1. Tul il-kampanja elettorali il-pożizzjoni baqgħet kostanti. Minn dak li qed jingħad u jinkiteb jidher li fl-aħħar ser ikun hemm bidla fil-Gvern tal-pajjiż. Dawk li fl-elezzjonijiet amministrattivi, ekwivalenti għal dawk tal-Kunsilli Lokali tagħna, iddeċidew li jivvutaw lill-Partit Laburista Ingliż hekk jidher li ser ikomplu u jerġgħu jagħmlu. Wara erba’ elezzjonijiet ġenerali li fihom il-Partit Konservattiv, b’xi mod, irnexxilu jirbaħ, u anzi f’waħda minnhom kaxkar, issa l-istorja ser tkun differenti. F’dawn is-snin, it-tmexxija ma kinitx eżemplari. Anki jekk kien hemm tlett Prim Ministri serji li ppruvaw, xorta waħda dak li wettaq wieħed minnhom naħseb li kien biżżejjed biex kisser kull forma ta’ fiduċja li setgħet inbniet.
Ħames persuni
2. Fil-fatt, mill-ewwel leġislatura, dak il-pajjiż ra ħames tibdiliet. Kellna lil David Cameron (2010-2016) u lil Teresa May (2018-2022) li mexxew b’integrità u l-iktar it-tieni waħda, b’enfasi fuq il-valuri veri tal-partit u b’viżjoni akbar lejn dak li jagħmel effett veru mal-elettorat. Programmi aktar indirizzati biex iwieġbu għar-realtajiet soċjali. Wara kien hemm Boris Johnson (2019-2022), li fi ftit snin ħarbat kull ma kien inbena. Rikeb fuq waħda mill-agħar deċiżjonijiet politiċi li l-pajjiż seta’ qatt ħa: dik li joħroġ lil pajjiżu mill-Unjoni Ewropea u aġixxa b’mod mill-aktar żbaljat. Sija fl-aġir personali tiegħu, kif ukoll fil-fatt li għażel li ma jobdix il-liġijiet li huwa stess kien ġieb fis-seħħ. Spiċċa proprju li minħabba dak li daħal fih, dak li huwa magħruf bħala “Partygate”, kellu mhux biss jirriżenja minn Prim Ministru, iżda wkoll minn deputat parlamentari. Warajh ġiet Liz Truss (2022), li ma tantx damet sforz l-ideat u l-politika ekonomika diżastruża tagħha. Illum hemm Rishi Sunak (2022-2024), persuna deċenti mill-iktar serju, imma li l-wirt ta’ dak li wettqu ta’ qablu mhuwiex proprju jgħinu. Il-pajjiż deċiż li jagħlaq dan il-kapitolu politiku.
Wegħdiet
3. Tul dan iż-żmien, il-Partit Konservattiv għamel diversi proposti u wassal lill-pajjiż jemmen li ser ikun hemm qabżiet ekonomiċi u soċjali li llum huwa ċar li ma kienx hemm. Ir-Renju Unit jinsab f’diffikultajiet xejn faċli li jingħelbu u l-baħar huwa deċiżament imqalleb għal kull min ser jidħol fis-siġġu tal-poter. Id-deċiżjoni politika li joħroġ mill-Unjoni Ewropea qiegħed iħallas għaliha sew. Mhux biss, imma agħar f’dan hemm li diversi politiċi fi ħdan dak il-partit li kienu kontra l-Brexit, spiċċaw barra minnu. Diversi vuċijiet moderati u attenti sabu l-eżilju mill-partit li kienu tant ħadmu għalih. F’dan hemm ir-riżultat li l-Konservattivi għandhom taqlib fil-pajjiż sija fl-estern, kif ukoll fl-intern. Lura fl-Oppożizzjoni, u kif l-istorja tagħraf, iridu jgħaddu s-snin qabel ma jkunu kapaċi jsiru ruħhom lura b’mexxej politiku li jħares ’il quddiem.
Keir Starmer
4. F’dan, il-pajjiż qiegħed iħares ’il quddiem li jkun immexxi minn dan il-bniedem. F’dawn is-snin irnexxielu li mill-elezzjoni tal-2019 jibdel il-linja tal-Partit Laburista Ingliż lejn waħda aktar moderata u ċentrista. B’karriera fl-avukatura mexxa b’suċċess l-uffiċċju tal-prosekuzzjonijiet fil-pajjiż (Director of Public Prosecutions), fejn numru ta’ ministri u deputati Konservattivi tressqu quddiem il-Qorti Kriminali. Ġieb enfasi aqwa lejn id-drittijiet tal-bniedem u nsista wkoll li l-pożizzjoni fil-proċeduri legali tal-vittma tar-reat tkun aktar b’saħħitha. Persuna li kien favur li pajjiżu jibqa’ fl-Unjoni Ewropea u kien parti minn “Britain Stronger in Europe”. Jidher li ser naraw programm ibbażat fuq iktar valuri u trasparenza politika. Bniedem sod u mhux mitluf fir-retorika, b’dożi ta’ rettitudni morali evidenti. Saqajh ferm aktar mal-art u deċiż li jwettaq bidliet ta’ ġustizzja soċjali għal dawk l-iktar ’l isfel fis-soċjetà.
Kemm ser jirnexxilu
5. F’dan, il-kampanja elettorali hija effettiva ħafna b’messaġġ sempliċi u dirett: “Change will only happen if you vote for it.” Għandu quddiemu pajjiż li qiegħed f’pożizzjonijiet soċjali u ekonomiċi mhux wisq tajba, bil-kwistjoni Brexit kontinwament fid-dell. B’Shevaun Haviland, vuċi influwenti ħafna u preżentement Direttur Ġenerali tal-British Chamber of Commerce tgħid: “UK must stop ‘walking on eggshells’ over post-Brexit deals.”, fl-għarfien sħiħ li hemm bżonn ta’ ftehim aħjar mal-Unjoni Ewropea għax: “The current plan isn’t working for members. A better deal is best for everyone.” Kollox ser ikun ikkumplikat u ser jiddependi wkoll fuq x’maġġoranza parlamentari jirnexxilu jkollu.
Distakk mill-estremi
6. Mhux biss, imma hemm ukoll ġlieda kontra linji politiċi li marru lejn l-estrem, li jrid jiffaċċja. Fosthom x’ser ikollu deputati l-partit tal-esaġerat Nigel Farage, Reform UK. Il-bniedem li daħħal wisq estremiżmi fil-politika nazzjonali Ingliża u huwa responsabbli ta’ wisq kumplikazzjonijiet nazzjonalistiċi inutili. Kif ukoll dawk iktar viċin, bħall-kandidatura indipendenti u xi ftit skomda ta’ dak li qabel kien il-Kap tal-Partit Laburista, Jeremy Corbyn (1949). Politiku li mill-1983 sal-aħħar elezzjoni, u għal dawn l-aħħar wieħed u tletin sena serva lil Islington North u li issa qiegħed jikkontesta mill-ġdid għal rasu. Pass li qiegħed iġib qasma f’din il-kostitwenza fi ħdan il-partit, li wara mhix ser tkun faċli li ssewwi lura.
Issa naraw
7. Fl-4 ta’ Lulju nkunu nafu fejn sejjer ir-Renju Unit, u jekk dak li qiegħed jiġi mbassar huwiex ser iseħħ jew le. Ċertament, il-pajjiż għandu bżonn bidliet kbar. Kemm jirrealizza dan hija ħaġa oħra. Kemm, wara, ser ikun lest li jaffronta d-deċiżjonijiet iebsa, daqshekk ieħor iebes. Il-fatt, però, jkun li jekk jgħaddu l-ewwel tlett xhur b’maġġoranza soda u bi programm soċjali, Keir Starmer ser iżid fil-popolarità u r-rispett. F’dan kollu, waqt li nawguraw lil dan il-poplu li aħna viċin tiegħu futur aħjar, nistennew biex nifhmu x’bidliet effettivi sejrin naraw iseħħu.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment