Neruni u l-Politika
1. Is-sena 64 W.K. hija waħda li nsemmgħu f’dan kollu għax timmarkana. Nikteb f’dan sabiex wieħed jiftakar u fl-istess ħin iqiegħed fil-perspettiva l-istorja li hija parti minnu. Dak li sawwarna bħala Nsara u dak li xprunana biex inkunu fis-servizz politiku. Elf disa’ mija u sittin sena ilu, l-Insara ġewwa Ruma f’dawn il-jiem bdew għaddejjin mill-ewwel persekuzzjonijiet. Bejn it-18 u s-27 ta’ Lulju ta’ dik is-sena qam nar tant qawwi f’dik il-Belt Imperjali, li parti sew minnha ġiet distrutta kompletament. L-istoriku magħruf sew Publius Cornelius Tacitus (56 W.K.-120 W.K.) jgħid li l-Imperatur Neruni Claudius Caesari Awgustu Ġermaniku (37 W.K.-68 W.K.) waħħal apposta fl-Insara meta ma kienu ħatja ta’ xejn.
Kien huwa stess
2. Jingħad li kien huwa stess, Neruni, li ħa ħsieb iqabbad dan in-nar, kif jakkużah l-istoriku, sabiex jibni dik li għadha magħrufa fil-kobor u fl-isplendur li jingħad li kellha bħala ‘Domus Aurea’. L-istoriċi llum jippruvaw jerġgħu jqisu lil dan l-Imperatur, li baqa’ jġorr din il-fama żbaljata. Jippruvaw iqegħduh f’dawl aqwa milli għandu, imma l-fatt jibqa’ ċar li kien hu li ddeċieda li kellu jwaħħal fl-Insara. Kien hu li ordna li diversi jiġu maqtula u maħruqa għall-iskop tiegħu. F’dan beda proċess twil ta’ persekuzzjoni li ħa l-mijiet ta’ snin sakemm wasal il-mument meta l-Imperu aċċetta. Aċċetta lill-Insara u r-reliġjon tagħhom fl-iżviluppi sħaħ li kienet għaddejja minnhom. Kien b’Kostantinu l-Kbir (272 W.K.-337 W.K.) li f’dan għandu fuqu l-mertu ta’ dan il-pass, li hu rikonoxxut f’diversi kotba.
Il-fatt jibqa’
4. F’dan, però, l-isfond storiku huwa wkoll wieħed li jfakkar li l-Insara, tul is-sekli, kienu u baqgħu ippersegwitati. Hemm livelli varji f’dan bejn dawk morali, ta’ disprezz, u dawk fiżiċi, fis-swat. Nafu li sal-ġurnata tal-lum, diversi bnedmin bħalna jinqatlu u jgħaddu mill-martirju proprju għax huma Nsara. Biss, dan m’għandux jaqta’ qalb dawk li huma Nsara, u iktar dawk li huma fil-ħajja politika. Iktar u iktar f’din is-soċjetà, fejn bil-kurrenti varji tagħha trid taqbad toroq li jiċħdu l-wirt sħiħ li hija sinjura bihom. Mhux faċli, ċertament, u għad hawn min jibqa’ pass lura għax jara li jekk irid jirnexxi ma jistax ikollu l-approvazzjoni jekk ikun Nisrani f’ħidmietu. Imma dan irid jingħad, għax f’dinja politika li trid timxi ma’ dak li huwa iktar materjalista, hemm bżonn melħ tajjeb. Hemm bżonn sens u sustanza li tibdel.
Il-Valuri Demokristjani tagħna
4. F’soċjetà li issa trid taqbad tmur iktar lejn il-lemin estrem. Fejn l-aġir u l-ġustifikazzjoni tiegħu jiġi ibbażat fuq il-kunċett li l-għan jiġġustifika kull mezz użat, anki jekk żbaljat fih innifsu. Fejn sfortunatament, anki fil-politika Maltija, ukoll, dan qed jinxtered u hemm bżonn bidliet. Il-politika ta’ Neruni ma tkabbarx, imma tkisser. Il-politika ta’ dawk li jiċħdu l-valuri Nsara ma tkattarx. Iġġib il-kontra. Pajjiżna, iktar u iktar fi ħdanna bħala partit, irridu napprezzaw li għandna wirt li ġej minn dak li missirijietna fasslu. Il-valuri Demokratiċi-Nsara li għandna mnaqqxa ġid ġiebu, meta mxejna magħhom. Morna lura u nkomplu mmorru jekk ma nifhmux min aħna, dak li nirrappreżentaw u dak li għandna nwettqu.
Konna ilna diġà
5. Għalkemm, ċertament, il-pożizzjoni mhijiex faċli jew sempliċi, u qed issir dejjem iktar ikkumplikata, xorta hemm il-bibien tal-futur miftuħa. Jekk ma nifhmux li l-poter waħdu mhuwiex biżżejjed imma hemm bżonn ta’ iktar. Jekk naħsbu li l-importanti huwa biss dan u ninsew warajna l-valuri Nsara sħaħ li għal dawn il-mijiet ta’ snin ilna nħaddnu, niżbaljaw. Il-partit fil-Gvern ġie f’li ġie proprju għax mexa mal-ideat politiċi ta’ Neruni. Abbanduna l-valuri t-tajba biex ħaddan dawk tal-poter. Saret ċaħda ta’ dak kollu li kellna, u għalhekk wieħed m’għandux jirrepeti l-passat reċenti. Infakkar biss li meta nxtered in-nar ta’ Ruma u bdiet il-persekuzzjoni, pajjiżna kien diġà ilu erba’ snin li laqa’ għandu lil San Pawl.
Il-Fuħħari ta’ Ġeremija
6. Tul din il-ġimgħa qrajna, fil-bidu ta’ dan ix-xahar ta’ Awissu, dwar kif il-Profeta Ġeremija jsib ruħu quddiem il-fuħħari. Kif, waqt li qiegħed fuq xogħolu jingħad li seħħ hekk: “U hekk kif il-ġarra li kien qed jaħdem ħarġitlu ħażin, kif jiġrilu t-tafal f’idejn il-fuħħari, dan reġa’ għamel oħra minnha kif għoġob lilu.” Din hija proprju s-sejħa tagħna llum. Jekk aħna fil-mestier politiku fuq in-naħa t-tajba rridu nagħrfu li għandna dmir nutilizzaw sew it-tafal li għandna f’idejna. Il-bnedmin huma t-tafal, u magħhom is-soċjetà li jridu jgħixu fiha. Dmirna llum huwa li nagħrfu t-tafal it-tajjeb u l-fuħħari kapaċi. Dmirna hu li nkunu lura fil-politika Demokratika-Kristjana tagħna u niċħdu dik ta’ Neruni.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment