Showing posts with label Nigel Farage. Show all posts
Showing posts with label Nigel Farage. Show all posts

22.4.26

LIBERI MILL-KAOS

1. Ma tantx huwa l-aqwa żmien sabiex tersaq viċin jew li jkollok ċerti politiċi bħala ħbieb. F’dawn l-aħħar sebat’ijiem, dak li kien jidher tant ċert u li ser jimxi ’l quddiem, ħabta u sabta beda sejjer lura. Jitnaqqas u jitkisser. Il-lemin-lemin li kien qiegħed jiddomina tant ir-ruħ u l-arja ta’ forza reattiva, f’ħafna sens ukoll anti-Unjoni Ewropea, issa jinsab wieqaf. Dak li seħħ fl-Ungerija għandu jkun lezzjoni ċara li t-triq tan-nofs hi ferm aqwa u dritta fil-politika milli dik reattiva u fil-periferija. L-alleanza li nbniet bejn numru ta’ mexxejja politiċi fl-Ewropa msejħa ‘sovranisti’, u minbarra dan l-iktar fl-Istati Uniti tal-Amerika, qed tmiss pożizzjonijiet li, mill-inqas, jitolbuha tieqaf tirrifletti. Għalhekk hemm proprju numru ta’ punti li wieħed irid iżomm quddiemu f’dak li ġej, il-konsegwenzi.

Tisħiħ

2. It-telfa elettorali daqshekk netta ta’ Viktor Orban (1963) tfisser li ser ikun hemm konsolidar ta’ pożizzjonijiet li qabel kienu mhedda. L-Unjoni Ewropea ser tara lill-Ungerija lura taħt il-Prim Ministru l-ġdid ta’ ħamsa u erbgħin sena, Peter Magyar, li jdawwar lura dak kollu li żamm fondi Ewropej milli jidħlu għad-dispożizzjoni ta’ pajjiżu. Il-qtugħ ta’ rabtiet mal-Federazzjoni Russa u ma’ Donald Trump. Ma jidhirx li Magyar ser jinsa daqshekk malajr l-appoġġ li l-avversarju politiku tiegħu kellu direttament mill-Viċi President Amerikan JD Vance, li b’mod għalkollox żbaljat intervjena fil-kampanja elettorali. L-iktar dan fl-għarfien li hemm pożizzjonijiet li ma jippermettux li pajjiż, b’xi mod, jitlef l-indipendenza tiegħu. Dan aktar flimkien mal-għarfien li anzi, l-Unjoni Ewropea hija l-garanzija tad-demokrazija u tal-libertà vera wara tant snin ta’ ħakma Sovjetika.

Oħrajn

3. Ma’ dan wieħed irid iżid ukoll li anki l-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer (1962) fir-Renju Unit għandu l-bieb miftuħ sabiex jikkunsidra mill-ġdid id-dħul fl-Unjoni Ewropea. Diġà hemm dawn is-sinjali. Dan għax il-politika Amerikana qed tindaħal fejn m’għandhiex u bħalissa mhijiex popolari wisq mal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Aktar f’dak il-pajjiż fejn il-partit ta’ Nigel Farage (1964) qiegħed ikompli jiġi mbuttat mill-istess Trump. Sija fit-tifħir dirett lejn politika li ma tirrispettax il-verità jew id-dinjità tal-bniedem, kif ukoll u aktar bil-kritika nġusta lill-istess Starmer, bi kliem dispreġjattiv u intenzjonat biex jumilja. Il-politika barranija Amerikana bħalissa mhijiex tinżel tajjeb u qed tirrendi ruħha impopolari għall-aħħar. Mhux biss għaliha stess iżda issa, u iktar, dawk li b’xi mod jistgħu jiġu assoċjati politikament magħha. Simpatija kbira fil-kontinent Ewropew ma hemmx. Għal snin twal waqaf ikun il-poplu li jispira lil oħrajn jew li jġorr il-bandiera tas-sewwa. Daqqa ta’ ħarta li bħalissa diffiċli ġġib lura dak li fiż-żmien kien.

Anki viċin

4. Fl-Italja wkoll, Giorgia Meloni (1977) qed issib ruħha f’żona ta’ baħar imqalleb. Wara r-riżultat tar-referendum li mar kontra tagħha u wara l-fatt li marret tappoġġja lill-istess Orban. Issa, fil-kwistjoni iktar ikkumplikata u viċin il-ġenn politiku li l-istess Trump jattakka lill-Papa Ljun XIV, kellha tiċħdu politikament. Mhux wisq alternattivi għaliha, meta l-argumenti miġjuba huma żbaljati u mingħajr raġuni ta’ xejn. Kliem żejjed u intenzjonat li jumilja, imma li fil-fatt kienu kontro-produċenti u li ħallew togħma mill-iktar morra. Il-Partit Repubblikan Amerikan ser iħallas prezz politiku fl-elezzjonijiet li ġejjin u dan għax il-votanti Kattoliċi, kif ukoll dawk moderati fi ħdanu ser jaraw li m’għandhomx jappoġġjaw din it-tip ta’ politika. Il-kliem ma kienx hemm lok li jingħad. Biss aktar, f’dan Meloni trid tara kif ser issib lura saqajha elettoralment. Ma tistax, jekk trid tibqa’ hemm, tilgħab fuq il-lemin-lemin u tassoċja ruħha ma’ dawk li tilfu. Jekk trid iżżomm il-poter trid timxi lejn iċ-ċentru moderat. Kemm ser tkun kapaċi tagħmel dan, għad irridu naraw. Imma bħalissa nfetaħ bieb beraħ għall-oppożizzjoni, li ħadet numru ta’ lezzjonijiet u hemm xamma ta’ bidla.

Il-Bnedmin

5. F’dan kollu, f’dawn il-ftit jiem ix-xenarju politiku għadda minn bidla qawwija. Fil-fatt huwa l-konsegwenza ta’ dawn l-aħħar snin li issa ġie fil-mument li jrid iħallas il-kontijiet. Xenarju li żviluppa fil-kontra ta’ dak li għandha tkun il-politika vera. F’dan iktar proprju l-pożizzjoni determinanti hija li l-politika mhux qed issir fir-rispett lejn id-dinjità umana. Il-lemin-lemin mhuwiex iġib linja ta’ attenzjoni u moderazzjoni fil-konfront tal-bnedmin. Anzi, huwa ispirat mill-idea li tista’ tittratta lil bnedmin oħra b’nuqqas ta’ rispett. Politika li tinsa li l-bnedmin mhumiex blalen. Ballun tagħtih bis-sieq, jaħbat mal-ħajt u jerġa’ lura lejn bi kważi l-istess forza li tibda f’dak il-moviment. Mentri l-bnedmin le. Min jaqla’ ma jiġix lura. Jieħu nota, u jistenna. Id-disprezz lejh iwassal biss sabiex l-appoġġ jew is-simpatija li seta’ kien hemm, jintilfu.

Il-Kuxjenza

6. Fil-verità, min qiegħed fil-poter irid l-iktar u kważi biss lil dawk li jaqblu miegħu. L-oħrajn barra, u jridu jitkeċċew jew jiġu attakkati. Dan għax jagħrfu li mhumiex fil-pożizzjoni, jew fl-abbiltà li jwieġbu għal dawk il-vuċijiet tal-kuxjenza. San Ġwann Battista, kif nafu, għadda proprju minn dik l-esperjenza. Fuq dan il-ħsieb, Antonio Spadaro (1966), il-Ġiżwita magħruf u editur ta’ La Civiltà Cattolica, li dejjem ikun fih x’taqra, fl-Avvenire kiteb hekk: “L’attacco di Donald Trump al Papa non è solo polemica politica, rivela il disagio davanti alla fatica di contenere una voce morale capace di denunciare guerra, idolatria del denaro ed esibizione della forza.” (L-attakk ta’ Donald Trump fuq il-Papa mhuwiex biss polemika politika, imma juri diffikultà quddiem il-fatt li ma jistax irażżan vuċi morali kapaċi li tikkundanna l-gwerra, l-idolatrija tal-flus u l-użu tal-forza.)

