1. Il-kriterji tal-għażla mhumiex l-istess għal kull bniedem. Diversi drabi hemm min jippretendi kompetenza, imma fir-realtà jidħlu iktar dawk marbuta ma’ simpatiji u antipatiji. Ċertament, id-deċiżjonijiet jiddependu mill-persuna li tkun ser teħodhom, imma wkoll ta’ dawk li effettivament jinfluwenzawha. Dawk li jkollha madwarha jkollhom huma wkoll piż f’dak li jgħaddu bħala ħsibijiet u ġudizzji fuq il-karattri. Fuq dak li jaraw bħala difett veru jew dak li huma jidhrilhom li għandu jkun vizzju. Nuqqasijiet varji sabiex bihom jiġi, jew tiġi magħżula persuna minn oħra. Rajt u nibqa’ nara varjetajiet imħallta minnhom.
Konsegwenzi
2. Il-bnedmin jiġu ipproċessati fuq dan l-għarbiel. Għax ħafna drabi hemm il-ħsieb żbaljat li min għandu l-poter jaf x’inhuwa jagħmel, u għalhekk, il-ġudizzju tiegħu huwa suprem. Għalhekk, flok wieħed jistaqsi jekk dak li bniedem ieħor iddeċieda fuq persuna oħra huwiex tajjeb jew ħażin, ġust jew inġust, jaċċettah. Rajt, u għadni nara lil dawk li jingħataw ġudizzji simili li, fil-fatt, ma jixirqilhomx. Jidħlu wkoll fin-nofs il-misħuta għira, tpattija, prepotenza, u l-effett huwa li xi bnedmin jipu pubblikament umiljati. Dawk li jitwieled fihom ir-‘riżentiment’ f’dak li ġarrbu. Dawk li dak li jgħaddu minnu jimmarkahom u jibdilhom. Xi drabi aktar jgħaddu l-esperjenza, direttament jew indirettament, lil ġenerazzjonijiet oħra. Proċess li f’ħafna tarah li ma jieqafx.
Fit-tul tal-bniedem
3. Nipperswadi ruħi li deċiżjonijiet bħal dawn jibqgħu jsejħu s-smewwiet sabiex jiġu rettifikati. Jgħaddu kemm jgħaddu snin, ikun hemm il-bżonn li soċjetà tirrikonoxxi li sar dak li ma kellux isir. Kif rajna, diversi stati jirrikonoxxu li kienu għamlu azzjonijiet żbaljati fil-konfront ta’ bnedmin oħra. Kif għamlet ukoll il-Knisja Kattolika fil-konfront ta’ min bata minħabba l-aġir żbaljat ta’ xi membri tagħha. Hemm att ta’ umiltà li jrid u jista’ jsir f’dan, imma l-bniedem jaf ikun iktar supperv. Nifhem dejjem iktar il-passi li ħadu l-qaddisin Karol Woytyla (1920-2005) u Joseph Ratzinger (1927-2022) biex mexxew l-umanità timxi biex tirrikonoxxi li dan huwa proċess uman li jrid isir f’tul ħajjet u l-memorja ta’ bniedem. Eżempji li ma jiġux segwiti u anzi, minn dak li qed naraw qed jiġu ipperpetrati deċiżjonijiet li jattakkaw lill-bniedem.
Nies fil-komunità
4. Ftit jiem ilu qrajt kitbet G.M. Bonnici f’Il-Leħen, li fih qal hekk: “Irridu li fl-għażliet li nagħmlu għal min ser imexxina – u din is-sena se jkollna l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali u għall-Ewropa – ngħelbu l-preġudizzji u nagħżlu nies ta’ integrità li jpoġġu l-ewwel il-ġid komuni. Irridu nieħdu ħsieb is-saħħa tal-poplu tagħna.” Għandu raġun f’ħafna, sija fil-preġudizzji kif ukoll fl-integrità. Imma f’dan il-poplu, fil-kriterju tal-għażla tiegħu jdur, ħafna drabi, fuq dak li jitressaq lilhom minn oħrajn bħala li huwa tajjeb. Iktar u iktar fil-ħsieb li l-persuna tiġi mkejla skont lil min il-partiti jressqulhom ’il quddiem bħala dawk li għandhom jagħżlu. Dan għax hemm il-ħsieb li dawn jafu “aktar”. Biss, ċertament, hemm bżonn dixxerniment aqwa u għajnuna aħjar sabiex dawk li huma verament u mhux apparentement ta’ integrità jiġu identifikati. Wara l-poplu jiddeċiedi jekk iridhomx jew le.
