29.1.24

INFAKKRU U NIFTAKRU

1. Forsi f’dan il-pajjiż ma narawx biżżejjed l-importanza ta’ dawn il-jiem. Ma nagħrfux kemm huwa importanti li bħala poplu niftakru f’dak li ġara tul it-Tieni Gwerra Dinjija fil-kampijiet tal-konċentrament. Fil-postijiet fejn ir-reġimi Nażi-Faxxisti bagħtu għall-mewt miljuni ta’ bnedmin, ta’ Lhud prinċipalment. Dawk li nqatlu, fl-akkuża infami li kienu parti mir-razza Lhudija. Is-27 ta’ Jannar ta’ kull sena huwa dak il-jum li l-Ġnus Magħquda għażlu biex niftakru meta, fl-1945, t-truppi Russi kienu daħlu fil-kamp ta’ Auschwitz biex jilliberaw lil dawk li kienu għadhom ħajjin u li fl-istess kixfu għal għajnejn l-umanità l-orruri li kienu saru hemm ġew. Forsi hawn min jiġi mmexxi mill-ħsieb skorrett li din hija memorja limitata għall-poplu Lhudi u għal Iżrael, u xejn aktar. Kemm għandhom żball, għax dan jgħodd għalina lkoll kull jum tas-sena f’dak li ngħaddu minnu.

Valuri

2. Nixtieq iktar li f’pajjiżna, speċjalment għal dawk li għadhom qed jidħlu fil-ħajja, li l-lezzjonijiet ta’ dak li seħħ jiġu trasmessi. Aħna, għall-kuntrarju ta’ oħrajn, niddependu mill-qari jew mid-dokumentarji biex nifhmu għax m’għandniex xhieda magħna. Minn pajjiżna ma ttiħdux Lhud għax ma waqajniex għal dik il-ħakma kerha. Riccardo di Segni (1949), ir-Rabbi Kap f’Ruma, f’intervista din il-ġimgħa stqarr hekk: “La memoria è basata sui testimoni.” (Il-memorja hija ibbażata fuq ix-xiehda diretta ħajja ta’ dawk li ġarrbu.) Dawk li llum, ukoll fl-Ewropa, qed jonqsu bit-trapass taż-żmien. Ċertament ta’ żvantaġġ għalina, imma dan ma jnaqqasx mir-responsabbiltà morali u ċivika tagħna li niftakru u nfakkru. M’hemm xejn xi jżommna milli ngħaddu l-valuri li ħadna u li nieħdu minn fuq dik l-esperjenza mill-iktar atroċi u ngħadduhom għall-ġid tal-komunità. Il-valur tal-ħajja, tad-dinjità tal-bniedem u l-bini ta’ soċjetà li tħares li jkollha prinċipji etiċi sodi. Dawk li fuqhom għandu jkollna d-demokrazija.

Il-Mibgħeda

3. F’dan il-proċess, l-iktar li hu determinanti hu li nifhmu li dan kollu seħħ minħabba l-mibgħeda lejn l-oħrajn. Dik li tiżra’ ż-żerriegħa li minnha titwettaq biss il-ħsara. Dik li minnha ma tirrispettax lill-oħrajn, imma li tikkunsidrahom bħala oġġetti bla ruħ. Dik li ġġib iktar inkwiet u iktar vjolenza verbali u fiżika, li twassal għal riżentimenti li jibqgħu għaddejjin fis-sekli. Minkejja dak kollu li seħħ fil-kampijiet tal-konċentrament għad hemm min irid jinjora din il-lezzjoni bażika. Jaħseb li l-ideat politiċi tal-partiti tal-lemin estrem għadhom validi u li minnhom jispiċċa, direttament jew indirettament, jiċħad ix-Shoah. F’dan għandna nagħrfu kemm qegħdin lura għax għad għandna dawk li jitkellmu u jindirizzaw lill-oħrajn fid-dinja sewda tal-mibgħeda. Kull ġurnata nara persuni pubbliċi li jridu jaffermaw il-preżenza politika tagħhom billi jħajru lill-oħrajn għall-mibgħeda. Jaħsbu li ser jingħataw attenzjoni għax jużaw il-mibgħeda. Kliem mhux xieraq, u li fir-realtà jwassal biss sabiex jingħalqu t-toroq tad-djalogu u tal-progress demokratiku. Reazzjonijiet umani bla sens f’ċirkostanzi varji tal-ħajja.

Victor E. Frankl

4. Fost il-kotba li missejt magħhom, proprju għax m’għandix l-opportunità li niltaqa’ ma’ bnedmin li ġarrbu, sibt dak ta’ dan il-bniedem. Frankl (1905-1997) għex l-esperjenza f’Auschwitz u wara l-gwerra beda jikteb, b’diffikultà, dak li għadda minnu. Laqatni ħafna, imma iktar ukoll għax missejt ma’ dawn il-punti. Dawk li joħorġu mill-bniedem fil-mumenti diffiċli tal-eżistenza tiegħu. Huwa jgħid dan fil-ktieb Man’s search for meaning (1946): “ ... he may remain brave, dignified and unselfish, or in the bitter fight for self preservation he may forget his human dignity and become no more than an animal.” (... jista’ jibqa’ kuraġġuż, dinjituż u mhux egoist, jew fil-ġlieda iebsa biex jippriserva lilu nnifsu jista’ jinsa d-dinjità umana u ma jsir xejn iktar minn annimal.) Kliem li bħalma kien rilevanti għal dak kollu li n-Nażi-Faxxiżmu għadda minnu lil bnedmin bħalna, huwa wkoll illum magħna fi triqitna. Nammetti li f’diversi deċiżjonijiet politiċi li segwejt, dawn il-lezzjonijiet żammejthom bħala gwida.

Mument iebes

5. F’dan kollu huwa evidenti fuq naħa u essenzjali fuq l-oħra li nħajru aktar il-qari ta’ dak li seħħ. Nibnu programm nazzjonali sabiex ikun hemm għarfien veru ta’ dak kollu li ġarrbu dawn il-bnedmin kaġun tal-ideat żbaljati ta’ oħrajn. Ikun hemm, bħala parti mis-sistema demokratika tagħna, li nassiguraw li ma jkunx hemm ripetizzjonijiet varji. Proċess intern li jrid jinbena. Għax kif l-awtur jispirana biex naħsbu: “Forces beyond your control can take away everything you possess except one thing, your freedom to chose how you will respond to the situation.” (Forzi esterni ’l bgħid mill-kontroll tiegħek jistgħu jeħdulek kull m’għandek salv ħaġa waħda, il-libertà li tagħżel kif ser twieġeb għas-sitwazzjoni partikolari.) Dawk li għaddew minn dawk il-kampijiet, fil-maġġoranza mietu. Baqgħu l-ftit li tawna lura dak kollu li batew fih. Dawl għal dawk li jridu jimxu ’l quddiem fil-ħajja. Dawl ikbar illum fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha.

Minn xhieda għal akkużati

6. F’dan kollu, wieħed irid jirrifletti quddiem dak li hu għaddej f’Gaża u fil-Qorti magħrufa bħala l-International Criminal Court f’The Hague. Riccardo di Segni, fuq dan jagħmel żewġ punti. L-ewwel, li dan kollu ġieb miegħu passi kbar lura fil-progress ta’ djalogu neċessarju u żieda fl-ostilità lejn il-poplu Lhudi. It-tieni, li fil-Qorti Internazzjonali, minn persuni li jagħtu xiehda u jirrakkuntaw dak li seħħ kontra tagħhom, illum qegħdin jiġu akkużati li kisru dawk l-istess liġijiet li batew taħthom qabel. Mhux l-aħjar żmien għar-riflessjoni, imma li m’għandux iżommna milli nfakkru. Iżommna milli nibqgħu lura u nagħrfu li aġir bħalma d-dinja rat iseħħ m’għandux jirrepeti ruħu. Huwa proċess fiċ-ċiviltà u l-progress uman. Għax, fil-verità, hemm lezzjonijiet kbar li għandna nieħdu waqt li nfakkru u niftakru.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...