31.7.24

IMĠIEBA DEMOKRATIKA

1. Mhux kull persuna fil-ħajja pubblika ġġib u tikkomporta ruħha kif għandha. Jew aħjar, kif mistenni minnha fid-dinja u fis-sistema demokratika li għandu jkollna. Dik li diversi ħadmu fiha qabel u li għadhom illum jistinkaw sabiex jarawha aħjar milli tinsab fil-preżent. F’dan huma numerużi dawk li jippuntaw subgħa lejn oħrajn. Mhux għax dan huwa ħażin fih innifsu, imma għax hemm bżonn ta’ kuxjenza politika retta. Imma meta jaqbżu ħafna, u kull persuna toħroġ bit-teoriji tagħha, flok direzzjoni ċara, tibda tidher il-konfużjoni. Fejn dak li m’għandux ikun jiġi identifikat biex ma jirrepetix ruħu, minflok isir xi forma ta’ tajjeb.

Fl-inġustizzji

2. Għax hemm komportament demokratiku li jista’ jiġi segwit minn bnedmin ta’ ideat politiċi differenti. Dak li nbena fis-snin u li huwa għad-dispożizzjoni tagħna. Dak li jista’ jinqara u dak li jista’ jiġi osservat fid-diversi dokumentarji li għandna. Verament f’dan hemm inqas minn dawk li huma mħajra jaqraw. Hemm, kif qed naraw, ferm inqas minn dawk li jixtru ktieb biex jifluħ. Imma dan m’għandux ikun kontra l-kurrent neċessarju sabiex il-livell demokratiku tagħna jogħla ferm iktar ’il fuq. Il-bnedmin tal-Istat, li jokkupaw karigi pubbliċi, jien inkluż, iridu jifhmu dan. U f’dan iridu jifhmu aktar, independentement mill-pożizzjoni li toħroġ mill-opinjoni tagħhom. Jistgħu jaraw li qed isseħħ inġustizzja kbira fil-konfront tagħhom. Imma f’demokrazija jridu, iebsa kemm hi iebsa, jifhmu li fil-preżent huwa ż-żmien li jifred l-aġir żbaljat fil-konfront tagħhom mill-oħrajn minn dak li huwa s-sewwa.

F’Bologna

3. Il-bnedmin it-tajba fid-dinja politika jibqgħu jħallu warajhom eżempji li oħrajn jistgħu jsegwu. Jibqgħu dawk li jittieħdu bħala kejl ta’ kif wieħed għandu jġib ruħu. F’dan jibqgħu maħbuba sew. Hekk rajt u missejt waqt wirja sabiħa ħafna li hemm bħalissa f’din il-belt dedikata lil Enrico Berlinguer fl-erbgħin anniversarju tal-mewt tiegħu, li seħħet fil-11 ta’ Ġunju 1984. Ideat politiċi tiegħu mimlija b’punti li anki jekk wieħed ma jaqbilx magħhom, jagħmel sew li jaqra u jifli. Biss, fil-perkors sħiħ ta’ dak li tqiegħed b’imħabba lejh hemm ċar li kien jaf x’inhija d-demokrazija. Mhux biss, imma kien kommess lejn it-tisħiħ tagħha. L-iktar fl-impenn tiegħu lejn dak il-kunċett li għadu rilevanti sal-lum, li huwa identifikat fil-kliem: “la questione morale”. Fl-għarfien li l-ewwel, id-demokrazija hija valur li trid tiġi difiża mis-soċjetà; u t-tieni, fl-importanza tal-imġieba morali nadifa u għolja tal-politiku fis-servizz lejn id-demokrazija.

Hemm bżonn vuċijiet

4. F’dan hemm bżonn vuċijiet li wieħed jista’ joqgħod fuqhom li jagħtu direzzjoni għax huma kostanti fl-ideat u fir-rettitudni morali tagħhom. Bnedmin li jikkomportaw ruħhom kif jitkellmu. Ċertament mhux dawk li jgħidu ħaġa u jwettqu oħra. Iktar u iktar fil-mument ta’ sfida attwali li d-demokrazija f’pajjiżna qegħda tmiss magħha. Fejn huwa ċar li qed ngħaddu mill-effetti negattivi tal-għarfien tat-tmexxija politika tal-Gvern attwali. L-iktar fil-punt preċiż li huwa kien iddikjara ħafna u ippontifika daqshekk ieħor fil-kampanja elettorali tal-2013 fuq ir-rettitudni morali u mar daqshekk il-kontra. Kien kapaċi jikser kull ma kien qiegħed jgħid pubblikament li m’għandux ikun.

Tagħmel iktar sens

5. F’dan hemm bżonn passi ta’ bidla li jagħmlu sens. Għal dawk li nqabdu minn dak li kien qiegħed jingħad u oħrajn li m’għandhomx grazzja mal-ideat tagħna qed imorru jaħsbu li kull politiku huwa l-istess. Fil-pajjiż hawn kundanna ġenerali kontra l-politiċi. Waħda li titlob li tiġi kumbattuta b’intelliġenza. Ċertament l-ewwel fil-bżonn li jkollna politiċi li huma iktar bnedmin ta’ ideat u sustanza. It-tieni, fl-għarfien li hemm bżonn boxxla politika kostanti favur il-komportament demokratiku. Mhux biżżejjed is-sistema li għandna tal-qattus u l-ġurdien, imma hemm bżonn li jkollna lil min ikun inkarigat, mill-Istat stess, biex jibni kultura demokratika fil-pajjiż.

Ombudsman

6. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar l-Ombudsman Parlamentari, l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon reġa’ tenna l-bżonn tat-twaqqif ta’ National Human Rights Institution. Sejħa li kif huwa stess iddikjara kienet saret qabel, imma wkoll li għadha ssir kostantement mill-uffiċċju tiegħu. Sejħa sabiex ikun hemm uffiċċju fil-pajjiż taħt id-direzzjoni tal-istess Ombudsman li jħares id-drittijiet fundamentali tal-bniedem f’pajjiżna. Jekk qabel seta’ kien hemm min kellu dubju, naħseb li ċ-ċirkostanzi preżenti għandhom jibdlulu l-opinjoni. Hemm bżonn li għall-ġid demokratiku ta’ dan il-pajjiż, dan isir. Mhux biss, imma ngħid li għandu jkun hemm l-inkarigu, il-poter, id-dmir, ir-responsabbiltà ta’ dan l-uffiċċju li jsir difensur tal-valur li d-Demokrazija tirrappreżenta.

Fl-iżvilupp

7. Pajjiżna jista’ jagħmel pass ieħor ’il quddiem jekk ikollu lil min jassigura li tul is-sena mhux biss jiddefendi, imma wkoll jippromwovi, id-demokrazija. Jekk il-ġenerazzjoni ta’ qabli u tiegħi taw l-impenn sħiħ tagħhom għat-twettiq tad-demokrazija, illum hemm bżonn lil min ikompli jassigura li dak li ġie miksub ma jintilifx. Tista’ żżomm id-demokrazija għaddejja billi jkollok lil min jgħallem verament x’inhija, u x’inhuma l-vantaġġi tagħha. Mhux biss, imma l-iktar determinanti għalija hu li d-demokrazija ma tkunx biss tal-politiċi, imma tkun tal-poplu kollu, li f’dan, isir politiku. Jekk ma jkunx hemm gwida ċara, kollox jiġi aċċettat. Dak li huwa anti-demokratiku jispiċċa jidher, kif qegħdin naraw jum wara jum, li huwa parti mid-demokrazija. Dan għax, fil-verità, l-imġieba politika ta’ dawk fil-ħajja pubblika tiddependi dejjem mill-ambjent demokratiku fis-soċjetà. Proprju għalhekk li huwa daqshekk ieħor importanti li jekk irridu mġieba politika aqwa, irid ikollna sistema aqwa f’postha li taħdem.


 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...