25.8.24

DETERMINANTI

1. Għalkemm diversi jistgħu jaħsbu li dan huwa sajf bħall-oħrajn, fil-fatt mhuwiex. Hemm min qiegħed jara dan fil-lenti tal-mistrieħ li wara kull elezzjoni jidher li jinżel fuq kull partit. Biss, fil-fatt, dik l-apparenza mhix. Veru li għad fadal tlett snin ta’ din il-leġislatura mill-iktar ikkumplikata. Imma dak li jista’ jsir u anzi, ngħid li għandu jsir, f’dawn il-ġimgħat li ġejjin ser ikun determinanti fit-tul.

Vantaġġi u żvantaġġi

2. F’dan hemm ’il fuq u ’l isfel tal-pożizzjoni politika. Fuq naħa hemm min qiegħed “jistrieħ” fuq dak li seħħ f’Ġunju, u fuq l-oħra hemm differenza. Hemm min jista’ jaħseb li l-Partit fil-Gvern qiegħed jidher li qiegħed “jiżżarma” għax qabad it-triq għan-niżla. Imma hemm min qiegħed jikkunsidra punti oħra. Huwa minnu li esternament jidher li diversi li kellhom kariga fil-Partit Laburista rriżenjaw jew għażlu li jimxu f’direzzjoni oħra. Fuq linja oħra jista’ wkoll jiġi kontemplat li dawn waslu f’din il-venda għax jaraw li l-aħħar riżultat jitlob miżuri u deċiżjonijiet differenti. Xejn ma huwa eskluż, imma jibqa’ l-fatt li dak kolli li ġej huwa determinanti.

X’voti għandu?

3. Ir-riżultati, speċjalment dawk tal-Parlament Ewropew, daqqew qanpiena ta’ attenzjoni. Il-Partit Laburista naqqas sew fil-voti u fil-persentaġġ elettorali. Biss żamm, tajjeb jew ħażin, it-tama li għadu fil-pożizzjoni li jikkumbatti elezzjoni ġenerali oħra. L-ewwel, għax huwa naqqas, imma l-voti marru għand kandidati indipendenti u mhux fuq il-Partit Nazzjonalista; u t-tieni, żamm il-maġġoranza relattiva li fl-aħħar mill-aħħar tibqa’ tiggarantixxi l-Gvern fir-raba’ leġiżlatura. Mhux biss, imma f’dan jista’ wkoll idawwar l-attenzjoni elettorali vera tiegħu sabiex jindirizza lil dawk li mhuwiex wisq indirizzati. F’kelma waħda, il-parti tal-elettorat li għażel li ma jivvutax. Għaliex jifhem dawk li għandu bħala voti u dawk li jista’ jaħseb li jista’ jirkupra.

Kollettivament

4. Ix-xenarju mhuwiex tant sabiħ f’dan imma hemm, independentement mill-għidut, l-ilsna mhux tajba u dawk li jaħsbu li jifhmu imma li ma jifhmux, forma ta’ responsabbiltà kollettiva. Waħda li għandha l-piż politiku. Għax dawk li kienu hemm fil-karigi varji, f’dik it-telfa, ilkoll qed jieħdu pass lura fl-umiltà jew fis-suppervja. Imma xorta, f’dan qiegħed ċertament isir. L-iżvantaġġ tal-Partit Laburista huwa li fuq naħa ser jitlef ċerta esperjenza politika, u fuq l-oħra għandu l-vantaġġ li jista’ jibni jew jidher li qiegħed jibni mill-ġdid. U f’dan hemm dak il-bżonn elettorali tal-immaġini u tal-metodi, wara dak kollu li matul din is-sena, xahar wara xahar, qiegħed joħroġ. Skandli u tradimenti varji. Pożizzjoni politika, għalhekk, li tista’ tkun f’forma tal-aħħar karta iddisprata jew le, u tista’ tkun ukoll opportunità interessanti.

Favur jew kontra

5. Iltqajt ma’ dawk li għandhom it-teorija li dan huwa l-bidu tat-tmiem tal-Prim Ministru attwali. Jista’ jkun. Dan li għaddej jista’ jidher li huwa parti minn proċess biex titnaqqaslu mis-saħħa interna fil-partit. Jista’ wkoll jindika li mhux kull parti tal-Partit Laburista lesta li taħdem taħtu u allura trid ukoll tipprospetta li tneħħih. Imma l-fatt jibqa’ li nqabad proċess intern ta’ diskussjoni, dibattitu u formazzjoni ta’ team ġdid. Wieħed li għad għandu numru ta’ fatturi li jgħaqqduh. Ċertament l-antagoniżmu żejjed u bla forma ta’ sens jew strateġija loġika li qiegħed jidher fid-dibattitu politiku nazzjonali. Estremiżmi u reazzjonarjaniżmu bla boxxla, anki min-naħa tagħna. Ma’ dawn, però, iktar determinanti hemm numru ta’ valuri li jorbtu u jiffurmaw il-bażi u l-għeruq tiegħu.

Għadu Partit tal-Ħaddiema?

6. F’dak li ġej f’Settembru, ftit jiem oħra, huwa wkoll determinanti fl-għażla tal-fond u l-qalba politika tal-Partit Laburista. L-esperjenza politika preċedenti fid-direzzjoni tal-partit mill-2013 ’il quddiem bniet issa l-idea interna u opinjoni konvinta li din kienet żbaljata. Waħda li telqet ’il bgħid mill-ġlieda għall-klassi tal-ħaddiem, li f’numru ta’ mumenti saret ferm aħjar mill-Partit Nazzjonalista u waħda li fil-preżent tidher kollox barra d-difiża ta’ dawk li huma l-iktar ’l isfel. Jekk ser ikun hemm din il-bidla fil-pożizzjoni strateġika u metodoloġika, allura l-pożizzjoni politika tinbidel. Iċ-ċentru xellug moderat abbandunat li hemm fih, u li ma jħossux rappreżentat, jaf f’dan jinġibed lura. Mhux biss, imma hemm l-effett li ma jistax jiġi traskurat li meta dawk assoċjati sew mar-“reġim” ta’ qabel ma jibqgħux hemm, allura jaf jitwieled effett differenti. Proprju f’dan ngħid aktar li m’għandniex inkunu żbaljati f’li ninjoraw dak li qiegħed isir u ma niċċaqilqux ukoll.

Il-Futur

7. Il-Futur ħadd ma rah. Ftit inqas dak li ġej f’Settembru u wisq inqas dak li ser ikun f’elezzjoni ġenerali oħra. Hemm sfidi elettorali kbar għaddejjin li m’aħniex naraw biżżejjed. Jidher biss li huwa l-Partit Laburista li għandu bżonnhom, però huwa l-każ li l-Partit Nazzjonalista wkoll għandu jidħol b’responsabbiltà li jwettaq. Għax il-fatt jibqa’ li l-vot għall-partit bħalissa fl-Oppożizzjoni ma żdiedx u bqajna mal-marġini tat-42% u dan wara snin ta’ traġedji politiċi kontinwi u kostanti kommessi mill-Partit Laburista. Iżda indipendentement minn dan, li ċertament jitlob aktar attenzjoni, fil-preżent, għal parti mill-elettorat qiegħed jiġi reġistrat li l-Partit Laburista qiegħed jidher li qiegħed iwettaq dak li huwa mistenni minnu.

Jibqa’ determinanti

8. Kemm dak li jidher sejjer verament iseħħ fir-realtà, dik ħaġa oħra. Imma l-fatt ċertament jibqa’ li dan huwa xahar determinanti għall-politika Maltija.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...