Showing posts with label Elio Vittorini. Show all posts
Showing posts with label Elio Vittorini. Show all posts

13.8.25

IX-XELLUG FL-ITALJA

1. Bħal dan iż-żmien sena sibt ruħi ndur numru ta’ rħula u bliet fi Sqallija. F’wieħed, waqt li kont qed indur it-toroq fis-sħana, riħ isfel u f’ambjent storiku li dik il-gżira tagħti, dħalt f’ħanut antik tal-kotba. Dħalt proprjament infittex ktieb ieħor ta’ Elio Vittorini (1908-1966), Conversazione in Sicila (1941) u ma sibtux. Minflok, fuq l-ixkafef kien hemm, forsi stranament, il-ktieb l-iktar riċenti ta’ Elly Schlein (1985) bit-titlu La Nostra Parte (2022). Schlein hija bħalissa l-persuna li ġiet eletta fl-2023 bħala Segretarja tal-Partit Demokratiku fl-Italja. Għalqet sentejn fil-kariga tagħna u numru ta’ drabi nsib li jkun utli li wieħed jaqra dak li jingħad minn politiċi li għandhom responsabbiltajiet xejn faċli.

Alternattiva

2. Iktar u iktar fil-kuntest tal-politika ġenerali ta’ dak il-pajjiż viċin tagħna. Wieħed li aktar ma jgawdi minn stabbiltà fil-Gvern aktar aħjar għalih, u fit-tul, anki għalina. Dan sija fuq livell ta’ kummerċ, turiżmu u abbiltà ta’ ċittadini varji li jistgħu jaħdmu fiż-żewġ pajjiżi. Dan ukoll fil-kuntest politiku preżenti fejn il-pajjiż huwa mmexxi, illum għal kawżi tlett snin, minn Georgia Meloni (1977). Dan f’koalizzjoni ta’ tlett partiti fuq iċ-ċentru lemin: Fratelli d’Italia, Forza Italia u l-Lega. Waħda li sa issa żammet lilha nnifisha għaddejja mingħajr kriżijiet kbar. B’deċiżjonijiet varji li anki jekk mhumiex neċessarjament ma’ dak li ġie dikjarat qabel u anki jekk ma taqbilx magħhom, xorta huma relevanti għall-politika nazzjonali u Ewropea tagħna.

Punti partikolari


3. Dan aktar u aktar fil-kuntest tad-deċiżjoni li mxiet pass ieħor ’il quddiem fis-6 ta’ Awissu sabiex jinbena pont twil bejn Sqallija u l-parti l-oħra tal-pajjiż: il-Kalabrija. Verament ħolma twila sekli, li f’għajn ħafna hija parti importanti sabiex tibdel iktar l-ekonomija u l-mobilità soċjali sħiħa ta’ din il-parti t’isfel. Proġett li nbeda qabel diversi drabi oħra imma li ma wasalx fil-konklużjoni tajba. Issa jidher li hemm pass aqwa u li fil-fatt jiddependi mill-istabilità tal-Gvern, sija llum kif ukoll f’leġislatura oħra. Wieħed li għalih ser ikun hemm spiża qawwija ta’ biljuni ta’ ewro u li permezz tiegħu ser naraw ċaqliq kummerċjali qawwi. Wieħed ukoll li jekk jirnexxi ser ikun kukkarda f’ħidmet Meloni. Wieħed li jaf jolqotna għax jibqa’ dejjem determinanti għan-negozjanti f’pajjiżna li jkollhom sistema iktar faċli u veloċi li biha tista’ tibgħat u tirċievi merkanzija mill-Ewropa.

Oppożizzjoni

4. Proprju fuq dan wieħed irid jara jekk il-partiti li mhumiex fil-Gvern għandhomx il-probabilità li jkunu lura fil-poter. It-tnejn prinċipali huma dawk immexxija minn Schlein u ċ-Cinque Stelle ta’ Giuseppe Conte (1964). Żewġ personalitajiet differenti li mhuwiex faċli li ġġib f’daqqa. Dan sija għax hemm kunflitti imma wkoll għax għandhom partiti oħra iżgħar li huma determinanti. Bħall-Italia Viva ta’ Matteo Renzi (1975), li sa issa jidher li għadu ċar fi kliemu u f’ħidmietu. Dan huwa iktar partikolari wara li fis-7 ta’ Awissu l-membri tal-Partit fi ħdan iċ-Cinque Stella ddeċidew li jingħaqdu mal-Partit Demokratiku fl-appoġġ ta’ Eugenio Giani (1959) fl-elezzjonijiet reġjonali fit-Toskana. Deċiżjoni mill-iktar interessanti għax kienet il-bażi tal-partit li qed tħoss li jekk ix-xellug irid ikun alternattiva jrid jagħraf jingħaqad.

La Nostra Parte

5. F’dan ħassejt aktar li l-qari ta’ dan il-ktieb kien importanti biex nifhem ftit dak li taħseb Schlein. F’ħafna, il-linja hija dik li titolu introduttiv jagħti: ‘Per la Giustizia sociale e ambientale insieme’ (Għall-ġustizzja soċjali u ambjentali f’daqqa). Stampat verament fis-sena qabel laħqet, però huwa evidenti li l-linja hija waħda ta’ protesta lejn is-soċjetà. Iktar viżjoni ta’ persuna mpenjata fi ħdan is-soċjetà ċivili milli dik ta’ partit, timbuttak kontinwament dak li tara aħjar bħala ‘mobilitazione collettiva’. Biss, il-ktieb huwa spjegattiv fis-sens li l-pożizzjonijiet politiċi tagħha huma, jew kienu, ibbażati fuq fatti, statistika u opinjonijiet akkademiċi u studjużi varji. Fl-istess waqt però tifhem li tista’ ċċaqlaq iktar ix-xellug, imma mhijiex neċessarjament vuċi fiċ-ċentru xellug.

X’tgħid

6. F’dan insibuha tgħid hekk: “Proprio nell’ascolto della società e delle sue diverse articolazioni, dei saperi di cui sono portatrici le parti sociali, le rappresentanze e realtà del terzo settore, dell’approcio orientato ai dati della ricerca e dell’università si possono scrivere politiche pubbliche più giuste perché costruite a misura dei bisogni diversi che le comunità e i territori esprimono.” (Proprju fuq dak li wieħed jifhem mingħand is-soċjetà u dak kollu li tiddikjara, l-informazzjoni li jiġbru l-partijiet soċjali, dawk li jirrappreżentaw u r-realtajiet tat-tielet settur, il-mod ta’ kif wieħed iħares lejn ir-riċerka u l-università li wieħed jista’ jikteb politika pubblika iktar ġusta għaliex mibnija u magħmula għall-bżonnijiet varji li l-komunità u t-territorju jesprimu.) Waqt li tinsisti li min huwa fil-politika għandu r-responsabbiltà li jnaqqas, u mhux ikabbar, it-tensjonijiet soċjali u l-inġustizzji tagħhom. Tgħid hekk: “Per ridurre le diseguaglianze dobbiamo ridistribuire la ricchezza, il potere e il sapere.” (Biex innaqqsu l-inugwaljanza hemm bżonn illi nqassmu aħjar il-ġid, il-poter u l-għerf.)

Tiġdid

7. Għandha diversi punti oħra f’dan il-ktieb li mhuwiex verament faċli li taqra, u anzi f’mumenti, ikkumplikat. Biss għandha attenzjoni partikolari sija għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiem u wara wkoll dwar l-isfida tal-immigranti irregolari. Fir-rigward tal-ewwel tiddikjara, f’linja li kienet punt ta’ diskussjoni u konverġenza snin ilu li, f’ħafna, intilfet. Iżda li hija tqajjem mill-ġdid b’attenzjoni meta tgħid hekk: “Altre strategie interessanti sono quelle che, investendo sul dialogo sociale, mirano ad aumentare la partecipazione strategica di lavoratrici e lavoratori alle scelte delle imprese e alla condivizione di obiettivi e risultati, migliorando la produttività.” (Strateġiji oħra interessanti huma dawk li jinvestu fid-djalogu soċjali, li jimmiraw biex iżidu l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fl-għażliet tal-kumpanniji, u fil-qbil tar-riżultati u l-miri li jassiguraw produttività aqwa.)

Immigrazzjoni

8. Tiddiskuti fil-fond u b’passjoni, speċjalment fuq l-isfruttament li jsir minn diversi ħaddiema ġejjin minn pajjiżi varji barra mill-Unjoni Ewropea, speċjalment fl-agrikoltura. Fil-bżonn li wieħed jgħin sabiex ikun hemm ekonomija aktar soda fil-pajjiżi tal-oriġini. Imma tirbaħ dan b’argument iktar fond meta tgħid hekk: “Insomma, per aiutarli anche ‘a casa loro’ c’è molto che in realtà dobbiamo fare a casa nostra. Servono politiche estere, migratorie, commerciali, fiscali, climatiche, e della cooperazione molto più coerenti, che smettono di alimentare il circolo vizioso delle diseguaglianze globali e riducano i divari, ritrovando relazioni basate sull’equità.” (Biex wieħed jgħinhom ‘f’darhom’ hemm ħafna li jista’ fir-realtà jsir f’darna. Hemm bżonn ta’ politika barranija, dik dwar l-immigrazzjoni, dik kummerċjali, fiskali, klimatika u ta’ koperazzjoni aktar koerenti; li jieqfu d-diviżjonijiet u li wieħed ifittex li jibni relazzjonijiet bażati fuq l-ekwità.)