Id-dinja qed tinbidel

7. F’dan niftakru f’kemm il-bnedmin fil-poter jimmaġinaw li huma destinati jibqgħu hemm għall-eternità. Niftakru li jiżbaljaw fil-politika tagħhom meta jippruvaw jikkontrollaw u jeliminaw lil dawk li ma jirnexxilhomx. Tul dawn il-jiem bdejna naraw iktar li l-verità u s-sewwa jirbħu. Importanti li jkollhom lil min isemma’ leħnu u jitkellem fil-libertà. Kif jikteb Spadaro: “Leone non risponde sul terreno delle polemica, e proprio per questo resta fuori della presa. È libero, di quella libertà, disarmata e disarmante, è forse ciò che più inquieta il potere che agita il caos.” (Papa Ljun ma jweġibx fit-termini tal-polemika, u proprju għalhekk jibqa’ barra milli jista’ jinħataf. Huwa liberu, b’dik il-libertà mhux armata iżda li żżarma lil min hu armat, u forsi dan huwa l-iktar li jinkwieta lill-poter li jqanqal il-kaos.) Lezzjonijiet li jmexxuna biex ikollna iktar fiduċja li d-dinja qed timxi ’l quddiem, u li l-libertà vera tirbaħ fuq il-kaos li oħrajn jinsabu fih.

3.7.24

X'BIDLIET SEJRIN NARAW

1. Tul il-kampanja elettorali il-pożizzjoni baqgħet kostanti. Minn dak li qed jingħad u jinkiteb jidher li fl-aħħar ser ikun hemm bidla fil-Gvern tal-pajjiż. Dawk li fl-elezzjonijiet amministrattivi, ekwivalenti għal dawk tal-Kunsilli Lokali tagħna, iddeċidew li jivvutaw lill-Partit Laburista Ingliż hekk jidher li ser ikomplu u jerġgħu jagħmlu. Wara erba’ elezzjonijiet ġenerali li fihom il-Partit Konservattiv, b’xi mod, irnexxilu jirbaħ, u anzi f’waħda minnhom kaxkar, issa l-istorja ser tkun differenti. F’dawn is-snin, it-tmexxija ma kinitx eżemplari. Anki jekk kien hemm tlett Prim Ministri serji li ppruvaw, xorta waħda dak li wettaq wieħed minnhom naħseb li kien biżżejjed biex kisser kull forma ta’ fiduċja li setgħet inbniet.

Ħames persuni

2. Fil-fatt, mill-ewwel leġislatura, dak il-pajjiż ra ħames tibdiliet. Kellna lil David Cameron (2010-2016) u lil Teresa May (2018-2022) li mexxew b’integrità u l-iktar it-tieni waħda, b’enfasi fuq il-valuri veri tal-partit u b’viżjoni akbar lejn dak li jagħmel effett veru mal-elettorat. Programmi aktar indirizzati biex iwieġbu għar-realtajiet soċjali. Wara kien hemm Boris Johnson (2019-2022), li fi ftit snin ħarbat kull ma kien inbena. Rikeb fuq waħda mill-agħar deċiżjonijiet politiċi li l-pajjiż seta’ qatt ħa: dik li joħroġ lil pajjiżu mill-Unjoni Ewropea u aġixxa b’mod mill-aktar żbaljat. Sija fl-aġir personali tiegħu, kif ukoll fil-fatt li għażel li ma jobdix il-liġijiet li huwa stess kien ġieb fis-seħħ. Spiċċa proprju li minħabba dak li daħal fih, dak li huwa magħruf bħala “Partygate”, kellu mhux biss jirriżenja minn Prim Ministru, iżda wkoll minn deputat parlamentari. Warajh ġiet Liz Truss (2022), li ma tantx damet sforz l-ideat u l-politika ekonomika diżastruża tagħha. Illum hemm Rishi Sunak (2022-2024), persuna deċenti mill-iktar serju, imma li l-wirt ta’ dak li wettqu ta’ qablu mhuwiex proprju jgħinu. Il-pajjiż deċiż li jagħlaq dan il-kapitolu politiku.

Wegħdiet

3. Tul dan iż-żmien, il-Partit Konservattiv għamel diversi proposti u wassal lill-pajjiż jemmen li ser ikun hemm qabżiet ekonomiċi u soċjali li llum huwa ċar li ma kienx hemm. Ir-Renju Unit jinsab f’diffikultajiet xejn faċli li jingħelbu u l-baħar huwa deċiżament imqalleb għal kull min ser jidħol fis-siġġu tal-poter. Id-deċiżjoni politika li joħroġ mill-Unjoni Ewropea qiegħed iħallas għaliha sew. Mhux biss, imma agħar f’dan hemm li diversi politiċi fi ħdan dak il-partit li kienu kontra l-Brexit, spiċċaw barra minnu. Diversi vuċijiet moderati u attenti sabu l-eżilju mill-partit li kienu tant ħadmu għalih. F’dan hemm ir-riżultat li l-Konservattivi għandhom taqlib fil-pajjiż sija fl-estern, kif ukoll fl-intern. Lura fl-Oppożizzjoni, u kif l-istorja tagħraf, iridu jgħaddu s-snin qabel ma jkunu kapaċi jsiru ruħhom lura b’mexxej politiku li jħares ’il quddiem.

Keir Starmer

4. F’dan, il-pajjiż qiegħed iħares ’il quddiem li jkun immexxi minn dan il-bniedem. F’dawn is-snin irnexxielu li mill-elezzjoni tal-2019 jibdel il-linja tal-Partit Laburista Ingliż lejn waħda aktar moderata u ċentrista. B’karriera fl-avukatura mexxa b’suċċess l-uffiċċju tal-prosekuzzjonijiet fil-pajjiż (Director of Public Prosecutions), fejn numru ta’ ministri u deputati Konservattivi tressqu quddiem il-Qorti Kriminali. Ġieb enfasi aqwa lejn id-drittijiet tal-bniedem u nsista wkoll li l-pożizzjoni fil-proċeduri legali tal-vittma tar-reat tkun aktar b’saħħitha. Persuna li kien favur li pajjiżu jibqa’ fl-Unjoni Ewropea u kien parti minn “Britain Stronger in Europe”. Jidher li ser naraw programm ibbażat fuq iktar valuri u trasparenza politika. Bniedem sod u mhux mitluf fir-retorika, b’dożi ta’ rettitudni morali evidenti. Saqajh ferm aktar mal-art u deċiż li jwettaq bidliet ta’ ġustizzja soċjali għal dawk l-iktar ’l isfel fis-soċjetà.

Kemm ser jirnexxilu

5. F’dan, il-kampanja elettorali hija effettiva ħafna b’messaġġ sempliċi u dirett: “Change will only happen if you vote for it.” Għandu quddiemu pajjiż li qiegħed f’pożizzjonijiet soċjali u ekonomiċi mhux wisq tajba, bil-kwistjoni Brexit kontinwament fid-dell. B’Shevaun Haviland, vuċi influwenti ħafna u preżentement Direttur Ġenerali tal-British Chamber of Commerce tgħid: “UK must stop ‘walking on eggshells’ over post-Brexit deals.”, fl-għarfien sħiħ li hemm bżonn ta’ ftehim aħjar mal-Unjoni Ewropea għax: “The current plan isn’t working for members. A better deal is best for everyone.” Kollox ser ikun ikkumplikat u ser jiddependi wkoll fuq x’maġġoranza parlamentari jirnexxilu jkollu.

Distakk mill-estremi

6. Mhux biss, imma hemm ukoll ġlieda kontra linji politiċi li marru lejn l-estrem, li jrid jiffaċċja. Fosthom x’ser ikollu deputati l-partit tal-esaġerat Nigel Farage, Reform UK. Il-bniedem li daħħal wisq estremiżmi fil-politika nazzjonali Ingliża u huwa responsabbli ta’ wisq kumplikazzjonijiet nazzjonalistiċi inutili. Kif ukoll dawk iktar viċin, bħall-kandidatura indipendenti u xi ftit skomda ta’ dak li qabel kien il-Kap tal-Partit Laburista, Jeremy Corbyn (1949). Politiku li mill-1983 sal-aħħar elezzjoni, u għal dawn l-aħħar wieħed u tletin sena serva lil Islington North u li issa qiegħed jikkontesta mill-ġdid għal rasu. Pass li qiegħed iġib qasma f’din il-kostitwenza fi ħdan il-partit, li wara mhix ser tkun faċli li ssewwi lura.

Issa naraw

7. Fl-4 ta’ Lulju nkunu nafu fejn sejjer ir-Renju Unit, u jekk dak li qiegħed jiġi mbassar huwiex ser iseħħ jew le. Ċertament, il-pajjiż għandu bżonn bidliet kbar. Kemm jirrealizza dan hija ħaġa oħra. Kemm, wara, ser ikun lest li jaffronta d-deċiżjonijiet iebsa, daqshekk ieħor iebes. Il-fatt, però, jkun li jekk jgħaddu l-ewwel tlett xhur b’maġġoranza soda u bi programm soċjali, Keir Starmer ser iżid fil-popolarità u r-rispett. F’dan kollu, waqt li nawguraw lil dan il-poplu li aħna viċin tiegħu futur aħjar, nistennew biex nifhmu x’bidliet effettivi sejrin naraw iseħħu.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...