24.7.24

RABTIET KULTURALI QAWWIJA

1. Mhux ser nipprova nippretendi li nifhem ħafna fis-suġġett li ser nikteb dwaru. Biss, b’dan l-artiklu rrid fuq naħa nagħti ġieħ, u fuq l-oħra nafferma punt li minn dak li nara u nisma’, diversi jittraskuraw. Għax pajjiżna kellu u għandu diversi vantaġġi fil-pożizzjoni ġeografika li jgawdi f’nofs dan il-Baħar Mediterran. Fosthom l-għarfien li għal sekli sħaħ ġejna influwenzati minn ideat u mewġ kulturali li ġie f’ħafna gradi u livelli mill-kontinent Ewropew. F’dak li kien qiegħed jiġi żviluppat hemm. F’dak li kien qiegħed jingħata importanza.

Teknoloġija

2. Mentri llum, dak li kien ilu jħabbat għal sekli, mertu tat-teknoloġija moderna nqtajna minnu. Anzi, forsi aħjar, ma nħossux ruħna daqshekk influwenzati mill-Ewropej. Uħud inqatgħu kompletament, u dan minkejja li ninsabu iktar fiċ-ċentru, sija bl-Unjoni Ewropea kif ukoll bil-Kunsill tal-Ewropa. F’dan wieħed irid jimxi maż-żminijiet u jifhem il-kurrenti. Imma jkun ukoll importanti li wieħed jibqa’ jħares u jifhem fejn konna u minn fejn ġejna. Fis-sens li għandna nibqgħu nagħtu importanza lill-kurrenti kulturali li sawruna f’dak li finalment aħna fil-preżent. Għalhekk, ikun żball għalina li bħala poplu ma ningħaqdux fl-appuntamenti Ewropej biex niftakru, u fl-istess ħin, nirriflettu.

29 ta’ Novembru 1924


3. Ngħid ftit iktar dwar dan proprju f’din is-sena, li mal-Ewropa kollha qed isiru attivitajiet kulturali biex jitfakkru l-mitt sena mill-mewt ta’ Giacomo Puccini (1858-1924). Puccini huwa magħruf mad-dinja kollha għal ħidmietu fid-dinja mużikali, u b’mod partikolari fid-dinja operistika. Huwa l-kompożitur magħruf ta’ diversi biċċiet mill-iktar sbieħ u uniċi. Dawk li twieldu mill-pinna tiegħu u huma magħrufa fost diversi bħall-Manon Lescaut, it-Tosca, il-Madame Butterfly, La Fanciulla del West u t-Turandot, fost id-diversi oħra li huwa responsabbli għalihom. Opri li huma apprezzati sal-ġurnata tal-lum minn diversi f’dawn il-gżejjer sija fil-kunċerti varji li jsiru, kif ukoll fit-teatri tagħna.

Teatru Rjal

4. Il-biċċiet huma fuq widnejn ħafna. F’dan aktar u aktar meta llum huma ċertament parti mill-memorja kollettiva tagħna. Influwenzawna fil-gosti, kif ukoll kienu parti mill-kurrenti lejn kompożizzjonijiet oħra minn Maltin bħalna li huma magħrufa. F’dan ċertament ta’ min ukoll ifakkar li t-Teatru Rjal, li tnejn u tmenin sena ilu, fl-1942 kien ġie distrutt, kien il-post fejn diversi biċċiet minn dak li dan il-kompożitur kien qiegħed jikteb kienu jaslu għandna fi ftit xhur, kważi immedjatament. Hemm programmi antiki varji li huma għad-dispożizzjoni ta’ diversi li jixhdu kemm Puccini kien apprezzat sew magħna. Forsi f’dan, għalkemm wieħed jifhem dak li ddeċidejna qabel li ma nibnuhx lura, japprezza li hemm ukoll argumenti validi kulturali biex jerġa’ jkollna, fil-politika tagħna, il-bini mill-ġdid tiegħu.

Storja tagħna


5. Dak li kien qiegħed iseħħ f’teatri fl-Ewropa, diversi kienu jafu bih. Fejn ġew milqugħa jew le. Min kanta u min huwa tajjeb u jipprometti. Konna parti minn wirt uniku li hija ħasra li ninsew. Aktar u aktar meta wieħed għandu wkoll jgħid u jfaħħar id-diversi Għaqdiet tal-Baned li għandhom il-libreriji tagħhom mimlija b’wirt mużikali. Inxtraw minnhom, irċevew ħafna b’donazzjonijiet, u f’mumenti smajt lil min jirrikonoxxi li m’hemmx libreriji oħra li għandhom dak li jinsab f’idejn dawn l-għaqdiet nazzjonali. Proprju għalhekk li jagħmel dejjem iktar sens li nfakkru lil Puccini. U f’dan, ippermettuli ngħid prosit lill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Baned, li bejn Ottubru u Diċembru ta’ din is-sena ħejjew programm sabiħ biex ifakkruh. Dan b’kollaborazzjoni ma’, fost l-oħrajn, iċ-Centro Studi Giacomo Puccini u Villa Museo Giacomo Puccini.

Determinazzjoni

6. Puccini huwa kkunsidrat minn diversi bħala d-dixxendent leġittimu ta’ Giuseppe Verdi (1813-1901), li ċert li m’għandu bżonn ta’ ebda introduzzjoni magħkom. Verdi stess jingħad li kien apprezza u faħħar ħidmet Puccini. F’dan iktar kien il-bniedem li żviluppa din l-imħabba għall-opri u fehem li trid tibdel u tinbidel. Fehem, minn dak li naqra, il-valur tas-sabar u l-paċenzja mal-pubbliku. F’dan, fil-fatt, fis-17 ta’ Frar 1904 kellu esperjenza iebsa. Għax f’dak il-jum ġewwa Milan, fit-Teatro alla Scala sab avversità kbira għall-Madame Butterfly (l-opra li tkompli tbikki tant minna). Spiċċa bil-pubbliku jwaqqagħha għaċ-ċajt u jiddiżapprovaha, għamlulu xenati kbar u kienu psataż sew miegħu. Jidher li kien hemm min saħħanhom. Kien hemm min qallu li jrid jibdilha. Imma minflok ħa ħsieb ma jaqtax qalbu u aktar tard fis-sena, fit-28 ta’ Mejju, ġewwa t-Teatro Grande ta’ Brescia reġgħet telgħet u hemm kienet suċċess immedjat, kif fil-fatt kellha tkun mill-bidunett. Din l-esperjenza fehmitu ferm iktar fuq id-dinja operistika u fil-burdati, simpatiji u antipatiji tal-bniedem. Fehmitu li m’għandux jaqta’ qalbu, u proprju għalhekk aħna iffortunati li għandna opri oħra tajba tiegħu.

Pajjiżna

7. F’dan, nittama f’ħafna li tul din is-sena niftakru, u jekk ikun possibbli, nisimgħu iktar xogħlijiet ta’ Giacomo Puccini. Id-dinja hija aħjar b’dak li ħallielna. Hija aqwa wkoll għall-opri li huma parti mill-patrimonju kulturali Ewropew. Huma, fuq kollox, ukoll parti mill-patrimonju lokali tagħna. Ikun żball kbir jekk ma nagħrfux dan u ma nikkontribwux biex ikollna attivitajiet li jfakkruh. Għandna rabtiet kulturali qawwija, u hija ħasra li m’għandniex politika b’saħħitha biżżejjed li tħajjar aktar l-għarfien ta’ dak li konna qabel u tfakkarna li wisq inqas għandna nkunu maqtugħa minnhom fil-preżent u fil-futur.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...