10.7.24

TASTIERA FL-ISTABILITÀ

1. Smajna, u sa ċertu punt qrajna, dwar il-fatt li tul din is-sena konna ser naraw l-akbar parti tad-dinja tmur tivvota. Kellna diġà ħafna skedati u żdiedu oħrajn, bħal dawk fir-Renju Unit u fi Franza. Nafu anki li fejn l-elettorat huwa żgħir, jew relattivament hekk ikkunsidrat, għandek xorta diversi ntoppi u problemi. Meta jiġu dawk il-jiem, uħud jitilfu l-għaqal u jaġixxu mhux proprju kif titlob id-demokrazija. Għalhekk kull elezzjoni ġenerali jew presidenzjali li ssir u tgħaddi tkun suċċess meta joħroġ ir-riżultat u dan jiġi aċċettat mill-partiti li jkunu ħadu sehem. Kif nafu, kellna u għad għandna f’daqqa tlett appuntamenti importanti li fihom jinvolvu l-miluni ta’ nies. Tnejn għaddew diġà; it-tielet għadu ġej.

Miljuni

2. Aħna wkoll ħadna sehem fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li kienet tinvolvi l-miljuni fl-Unjoni. Però, ftit qabel għaddiet dik fl-Indja, u issa lejn Novembru ser ikun hemm l-elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti tal-Amerika. Iktar ma jkun hemm min jista’, u fl-aħħar ukoll irid jivvota, iktar trid attenzjoni u organizzazzjoni. Dawk Ewropej mod u l-istess dawk Amerikani, imma dawk f’pajjiż kbir bħall-Indja fil-kontinent Asjatiku, aktar. Fil-fatt, l-elezzjoni f’dak il-pajjiż ma ssirx f’ġurnata waħda, imma tieħu t-tul. Bdiet fid-19 ta’ April u baqgħet sejra sal-1 ta’ Ġunju. Kienu eliġibbli li jivvutaw madwar 968 miljun persuna u effettivament xeħtu l-vot tagħhom 642 miljun. Pajjiż kibr, b’kumplikazzjonijiet varji, imma li mill-1949 ma marx lura mill-impenn demokratiku tiegħu. Forsi mertu taż-żewġ partiti l-kbar, dak tal-Kungress u l-BJP (Bharatya Janata Party) li kien hemm stabbiltà f’soċjetà mimlija kontradizzjonijiet, b’estremi soċjali u ekonomiċi preżenti.

Riżultat

3. F’ċertu sens, dan kien differenti minn dak li kien qiegħed jiġi mistenni, speċjalment minn Narendra Modi, il-Prim Ministru attwali u l-partit tiegħu, il-BJP. Fit-tielet leġislatura tiegħu ra tnaqqis fil-membri parlamentari eletti. Minn 303 li kellu niżel għal 240. Xorta forza b’saħħitha li ser tippermettilu, din id-darba, b’dipendenza ftit akbar fuq il-partiti alleati, li jkompli jmexxi. Fir-realtà baqa’ b’segwitu elettorali qawwi: minn 37.3% tal-votanti fl-elezzjoni preċedenti għal din id-darba b’36.5%. Telf marġinali għall-politiku li ilu, bħala l-erbatax-il Prim Ministru tal-pajjiż, imexxi minn Mejju tal-2014. Biss, waqt li qabel dak il-kunsens elettorali servieh għal 56% tas-siġġijiet parlamentari, din id-darba mar għal 44%.

Fatturi

4. F’dan xorta hemm żewġ fatturi ta’ stabbiltà. L-ewwel: li qiegħed ikompli jmexxi maġġoranza stabbli; u tieni, li l-proċess sħiħ għadda bażikament sew sabiex id-demokrazija kompliet tafferma ruħha. Kif The Economist kien pożittiv u ddikjara: l-ewwel li: “Shock election result for the better”, u wara faħħar lill-elettorat billi qal hekk: “The world’s biggest electorate has just shown how democracy can rebuke out-of-touch political elites, limit the concentration of power, change a country’s destiny.” (L-ikbar elettorat fid-dinja għadu kif wera li jista’ jċanfar lill-elite politiku li huwa maqtugħ, jikkontrolla l-poter u jibdel destin ta’ pajjiż.) Sinjali importanti għal dak fl-ekonomija mondjali.

Mhux mistenni

5. Il-partit tal-Prim Ministru huwa wieħed li huwa mwieled fuq dak li huwa dikjarat bħala “umaneżmu integrali”, b’ideat prevalenti marbuta ma’ nazzjonaliżmu Ħindu. Imma fir-realtà hemm ġabriet ta’ programmi li f’mument minnhom jiddikjaraw ruħhom liberati mill-ħakmiet passati fuq il-pajjiż. Dawk li fuq naħa jħarsu lejn id-Dominji, Iżlamiċi, tal-Imperu Ingliż u dawk li s-Soċjaliżmu tal-Partit tal-Kungress għadda. Fuq l-oħra, il-fatt li l-pajjiż jidher li mexa ’l quddiem b’infrastruttura aħjar, u bi progress f’dak li jissejjaħ “digital welfare systems” għal dawk l-iktar ’l isfel fis-soċjetà. Il-pajjiż mexa ’l quddiem b’mod ġenerali u dan għal dawn l-aħħar żewġ leġislaturi ngħata l-kredtu tal-konċentrazzjoni fil-poter ta’ Narendra Modi, li issa għandu tlieta u sebgħin sena. Proprju għalhekk, quddiem dan l-avviż, diversi argumentaw li r-riżultat ma kienx mistenni.

L-Oppożizzjoni

6. Fuq in-naħa l-oħra, il-Partit tal-Kungress, li huwa dak li tradizzjonalment mexxa ’l-pajjiż għal ħafna snin, f’dawn l-elezzjonijiet ġie vantaġġat. Il-mexxej preżenti, Rahul Gandhi (1970), bin ġenituri politiċi, f’dawn irreġistra żieda fis-siġġijiet. Minn tnejn u ħamsin fl-2019, issa qiegħed b’disa’ u disgħin wieħed. Avvanz li ġieb lill-partit lura biex jista’ jħares lejn l-appuntamenti elettorali li ġejjin b’iktar kunfidenza. Iktar u iktar meta l-kritika lejn il-BJP hija indirizzata lejn il-fatt li hemm inqas impjiegi tajba, b’diskriminazzjoni soċjali kontra l-Musulmani, b’numru ta’ passi li fihom l-istituzzjonijiet demokratiċi ġew ikkontrollati, b’persekuzzjoni u forom ta’ oppressjoni lil parti mill-medja nazzjonali. Passi li wħud identifikawhom ma’ partiti tal-lemin estrem, li huwa stramb meta wieħed jikkunsidra li Modi ġej minn klassi soċjali fqira u allura minnu wieħed kien jistenna iktar passi sabiex min huwa ’l isfel jitla’ ’l fuq.

Futur

7. Huwa f’dawn il-mumenti, meta l-pożizzjoni ssir aktar diffiċli u mimlija sfidi, li wieħed jara jekk mexxej għandux l-abbiltajiet jimxi, u anzi f’dan il-każ, ikompli jimxi. Għandna interess f’dan. Pajjiżna għandu rabtiet varji ma’ dan il-poplu. Wieħed jista’ jħares sabiex dawn jiżdiedu. Hemm ferm aktar x’wieħed għandu jagħmel. Hemm potenzjali kbar, sija fl-aspett turistiku, kif ukoll dawk ekonomiċi. F’dan ukoll wieħed irid iżomm quddiem għajnejh il-fatt li kellna numru ta’ missjunarji li marru u għadhom preżentement hemmhekk, li jistgħu jiġu apprezzati aħjar għal ħidmiethom. Kif ukoll, iktar direttament, is-sehem li dan il-pajjiż jista’ jkompli joffri sabiex ikun hemm ftehim fil-gwerra li għaddejja ġewwa l-Ukrajna. M’hemmx dubju f’dan li l-Indja hija importanti fid-dinja tagħna. Punt li għandna napprezzaw ferm iktar għaliex huwa tastiera vitali fl-istabbiltà mondjali.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...