Il-Futur

9. X’ser jiġri fl-Italja fis-snin li ġejjin, ma nafux. Imma huwa proċess li fih jidher li jekk iċ-ċentru lemin ma jiżbaljax u jibqa’ kompatt, ser jibqa’ fil-poter. Iktar u iktar kif sejrin b’Georgia Meloni, li qegħda tersaq aktar lejn pożizzjonijiet Demokristjani. F’dan, l-isfida fuq Elly Schlein hija ikbar. Biex tirbaħ elezzjoni ġenerali trid ferm iktar. Mhux biss koalizzjoni tax-xellug kollu, imma wkoll bidla fil-viżjoni tagħna aktar lejn iċ-ċentru. Trid iġġib il-partit kollu warajha, inkella aqwa, trid tifhem iktar li hi mhijiex parti mill-partit imma kollu kemm hu. Ir-riżultati reġjonali jistgħu jissudawha internament imma trid ferm iktar biex tmexxi partit, u wara, gvern. Dan kollu għad irridu naraw f’dak li x-xellug ser jirnexxilu jwettaq, jew le.

27.12.12

Is-sanità tal-kitba*



1.       Tul din il-ġimgħa kelli x-xorti nsib il-ħin u nerġa’ nibda naqra ftit iktar mis-soltu.  Ġie f’idejja l-ktieb ta’ Mario Rigoni Stern bl-isem “Il sergente nella neve” (Is-surġent fis-silġ).  Fil-qosor, il-ktieb jirrakkonta dak li kellhom jgħaddu minnu diversi suldati Taljani li kienu fuq il-front Russu huma u jirtiraw lura lejn pajjiżhom.  Wara t-Tieni Gwerra Dinjija ġew pubblikati diversi kotba minn persuni li kienu sempliċi suldati, iżda li fl-esperjenza qarsa ta’ dak kollu li l-faxxiżmu sarraf, ħareġ fihom awturi li tieħu pjaċir taqrahom.  Kont naf u ċert li qrajt numru ta’ kotba ta’ oħrajn bħal Beppe Fenoglio li kiteb “Il Partigiano Johnny” jew Emilio Lussu li kiteb “Marcia su Roma e Dintorni” u “Un Anno sull’Alto Piano”, inkella Primo Levi, awtur ta’ “Se questo è un uomo”, biss ma kontx ċert li qrajt dan ta’ Rigoni Stern.  Għalhekk bi pjaċir dħalt għalih u qrajtu.

2.       Dan il-librett qanqalli ħafna ħsibijiet li, fil-verità, oriġinarjament Elio Vittorini (tal-magħrufa “Conversazioni in Sicilia” u “Uomini o no”) ma kienx proprju induna bil-potenzjal tiegħu.  Rigoni Stern twieled fil-belt ta’ Asiago fil-parti ta’ fuq tal-Italja fil-provinċja ta’ Vicenza, ħdejn Venezia.  Belt magħrufa sija għall-kwalità partikolari tal-ġobon tagħha, kif ukoll għall-battalja li ġiet kumbattuta hemm fl-Ewwel Gwerra Dinjija.  Ħa sehem attiv f’diversi kampanji militari li l-ġenn militari u politiku ta’ Benito Mussolini vvinta u li kienu kollha diżastru.  Biss, il-fatt li kien veteran xorta ma servihx fl-1943 meta, għax ġustament irrifjuta li jidħol fl-armata tar-Repubblika ta’ Salo, ġie mibgħut huwa wkoll f’kamp ta’ konċentrament apposta għall-priġunieri politiċi.  Fi tmiem il-gwerra, bl-avvanzata għal darb’oħra tal-armata Russa, spiċċa mexa lura lejn pajjiżu.  Mhux ċajta.

3.       Dan il-ktieb reġa’ fakkarni, bħalma għamlu oħrajn li semmejt hawn fuq, f’kemm bnedmin fl-Ewropa kellhom jgħaddu minn diffikultajiet verament inutili bil-ħolm bla sens ta’ żewġ persuni, li kienu Adolf Hitler u Benito Mussolini.  Il-ktieb jiddeskrivi sew u fid-dettalji umani ta’ dak kollu li kellhom jgħaddu diversi suldati huma u jirtiraw mill-gwerra fuq il-front Russu.  Għax għalkemm hemm min jista’ jimmaġina li hemm xi glorja jew trijonf, il-gwerer fir-realtà jġibu biss deni, vjolenza, mewt, tifrik u tneħħija ta’ kull dinjità umana.  Dawn il-kotba għandhom il-vantaġġ li jinqatgħu mill-kotba strettament u purament storiċi u jmorru direttament f’dak li huwa l-jum li kull suldat, kull bniedem, irid jiffaċċja.  Fil-kesħa Russa, fit-taħwid ta’ armata fl-irtirata, wieħed jista’ jmiss ir-reazzjonijiet u l-effetti negattivi fuq il-poplu, is-suldati ta’ żewġ fronti, tax-xeni ta’ bnedmin, persuni umani li f’mumenti jkunu ħajja, f’mumenti oħra jkunu maqtula, minxura mal-art jew imbiċċrin f’diversi biċċiet.  F’dan il-konflitt, f’dak li għadda minnu dan il-bniedem, sibt x’imkien li Rigoni Stern kien stqarr li l-akbar sodisfazzjon ta’ ħajtu kien dak li rnexxielu jieħu lura lejn pajjiżu l-ħamsin suldat kollha kemm huma.

4.       Nikteb iktar dan l-artikolu għax f’dawn il-jiem nibdew infakkru dak kollu li d-dinja u nkluż il-poplu Malti għaddejna minnu fit-traġedja umana tat-Tieni Gwerra Dinjija.  Diġà kkommemorajna l-attakki fuq Hiroshima u Nagasaki fil-Ġappun, daqt il-Konvoj ta’ Santa Marija u diversi mumenti oħra li fihom l-Ewropa u d-dinja sabu ruħhom fihom.  Li tiftakar u tfakkar għalija huwa verament importanti.  Importanti biex tfiehem x’sewwasew seħħ u mhux tgħaddi, f’din il-ġenerazzjoni li qegħda tgawdi l-paċi, xi forma ta’ leġġenda.

5.       Nikteb ukoll għax wieħed irid fuq kollox jagħmel il-punt ċar daqs il-kristall li l-faxxiżmu u n-nażiżmu lejn disastri jwasslu.  Min għadu jaħseb li kien hemm xi sens f’dawk il-manifesti politiċi tagħhom qiegħed jiżbalja bil-kbir.  Il-materjaliżmu, it-tneħħija ta’ kull forma ta’ dinjità umana, l-eloġji għal forom differenti ta’ makkjavelliżmu u l-mibgħeda razzjali huma kollha żbalji.  Bħalma huwa wkoll barra minn loku l-ħsieb li l-Istat għandu jiġi qabel il-persuna umana, drittijiet fundamentali tiegħu jew li, f’disprezz lejn id-dinjità tal-persuna umana, kull bniedem tista’ teħles minnu għax sostitwibbli.

6.       Rigoni Stern huwa parti minn ġenerazzjoni ta’ bnedmin li sofrew ħafna.  Kull bniedem jgħaddi minn xi forma ta’ diffikultà.  Fl-aħħar tal-jum, jekk ikun għadu ħaj, jagħraf li jkun tbaskat aħjar.  Ġie ssudat f’dak li jgħid u jaħseb.  Biss, dawk tat-Tieni Gwerra Dinjija tant raw atroċitajiet li ma kien faċli xejn għalihom li jiġu lura għall-ħajja normali.  Għas-sanità intellettwali, ta’ kull jum.  Mistoqsi għala kien kiteb dan il-ktieb jgħid li għamel dan sabiex iżomm lilu nnifsu milli jitlef is-sanità tiegħu.  Fil-kitba, u fit-triq li hija tieħdok, iżżommok għaddej tagħraf lilek innifsek u dak li int.  Għalhekk, il-letteratura mondjali hija fortunatament mimlija b’kotba tajbin, ta’ bnedmin li messew b’idejhom l-atroċitajiet tal-gwerra u ħallew warajhom dokument li jneħħi kull sbuħija li xi bniedem jista’ jara fiha.

 *Dan l-artikolu deher matul is-sajf fl-Illum.

KANA

1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...