On giving up
5. Fost il-kotba li sibt riklamati ltqajt ma’ dan tal-psikologu Adam Phillips (1954) li fih hemm din l-introduzzjoni online “Giving up our supposed vices is one thing; giving up on life itself is quite another.” (Li ċċedi dawk li huma s-suppost vizzju tiegħek hija ħaġa; imma li ċċedi fuq il-ħajja hija ċertament ħaġ’oħra. Għax kif tista’ tagħmel atti lejn il-ġid komuni u li jħarsu lejn is-saħħa tal-poplu jekk ma jieħux ħsieb li ċerti prattiċi, speċjalment fil-kamp politiku, jispiċċaw? Fejn għad hemm il-ħsieb li l-mexxej “ta’ veru” jrid juri li kapaċi joħroġ id-demm u li jaqta’ l-irjus ta’ bnedmin oħra? Jeżerċita varjetà ta’ għodda, fosthom il-famuża promozzjoni Irlandiża? Qisu jrid juri li kapaċi juża l-giljottina politika u f’dan jaqbeż il-bżonn li jispjega u jiġġustifika dak li jkun qiegħed jagħmel. Ngħid li dan huwa vizzju fil-kultura li tħaddan is-soċjetà, li għandha timxi ’l bgħid minnu.
Tibdiliet
6. Fuq dan il-ktieb, biex iħajrek tixtrih iktar, jingħad hekk: “We give something up because we believe we can no longer go on as we are. In this sense, giving up is a critical moment – an attempt to make a different future.” (Inċedu xi ħaġa għax nemmnu li ma nistgħux nibqgħu dak li aħna. F’dan is-sens, li ċċedi huwa mument kritiku – attentat sabiex ikollok futur differenti.) Fuq dan, u b’rispett, dak li seħħ f’dawn il-jiem bit-tibdiliet fil-karigi tal-Kabinett u dawk fid-Dell tiegħu, jinkwadra ruħu. Għal dawk li tkellimt fit-triq magħhom, dak li sar, għalihom m’għamilx wisq sens, salv ħaġa waħda. Ma kienx hemm kriterji ta’ għażla ibbażata fuq merti jew demerti, jew fuq ġustizzja jew le, imma fuq kif jitħaddem il-poter intern. Għax kif qaluli, għandna l-ħsieb, il-vizzju, li bħalissa prevalenti li f’partit politiku mhux it-tastieri sħaħ tiegħu jiġu rispettati. Fejn l-opinjonijiet ta’ dawk li ma jaqblux jiġu mqegħda fil-ġenb.
Argumenti, mhux preżenzi
7. F’dan, għalhekk joħroġ iktar ċar li għal min irid jibni billi jagħmel użu tajjeb mill-komponenti kollha tiegħu jrid jaħrab minn din il-linja. Analiżi oġġettiva u iktar ibbażata fuq ir-raġuni u mhux fuqkemm wieħed għandu preżenzi. Il-fiduċja politika tintrebaħ mill-għaqal u l-intelliġenza li proċess bħal dan jesiġi. Tirrispetta aktar l-għażliet elettorali u tifhem xi Gvern u x’Oppożizzjoni qiegħed isejjaħ huwa li jkollu. L-abbiltà ta’ min għandu fuqu r-responsabbiltà u ta’ dawk li jrid l-għajnuna mingħandhom huma dawk li jiddeċiedu l-futur tal-pajjiż. Kriterji u ideat li politika aktar avvanzata u żviluppata qed titlob. Dawk li nemmen fihom u dawk li nibqa’ naħdem sabiex iseħħu, huma x’inhuma l-avversitajiet. Għax jekk dan isir inkunu qegħdin verament ngħelbu l-preġudizzji u nagħżlu nies ta’ integrità li jpoġġu l-ewwel il-ġid tal-poplu.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment