħa għal kitba tajba. Fil-fatt dan il-ktieb, għalkemm huwa mimli memorji iebsa ħafna, issibek taqrah b’ħeffa kbira. Rakkonti li fihom, f’ħafna drabi jirrikonoxxi li salva mertu tal-intervent Divin fit-talb kontinwu tiegħu għall-għajnuna. Diversi mumenti jdur fuqu nnifsu jistaqsi kif irnexxielu jibqa’ ħaj, jeżisti, minkejja dak li kien għaddej. Jirrakkonta mumenti u ħajjet bnedmin oħra miegħu. Imma jolqtok aktar għax jiddikjara, lejn l-aħħar ta’ kitbietu, li kif wasal lura l-Italja sab sitwazzjoni iktar gravi: “Cominciò il tormento delle lettere, innumerevoli lettere di madri disperate, di padri, di parenti che affannosamente cercavano notizie intorno a coloro che non tornavano. Alcune strappavano veramente il cuore. Chi non ha visto da vicino l’affanno delle famiglie, non può comprendere questa in tutta la sua crudeltà.”
Nuto Revelli (1919-2004)
5. Il-linja ta’ dan l-awtur hija differenti mhux fis-suġġett li jittratta, li huwa identiku, imma fid-direzzjoni li jieħu. Dan ġej minħabba l-fatt li kien hu li għażel li jieħu l-karriera militari. Ta’ għoxrin sena daħal f’dak li kien jissejjaħ ‘Regio Esercito’. Sab ruħu fi dmirijietu bħala uffiċjal tal-karriera fil-Front Russu. U hemm ra b’għajnejh diversi suldati, uffiċjali jinqatlu bl-aktar mod atroċi, abbandunati, ħafna inqas midfuna. Il-kitba hija mhux biss mimlija dettalji, imma l-iktar hija għajta kbira ta’ protesta. L-iktar kontra d-diskors vojt ta’ Benito Mussolini u l-illużjoni traġika tal-Faxxiżmu. Trid taqrah biex tifhem mill-aspett ta’ persuna li ġie mħarreġ għall-gwerra, bħala seħħ dan kollu. Il-kitba hija wkoll sabiħa u b’pinna daqshekk ieħor effettiva. Għax għalkemm is-suġġett huwa ikrah minnu nnifsu, huwa jispjegah b’mod luċidu, dirett, u f’ħafna, sempliċi. Ir-rakkont jagħlaq fl-aħħar tal-irtirata, b’eluf mejta quddiem l-insult li wara li mietu tant persuni, il-famuż Duċe bagħat konsenja ta’ tuffieħ bil-kliem: “Vi porto un pò di sole d’Italia” b’dawn il-kliem: “Quello che più conta, le mele del duce. Cialtroni! Più nessuno crede alle vostre falsità, ci fate schifo: così la pensano i superstiti dell’immensa tragedia che avete voluto. Le vostre tronfie parole vuote non sono che l’ultimo insulto ai nostri morti. Raccontatela a chi più pensa come voi: chi ha fatto la ritirata non crede più ai gradi e vi dice: “Mai tardi ... a farvi fuori.”
Nibqa’ nistaqsi
6. F’dan iż-żewġ bnedmin, li daħlu lura pajjiżhom, ħadu sehem wieħed fl-Armata u l-ieħor fir-Reżistenza sabiex jilliberaw pajjiżhom mit-Tedeski. It-tnejn ma damux anqas biex kitbu dak li raw. Riedu, anzi, li jkunu xiehda ħajja ta’ dak li seħħ sabiex jikxfu biċ-ċar l-iżbalji u fl-istess ħin ifakkru fis-sagrifiċċju ta’ diversi Taljani li tilfu ħajjithom. Aġir erojku fih innifsu. Imma aktar minn hekk, xiehda ta’ dak li jseħħ meta d-dinjità umana tispiċċa. Meta l-bniedem isir oġġett. F’dan nibqa’ nistaqsi: kif jibqa’ jkun hemm min jammira dan l-iżball politiku. Min jibqa’ jaħseb li l-lemin estrem u l-lemin lemin li qed naraw illum iqum bil-libsa populista tiegħu huwa xi forma ta’ soluzzjoni għall-problemi soċjali tal-bnedmin.
Niftakruhom
7. Quddiem il-fatt li din is-sena kienet it-tmenin sena minn dik it-traġedja umana u li dik li ġejja ser tkun l-għaxar sena mill-mewt ta’ Corti u għoxrin sena minn ta’ Ravelli għandna dmir niftakru. Għandna dmir f’dan li nfakkru lil dawk li jridu, konvenjentement, jinsew u ninfurmaw lil dawk li ma jafux. Niftakru li bnedmin bħalna mietu issagrifikati f’kawżi politiċi żbaljati. Bnedmin li ma jistgħux jiġu lura magħna.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Showing posts with label Mario Rigoni Stern. Show all posts
Showing posts with label Mario Rigoni Stern. Show all posts
19.12.23
27.12.12
Is-sanità tal-kitba*
1. Tul din il-ġimgħa kelli x-xorti nsib
il-ħin u nerġa’ nibda naqra ftit iktar mis-soltu. Ġie f’idejja l-ktieb ta’ Mario Rigoni Stern
bl-isem “Il sergente nella neve” (Is-surġent fis-silġ). Fil-qosor, il-ktieb jirrakkonta dak li kellhom
jgħaddu minnu diversi suldati Taljani li kienu fuq il-front Russu huma u
jirtiraw lura lejn pajjiżhom. Wara
t-Tieni Gwerra Dinjija ġew pubblikati diversi kotba minn persuni li kienu
sempliċi suldati, iżda li fl-esperjenza qarsa ta’ dak kollu li l-faxxiżmu
sarraf, ħareġ fihom awturi li tieħu pjaċir taqrahom. Kont naf u ċert li qrajt numru ta’ kotba ta’
oħrajn bħal Beppe Fenoglio li kiteb “Il Partigiano Johnny” jew Emilio Lussu li
kiteb “Marcia su Roma e Dintorni” u “Un Anno sull’Alto Piano”, inkella Primo
Levi, awtur ta’ “Se questo è un uomo”, biss ma kontx ċert li qrajt dan ta’
Rigoni Stern. Għalhekk bi pjaċir dħalt
għalih u qrajtu.
2. Dan il-librett qanqalli ħafna ħsibijiet
li, fil-verità, oriġinarjament Elio Vittorini (tal-magħrufa “Conversazioni in
Sicilia” u “Uomini o no”) ma kienx proprju induna bil-potenzjal tiegħu. Rigoni Stern twieled fil-belt ta’ Asiago
fil-parti ta’ fuq tal-Italja fil-provinċja ta’ Vicenza, ħdejn Venezia. Belt magħrufa sija għall-kwalità partikolari
tal-ġobon tagħha, kif ukoll għall-battalja li ġiet kumbattuta hemm fl-Ewwel
Gwerra Dinjija. Ħa sehem attiv f’diversi
kampanji militari li l-ġenn militari u politiku ta’ Benito Mussolini vvinta u
li kienu kollha diżastru. Biss, il-fatt
li kien veteran xorta ma servihx fl-1943 meta, għax ġustament irrifjuta li jidħol
fl-armata tar-Repubblika ta’ Salo, ġie mibgħut huwa wkoll f’kamp ta’
konċentrament apposta għall-priġunieri politiċi. Fi tmiem il-gwerra, bl-avvanzata għal
darb’oħra tal-armata Russa, spiċċa mexa lura lejn pajjiżu. Mhux ċajta.
3. Dan il-ktieb reġa’ fakkarni, bħalma
għamlu oħrajn li semmejt hawn fuq, f’kemm bnedmin fl-Ewropa kellhom jgħaddu
minn diffikultajiet verament inutili bil-ħolm bla sens ta’ żewġ persuni, li
kienu Adolf Hitler u Benito Mussolini.
Il-ktieb jiddeskrivi sew u fid-dettalji umani ta’ dak kollu li kellhom
jgħaddu diversi suldati huma u jirtiraw mill-gwerra fuq il-front Russu. Għax għalkemm hemm min jista’ jimmaġina li
hemm xi glorja jew trijonf, il-gwerer fir-realtà jġibu biss deni, vjolenza,
mewt, tifrik u tneħħija ta’ kull dinjità umana.
Dawn il-kotba għandhom il-vantaġġ li jinqatgħu mill-kotba strettament u
purament storiċi u jmorru direttament f’dak li huwa l-jum li kull suldat, kull
bniedem, irid jiffaċċja. Fil-kesħa
Russa, fit-taħwid ta’ armata fl-irtirata, wieħed jista’ jmiss ir-reazzjonijiet
u l-effetti negattivi fuq il-poplu, is-suldati ta’ żewġ fronti, tax-xeni ta’
bnedmin, persuni umani li f’mumenti jkunu ħajja, f’mumenti oħra jkunu maqtula,
minxura mal-art jew imbiċċrin f’diversi biċċiet. F’dan il-konflitt, f’dak li għadda minnu dan
il-bniedem, sibt x’imkien li Rigoni Stern kien stqarr li l-akbar sodisfazzjon
ta’ ħajtu kien dak li rnexxielu jieħu lura lejn pajjiżu l-ħamsin suldat kollha
kemm huma.
4. Nikteb iktar dan l-artikolu għax f’dawn
il-jiem nibdew infakkru dak kollu li d-dinja u nkluż il-poplu Malti għaddejna
minnu fit-traġedja umana tat-Tieni Gwerra Dinjija. Diġà kkommemorajna l-attakki fuq Hiroshima u
Nagasaki fil-Ġappun, daqt il-Konvoj ta’ Santa Marija u diversi mumenti oħra li
fihom l-Ewropa u d-dinja sabu ruħhom fihom.
Li tiftakar u tfakkar għalija huwa verament importanti. Importanti biex tfiehem x’sewwasew seħħ u
mhux tgħaddi, f’din il-ġenerazzjoni li qegħda tgawdi l-paċi, xi forma ta’
leġġenda.
5. Nikteb ukoll għax wieħed irid fuq kollox
jagħmel il-punt ċar daqs il-kristall li l-faxxiżmu u n-nażiżmu lejn disastri
jwasslu. Min għadu jaħseb li kien hemm
xi sens f’dawk il-manifesti politiċi tagħhom qiegħed jiżbalja bil-kbir. Il-materjaliżmu, it-tneħħija ta’ kull forma
ta’ dinjità umana, l-eloġji għal forom differenti ta’ makkjavelliżmu u
l-mibgħeda razzjali huma kollha żbalji.
Bħalma huwa wkoll barra minn loku l-ħsieb li l-Istat għandu jiġi qabel
il-persuna umana, drittijiet fundamentali tiegħu jew li, f’disprezz lejn
id-dinjità tal-persuna umana, kull bniedem tista’ teħles minnu għax
sostitwibbli.
6. Rigoni Stern huwa parti minn ġenerazzjoni
ta’ bnedmin li sofrew ħafna. Kull
bniedem jgħaddi minn xi forma ta’ diffikultà.
Fl-aħħar tal-jum, jekk ikun għadu ħaj, jagħraf li jkun tbaskat
aħjar. Ġie ssudat f’dak li jgħid u
jaħseb. Biss, dawk tat-Tieni Gwerra
Dinjija tant raw atroċitajiet li ma kien faċli xejn għalihom li jiġu lura
għall-ħajja normali. Għas-sanità
intellettwali, ta’ kull jum. Mistoqsi
għala kien kiteb dan il-ktieb jgħid li għamel dan sabiex iżomm lilu nnifsu
milli jitlef is-sanità tiegħu.
Fil-kitba, u fit-triq li hija tieħdok, iżżommok għaddej tagħraf lilek
innifsek u dak li int. Għalhekk,
il-letteratura mondjali hija fortunatament mimlija b’kotba tajbin, ta’ bnedmin
li messew b’idejhom l-atroċitajiet tal-gwerra u ħallew warajhom dokument li
jneħħi kull sbuħija li xi bniedem jista’ jara fiha.
*Dan l-artikolu deher matul is-sajf fl-Illum.
Subscribe to:
Posts (Atom)
ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET
35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
-
12444. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...
