24.7.24

GĦADHA ĠEJJA

1. Dak li qiegħed iseħħ fl-Istati Uniti huwa serju ħafna, u dak li ġej forsi nistgħu nbassruh iktar. Dak li seħħ u għadu ser jiġri, fil-kalatura qawwija tal-ħajja jurina fejn fil-fatt sejrin. Għax għalkemm ftit huma dawk li jistgħu jiddikjaraw li huma, jew ser isiru profeti, f’din is-sitwazzjoni hemm dik il-loġika elettorali taħdem. Hemm dak li diġà qiegħed jintwera, jum wara jum, jiżviluppa. Passi li juru li f’Novembru li ġej ser ikun hemm bdil fil-President tal-pajjiż. Bdil fl-amministrazzjoni u fl-ideat li jmexxuh ’il quddiem fil-politika nazzjonali u internazzjonali. Dak li qabel kien seta’ jidher bilanċjat, preżentement tilef din id-direzzjoni.

Il-kandidat Demokratiku

2. Forsi huwa ovvju, għalikom li ssegwu kitbieti, li nxaqleb aktar lejn id-Demokratiku Joe Biden. F’dawn is-snin li ilu fil-politika wera bl-aktar mod kostanti li huwa bniedem moderat, attent u mimli esperjenza tal-ħajja, u speċjalment dik politika. Għal dan il-partit, fl-aħħar elezzjoni presidenzjali kien forza ta’ unjoni, u kien mertu tiegħu li f’pajjiż dejjem iktar maqsum, irnexxilu jirbaħ. Biss, dak li ġara f’dawn l-aħħar xhur ibiddel miegħu x-xenarju politiku. Għax għalkemm diġà sentejn ilu kien hemm min tkellem u nsista li għandu jsir analiżi serja fuq jekk għandux jibqa’ l-kandidat tal-partit, illum hemm ferm iktar. Ċertament dawn huma sitwazzjonijiet xejn faċli. Huma, fil-fatt, ikkumplikati ħafna, aktar u aktar meta wieħed qed jittratta persuna li qed tokkupa, fis-saħħa sħiħa tagħha, il-kariga.

Il-parti l-oħra

3. F’dan ukoll kien hemm il-fattur Donald Trump, li kien u għadu konsistenti fis-sens li hu persuna li diġà serviet bl-ideat tagħha fuq il-lemin iktar viċin l-estrem, li kien qiegħed jerġa’ joffri dak li kien. Fattur ta’ stabilità, u dan minkejja l-fatt li huwa għaddej mill-pożizzjoni xejn faċli li jsib ruħu akkużat quddiem il-Qrati b’każijiet gravi u fl-istess ħin kontestat minn parti mill-partit. Issuperahom, anki jekk f’dak il-Partit Repubblikan kien hemm min jippreferi bidla. Illum, però, l-istatura tiegħu nazzjonalment għoliet ferm ’il fuq. L-aħħar dibattiti ma kinux daqshekk tajbin għalih; fil-fatt, kienu ħżiena għal Biden. Imma l-attentat fuq ħajtu biddel l-affarijiet. Waqt li għaddej mill-Konvenzjoni tal-Partit Repubblikan, fejn kollox huwa parti mit-trijonf tiegħu, jidher ċar li wasal f’tarġa ferm ’il fuq minn dik li kien fiha ftit xhur ilu. Kemm però ser jibqa’ f’din il-pożizzjoni għad irridu naraw. Minn dak li hemm jidher, però, huwa ċar li mhuwiex ser inaqqas.

Il-bidla


4. F’dan, ix-xenarju għall-Partit Demokratiku huwa daqstant ieħor ferm u ferm iktar ikkumplikat. Sa ftit ġimgħat ilu, wara l-aħħar dibattitu, fejn il-President attwali ma deherx daqshekk f’dawl tajjeb, kien hemm vuċijiet varji biex huwa jieħu pass lura. Sa issa irreżista, u f’dan wieħed jista’ fuq naħa jammira, u fuq l-oħra jifhem. Biex jinbidel kap ta’ partit u jintgħażel ieħor lejn l-aħħar ta’ kampanja elettorali jaf ikun iktar perikoluż. Forsi wkoll, dan jista’ jkun ikkumplikat għalih fl-imħabba tiegħu lejn l-istess partit. Imma waqt li qiegħed f’daru jikkumbatti l-mard, barra hemm iktar min huwa determinat li sseħħ il-bidla. Jingħad x’jingħad, bil-vantaġġi kollha li Donald Trump qiegħed jirreġistra, xorta hemm votanti li jifhmu li b’bidla l-pożizzjoni ser tmur għal iktar minn dak li kellhom qabel.

Ħidma interna

5. Il-vuċijiet fuq barra huma essenzjali biex jittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba, imma ċertament, mhumiex kollox. Il-Partit Demokratiku għandu quddiemu opportunità li jagħżel kandidat iżgħar u kapaċi, biex ikun hemm alternattiva aqwa. Għandu wkoll, anke jekk l-arloġġ huwa kontra tiegħu, jifhem fejn ħaddieħor qiegħed jirreġistra avvanz u jbiddel il-perkors tal-affarijiet. Kollox ser ikun qiegħed jiddependi fuq il-kuraġġ u l-abbiltà fl-għaqal li dan iseħħ. Nixtieq nara dibattitu veru, aktar u aktar meta dan il-partit qiegħed f’ħoġor ħaddieħor il-vot Kattoliku. Partit li, wara l-aħħar deċiżjonijiet dwar il-valur tal-ħajja u l-effetti fuq id-duttrina soċjali tal-Knisja, mhuwiex jifhem li jrid imiss lura mal-polz li nqata’ minnu.

Ġustizzja soċjali


6. F’dan, però, huwa iktar ċar li l-Partit Repubblikan, bl-għażla tas-Senatur J.D. Vance bħal kandidat għall-Viċi President, jidher li qiegħed iwettaq. Iben il-ħaddiem, li għadda minn diversi diffikultajiet. Sar avukat u huwa fost l-iżgħar fl-età ta’ 39 sena, u wkoll persuna li f’Awissu tal-2019 ikkonverta għall-Kattoliċeżmu. Deċiżament kontra l-abort u vuċi favur dawk li huma l-iktar ’l isfel fis-soċjetà. Wara l-pubblikazzjoni tal-ktieb tiegħu Hillibilly Elegy: A Memoir of a Family and Culture in Crises (2016), ħajtu ġiet magħrufa mhux ħażin. F’dan, però, hemm markament il-fatt li biddel spiss il-pożizzjoni tiegħu. Minn Demokratiku sar Repubblikan, minn kontra Trump sar favur tiegħu. Uħud jitkellmu fuq l-estremiżmu tiegħu u jidentifikawh mal-lemin estrem. Imma kemm dan ser ikun hekk f’dak li ġej, għad irridu naraw. Viċi President huwa dejjem importanti, u jista’ jieħu post il-President. Imma f’dan jibqa’ l-fatt li għax-xhur li ġejjin, il-Partit Repubblikan qiegħed jippjana elettoralment tajjeb il-passi tiegħu.

Tidher miktuba

7. F’dan huwa iktar ċar li meta wieħed jipprokrastina biex jieħu ċerti deċiżjonijiet li jkun hemm il-bżonn illi jittieħdu, l-affarijiet jikkumplikaw ruħhom. Bidliet bħal dawn mhumiex faċli, imma jkunu neċessarji. Iktar u iktar meta politikament il-marġini tas-suċċess ikun viċin u żgħir ħafna. Wieħed irid jagħraf fejn qiegħed jonfoħ ir-riħ u fejn qiegħed iħabbat il-polz mingħajr ma jilludi ruħu sabiex jiddeċiedi fis-sewwa u bir-raġuni qabel ma jkun tard wisq. Lezzjoni politika li tgħodd għal kull partit f’kull pajjiż, ċertament tagħna wkoll. Imma f’dan, iktar u iktar f’pajjiż kbir u daqshekk importanti bħall-Istati Uniti tal-Amerika. Filwaqt li nittamaw illi f’dan jittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba, wisq inħoss li għalkemm għadha ġejja, diġà tidher miktuba.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...